|
Wara l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew li għaddiet kont qiegħda nisma’ diversi kummentarji fuq stazzjonijiet differenti. Proprju fuq l-istazzjon NET TV smajt kumment interessanti dwar il-kontribut ta’ Arnold Cassola fil-politika Maltija.
Il-kumment kien li “ħasra” li Cassola se jkollhu b’xi mod jew ieħor jitlaq mill-politika minkejja li jidher ċar li huwa validu u li hu stess jixtieq ikollu r-raġuni biex ikompli.
U huwa proprju dan li naħseb jien ukoll. Iżda naħseb li l-“ħasra” tiegħi hija waħda aktar ġenwina minn dik li setgħu esponew esponenti Nazzjonalisti. Dan għax huwa minnu li Cassola hu validu, iżda mhux possibbli li jgħix fis-sistema politika Maltija. Dan għas-sempliċi raġuni li s-sistema politika tagħna ma tippermetti bl-ebda mod li partit daqstant żgħir jiġi rappreżentat fil-Parlament. Li s-sitwazzjoni titbiddel ma jidhirx li hemm xi tama.
Wieħed jista’ jargumenta li forsi jekk il-partit jew kandidat huwa tajjeb jasal xorta. Iżda meta wieħed iqabbel ir-riżorsi finanzjarji kif ukoll umani li għandhom il-partiti ż-żgħar ma’ dawk li għandhom il-kbar, joħroġ ċar li partiti żgħar m’għandhomx ċans. Biss biss wieħed irid jieħu f’konsiderazzjoni li l-partiti l-kbar għandhom it-televiżjonijiet tagħhom – li jiddeterminaw direttament ir-riżultat tal-elezzjoni.
U hawnhekk tidħol kwistjoni interessanti. Politiku li verament jħaddan ċertu prinċipji (f’dan il-każ primarjament ambjentali) dejjem jaqbillu jkun mal-partit li hu msemmi għal dawk il-prinċipji biex jiddefendihom? Jiġifieri ambjentalist għandu bilfors jalleja ruħu ma’ partit li jissejjaħ esklussivament “ambjentalist” biex jattwa l-prinċipji tiegħu? Fi kliem ieħor jista’ wieħed isaħħaħ il-prinċipji ambjentali fi ħdan il-Partit Laburista jew Soċjalista b’mod aktar effettiv billi jifforma parti minn dawn iż-żewġ partiti aħjar milli jibqa’ għal rasu taħt il-bandiera ta’ partit tal-ħodor?
Għalkemm din tista’ tissejjaħ kontradizzjoni, hu biss kompromess, li minnhom tant jeżistu fil-politika, kif wieħed iwassal il-vuċi tiegħi iktar ’il bogħod.
U għalhekk nemmen bis-sħiħ li Cassola jista’ jikkonsidra li jalleja ruħu ma’ partit akbar u jbiddel lil dan il-partit minn ġewwa (jekk ikun hemm bżonn) flok jattakka l-partit minn barra fi gwerra l-istil ta’ David u Gulija.
Aktar u aktar dan jista’ japplika meta wieħed iqis li kull partit illum qed jinkludi fuq quddiem tal-aġenda tiegħu miżuri ambjentali. Dan qed iġib f’dubju l-bżonn tal-eżistenza ta’ partiti esklussivament immirati għall-protezzjoni tal-ambjent (li huma l-bażi tal-partiti ħodor). Il-Partit Soċjalista fl-aħħar elezzjoni pereżempju għamel l-ambjent bħala prijoritŕ fil-programm elettorali tiegħu u l-kelma “aħdar” probabbilment hija waħda mill-kliem li l-aktar jidhru fil-paġni ta’ dan id-dokument.
Ta’ min ifakkar ukoll li fl-elezzjoni tal-2003, kieku dawk li vvotaw lill-Alternattiva Demokratika u dawk li vvotaw lill-Partit Laburista ngħaqdu, kieku probabbilment kienu huma fil-Gvern u mhux il-Partit Nazzjonalisti.
Fil-politika jsir ħafna tibdil. Forsi wasal iż-żmien anke għal Arnold Cassola biex jaħsibha sew. Wara kollox il-prinċipji mingħajr poter ma tantx jgħoddu. Lanqas l-Oppożizzjoni li għandha kważi 50% tal-appogg ma tista’ tagħmel li trid. Forsi wasal iż-żmien li l-Alternattiva Demokratika tissieħeb ma partit kbir u timmilita minn ġewwa u mhux minn barra.
L-għażla tal-Partit għandha titħalla f’idejn il-partitarji biex jagħżlu liema partit mill-kbar huwa l-aktar ambjentalist. Jistgħu jmorru mal-Partit li kien se jagħti l-permessi biex jinbew ir-Ramla l-Ħamra, il-Mistra u l-Baħrija.
Dak li ilu diġŕ jistenna għexieren ta’ snin biex jintroduċi s-separazzjoni tal-iskart u l-enerġija alterattiva. U dak li wara kollox, kien ħadem kontra l-Alternattiva Demokratika, fl-aħħar mumenti tal-elezzjoni tal-2003. Jew inkella, partit li wara kollox iġġieled kontra proġetti bħal dawn u li għandu ċans, aktar mill-ieħor, li jkun fil-Gvern.
Kieku żgur li ma tkunx deċiżjoni faċli għal Cassola u sħabu, iżda kien hemm ċaqliq jew skandli ferm aktar fil-politika u “bdil” fl-idejal li malajr intesew. Skandlu akbar minn dawk ambjentali li permezz tagħhom membri parlamentari reġgħu xorta spiċċaw fil-Parlament żgur li ma jkunx!
www.lornavassallo.info
|