|
Ir-riŻultat tal-elezzjoni kien wieħed pjuttost feno-menali. U hemm ħafna x’jingħad dwar dan. U diġà ntqal ħafna. Huwa għalhekk li għażilt li nitkellem dwar aspett differenti tar-riżultat. Għalkemm jibqgħu elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew deher ċar li l-poplu esprima l-veduta tiegħu fuq il-politika nazzjonali kurrenti tal-Gvern Nazzjonalista. Wara kollox huwa biss bil-benedizzjoni tal-Gvern nazzjonali li l-akkwisti mill-Unjoni Ewropea jistgħu jinkisbu effettivament.
Kif jissejħu ħafna drabi, il-panpaluni tal-Ewropa, il-Partit Nazzjonalista tal-2009, irnexxielu jikseb persentaġġ li bagħtu lura 58 sena. L-40% dakinhar kienet f’Elezzjoni Ġenerali iżda kif kulħadd jaf kampjuni anke ta’ persentaġġi ħafna iżgħar juru l-opinjoni tal-poplu aħseb u ara fuq persentaġġi daqshekk kbar.
Iżda s-serħan il-moħħ wara r-riżultat ta’ din l-elezzjoni jirriżulta li rsaqna eqreb lejn l-Ewropa – fis-sens it-tajjeb. Nisimgħu ħafna kummenti fit-toroq u fil-ħwienet. Kummenti razzisti ta’ poplu li ftit li xejn ra immigranti Afrikani. Iżda lil hemm mir-razziżmu għalkemm mingħalina dħalna fl-Unjoni, kien proprju l-Gvern Nazzjonalista, li żammna dejjem eqreb lejn stat Afrikan.
U billi ngħid dan, nerġa’ ntenni, minix qed inkun razzista. L-ikbar ferita tal-kontinent Afrikan sfortunatament hija l-korruzzjoni. Minħabba fiha jeżisti l-faqar, il-mard u l-pjagi kollha Afrikani. U l-emigrazzjoni mill-Afrika huwa effett wieħed tagħha.
Li kien qed inikkitni bil-bosta qabel din l-elezzjoni kien il-fatt li l-korruzzjoni kienet qiegħda tgħolli rasha f’pajjiżna u każi ta’ irregolaritajiet saħansitra fejn ġie allegat involvimenti minn Membri Parlamentari kienu qegħdin jindraw. Saħansitra spiċċajna b’każi wara każi ta’ irregolaritajiet li allegatament twettqu biex l-Elezzjoni 2008 intrebħet. Il-Malti spiċċa joħlom bl-inkubu tal-korruzzjoni. Din żgur li mhix ħaġa faċli. Għax f’pajjiż fejn tgħolli rasha l-korruzzjoni l-fqir jiġi emarġinat u ma jieħux id-drittijiet tiegħu u s-sinjur jispiċċa jħallas għal dak li għandu dritt għalih b’xejn.
U għalkemm fil-wiċċ u uffiċjalment deher li l-firma ta’ Dottor Fenech Adami wasslitna fl-Unjoni jekk kellna nħarsu lejn l-Indiċi tal-Perċezzjoni tal-Korruzzjoni magħmul kull sena mit-‘Transperancy International’ (soċjetà internazzjonali non-governattiva li twaqqfet apposta biex tiġġieled il-korruzzjoni) jidher li konna pajjiż ferm lejn l-Afrika.
Ta’ min jgħid li mill-pajjiżi kollha li llum jifformaw parti mill-Unjoni huma biss xi tlieta jew erbgħa tal-Ewropa tal-Lvant flimkien mal-Italja u l-Greċja li jeċċedu lil Malta. Fil-każ tal-pajjiżi eks-kommunisti wieħed jispera li sħubija fl-UE tħalli l-effett mixtieq, mentri fil-każ tal-Italja l-korruzzjoni hija storja magħrufa. Sfortunatament il-Greċja huwa pajjiż ieħor li huwa fin-Nofsinhar tal-Ewropa u li għandu dan id-diżunur. Ta’ min jgħid ukoll li din l-istatistika tindika korruzzjoni fost “uffiċjali pubbliċi u politiċi”.
Iżda ta’ min jgħid ukoll li pajjiżi bħal Botswana, l-Emirati Għarab Magħqudin u Puerto Rico għandhom l-istess Indiċi bħalna. Mentri l-pajjiżi fundaturi tal-UE li ovvjament għandhom kompetittività għolja u għandhom livell għoli ħafna ta’ ħajja (li ħadd ma jista’ jinnegah) jinsab ferm aktar ’il fuq minn Malta.
Il-PN ġralu bħal omm li welldet lil bintha – Malta fl-UE – iżda hi stess kienet qiegħda toqtolha bl-abbandun. Se jkollha tkun it-tieni omm tat-tarbija – l-omm protettiva li tkabbarha. U se jkun hekk biss li din it-tarbija tikber fil-pajjiż li ħolmu bih bosta Maltin meta vvotaw favur l-UE. U huwa hemmhekk l-ikbar żball li għamel Partit Nazzjonalista. Mentri għallem lill-Maltin b’livell tal-ħajja Daniż, Olandiż, Ġermaniż jew Ingliż… il-flus u l-enerġija ħlihom fuq l-elezzjoni mhux fuq li jirrealizza l-ħolma ta’ min ivvotalu. Wara kollox min ivvota lill-PN fl-2003 ivvotalu għall-“ħolma Ewropea” mentri l-aħħar elezzjoni u r-rebħa marġinali tal-Partit Nazzjonalista fl-2008 ta maġġoranza relattiva hija ferm dubjuża u swiet lill-Partit Nazzjonalista ħafna ksur ta’ etika u ħafna favuri tal-aħħar minuta.
Kemm-il darba b’dispjaċir esprimejt ruħi li donnok malli taqbad mill-Isvizzera ‘l isfel flok il-ġustizzja tirrenja l-inġustizzja u l-korruzzjoni. U jista’ jkun li l-istatistika tagħtini raġun. Iżda issa, jidher li l-Maltin qegħdin isiru verament Ewropej. Malta b’inqas korruzzjoni u irregolaritajiet, b’kompettività għolja u impjiegi sodi, b’pagi li jirrendu u b’vuċi għolja fl-Unjoni. U li tqis lilha nnifisha verament bħala ugwali għal kull stat ieħor billi jekk għandha tieħu deċiżjoni fl-interess nazzjonali. Mentri fl-1964 PN kien il-Gvern li wassal lil Malta għall-Indipendenza (jekk ninjoraw l-1958), kellu jkun il-Partit Laburista li jlaħħam f’Repubblika u wara gżira Ħielsa. Jista’ jkun li l-istorja tista’ tirrepeti ruħha.
www.lornavassallo.info
|