|
Li wieħed jaqra programm elettorali ta’ partit jew manifest elettorali huwa dejjem importanti. Bħalma jiġi sostnut kemm-il darba dwar it-twemmin reliġjuz hekk ukoll għandu jkun it-twemmin politiku li wieħed iħaddan. Li wieħed ikun kattoliku għandha jkun frott il-konvinzjoni libera u matura tiegħu u mhux frott it-twelid u t-trobbija tiegħu. Hekk ukoll il-prinċipji politiċi leminin u xellugin u l-implimentazzjoni fil-prattika tagħhom.
Il-prinċipji politiċi inġenerali qajla jitbiddlu. Il-qafas jibqa’ dejjem l-istess. L-istess il-punt tat-tluq. Li jinbidel minn pajjiż għall-ieħor, minn partit għall-ieħor jew minn mexxej għall-ieħor huma biss id-dettalji.
Iżda llum xtaqt nidħol aktar fid-dettal dwar il-mod kif qed tinbidel il-politika xellugija fir-rigward ta’ l-ambjent. U f’dan il-qasam, lokalment, għal darb’oħra, nħoss li għadna verament lura. Il-viżjoni u l-mira Ewropea għar-reġjun tal-Mediterran, għallinqas dik soċjalista u progressiva, hija ferm ‘il bogħod minn dik li qatt nistgħu nilħqu aħna bit-tkarkir ambjentali preżenti.
Wieħed mill-oqsma fejn verament għadna bil-karrettun u l-ħmar huwa fil-produzzjoni ta’ l-enerġija. Mentri f’Malta ilna nitkellmu fuq l-idro-elettriċità, l-enerġija solari u l-enerġija mir-riħ, kull ma dan ipproduċa huma dibattiti u kontroversji ma jispiċċaw qatt. Kif jaf kulħadd anke s-separazzjoni ta’ l-iskart domna nitkellmu fuqha madwar għaxar snin qabel ma bdiet tiġi mplimentata fattwalment.
Kwistjoni li dejjem qed iżżid fl-importanza iktar kemm jgħaddi ż-żmien fl-Ewropa hija l-enerġija. L-Unjoni Ewropea trid tibda immedjatament taħseb fl-indipendenza tar-riżorsi ta’ enerġija tagħha. S’issa għadha timporta 50% ta’ l-enerġija u huwa fatt li din iċ-ċifra se titla’ għal 70% sal-2030. L-UE nnifisha qed tħares lejn il-Mediterran bħala sors ta’ enerġija solari minnu nnifsu fejn pajjiżi bħal Malta jkunu, mhux talli jipproduċu biżżejjed enerġija solari biex imantnu lilhom infushom, iżda wkoll talli jesportawha lejn l-UE. Huwa għalhekk ta’ diżappunt, li mentri l-Partit Soċjalista Ewropew għandu din il-viżjoni ambizzjuża għalina, hawn Malta l-ambjent huwa wieħed mill-aktar oqsma mitluqa u li javvanzaw bil-mod.
Minħabba problema ta’ spazju sejra sempliċement nelenka l-veduti tal-programm elettorali tal-Partit Soċjalista Ewropew fil-qasam ambjentali. Inħalli f’idejn il-qarrej biex iqabbel il-viżjoni ambjentali Ewropea mar-realtà tagħna llum f’pajjiżna.
L-ewwelnett, l-għajta hija dik ta’ ‘Smart Green Growth’ li tikkontempla l-ħolqien ta’ 10 miljun post tax-xogħol ġdid sa l-2020 u li minnhom żewġ miljuni jkunu fil-qasam ta’ l-enerġija innovattiva. Dan ifisser allura, li aktar traskuragni ambjentali tfisser inqas impjiegi f’dan is-settur. It-tieni proposta hija ta’ titjib fil-qafas tat-trasport Ewropew bl-art, bl-ajru u bil-baħar (ovvjament mhux se nikkummentaw dwar Malta!). Tkabbir tal-produzzjoni ta’ l-enerġija permezz tar-riħ u għajnuna finanzjonarja mill-Bank ta’ Investiment Ewropew kif ukoll mill-Fondi Strutturali Ewropej biex dan isir. Is-sitt proposta hija dik li għandha x’taqsam mal-insulazzjoni tad-djar li twassal għal inqas ħela ta’ enerġija filwaqt li għall-proposta li iktar fondi jiġu vvotati għar-riċerka f’dan il-qasam.
Bħalma għidt qabel, m’għandix aktar x’nikkummenta dwar is-sitwazzjoni lokali f’dan il-qasam. Li huwa diżappuntanti wkoll f’din l-istorja kollha huwa l-fatt li ċertu Ewropej indunaw bil-potenzjal ta’ Malta f’dan il-qasam qabel ma ndunaw il-politiċi Maltin li għandhom ir-riedni f’idejhom u li jistgħu fil-fatt jibdew jimplimentaw u jaħdmu bis-sħiħ biex insiru sors ta’ enerġija għall-Ewropa kollha flok ma nispiċċaw nimportaw l-enerġija tagħna u nirriskjaw il-multi mill-istess Unjoni minħabba l-istess produzzjoni ta’ l-enerġija biex nissuplixxu s-suq lokali.
Huwa wkoll għalhekk li ghal darb’oħra l-votant Malti jrid jiżen sew l-affarijiet, jinforma ruħu u jagħmel għażla bbażata fuq politika ta’ konvinzjoni. Għax wara kollox, s’issa jidher ċar, li għalkemm il-potenzjal għall-pass ‘il quddiem qiegħed hemm u saħansitra s-sostenn morali mill-Unjoni wkoll qiegħed hemm, xorta, tort ta’ politiċi għajjenin, il-pass għadna m’għamilniehx.
www.lornavassallo.info
|