|
It-temi li qegħdin ikellmuni dwarhom iċ-ċittadini Maltin meta nkun qiegħda niltaqa’ magħhom fi djarhom huma bosta u jvarjaw mill-għoli tal-ħajja u n-nuqqas ta’ xogħol għall-immigrazzjoni irregolari.
Ma jistax jonqos li oħrajn ikellmuni dwar is-suċċess li jkunu qegħdin jiksbu, bħal ngħidu aħna fl-eżamijiet, fil-ħajja personali jew fil-karriera. Ilkoll huma esperjenzi li qiegħda nitgħallem ħafna minnhom u li nieħu pjaċir naqsam mal-persuni ta’ kull età li qiegħda niltaqa’ magħhom.
Għexieren ta’ persuni jkellmuni dwar il-liċenzja tat-televiżjoni. Jidher li fid-dawl tal-piżijiet li l-Gvern ta’ Lawrence Gonzi impona fuq il-familji Maltin kulħadd jaħseb minn fejn jista’ jiffranka lira u ngħiduha kif inhi m’għandhomx tort.
“Hemm xi regoli biex ma nibqgħux inħallsu din l-imbierka liċenzja. Hemm xi ċans li nġibuha żewġ kif ġara fil-każ tas-satelliti?” jistaqsuni. Oħrajn jistaqsuk direttament jekk il-Gvern hux qiegħed jikser il-liġi tal-Unjoni Ewropea.
Ma jistax jonqos li l-maġġoranza tal-persuni li jitkellmu miegħi dwar dan jistaqsuni x’naħseb u x’se nagħmel jekk niġi eletta bħala membru tal-Parlament Ewropew.
Il-ħsibijet tiegħi dwar dan huma ċari daqs il-kristall. Il-liċenzja tat-televiżjoni għandħa titneħħa minnufih. Din il-liċenzja għandha titneħħa għax hekk wiegħed Lawrence Gonzi qabel l-aħħar elezzjoni ġenerali.
Filfatt, f’paġna 39 tal-manifest elettorali tagħhom, punt numru 11, in-Nazzjonalisti wiegħdu iswed fuq l-abjad li: “Titneħħa t-taxxa ta’ €34.95 (Lm15) li għadha titħallas fuq kull sett ta’ televiżjoni kull sena u li llum għadda żmienha.”
Għalhekk ir-risposta tiegħi hija sempliċi. Din it-taxxa għandha titneħħa għax hekk wiegħdu Gonzi u sħabu. Iktar minn hekk, għandha titneħħa minnufih għax jekk skont il-Partit Nazzjonalista din it-taxxa kien “għadda żmienha” sena ilu, aħseb u ara llum.
Kif għamilt dejjem, anke dwar dan il-każ se nkun qiegħda nagħmel il-pressjoni tiegħi biex iċ-ċittadini Maltin u Għawdxin jieħdu dak li ġie mwiegħed lilhom u huwa tagħhom bi dritt.
Għamilt hekk mill-kunsilli lokali u fil-ħidma tiegħi fil-Kumitat tar-Reġjuni tal-Unjoni Ewropea.
Irrid inkompli naħdem biex inħares l-interessi taċ-ċittadini u tal-konsumatur anke mill-Parlament Ewropew, minn fejn ikolli opportunità akbar biex nipproteġi l-interess taċ-ċittadini Maltin u Għawdxin fuq quddiem nett il-ħaddiema u l-klassi tan-nofs.
Filfatt huwa fl-interess tal-ħaddiema u tal-klassi tan-nofs li rrid nassigura li nkunu b’saħħitna fl-Ewropa.
|