|
Biex ikollok vuċi soda u b’saħħitha fl-Ewropa trid tkun taf x’qed jiġri madwarek. Ma nistax nifhem kif il-Prim Ministru Lawrence Gonzi għandu l-wiċċ jgħid li “pajjiżna għandu bżonn vuċi soda u b’saħħitha fil-Parlament Ewropew li tfittex l-interess veru tal-pajjiż.”
Allura nistaqsi, x’kienu qegħdin jagħmlu l-Membri Parlamentari Ewropej Nazzjonalisti matul l-aħħar ħames snin? Il-loġika tgħidli li la issa Gonzi qed jgħid li pajjiżna għandu bżonn vuċi soda u b’saħħitha, bla dubju dik li kien hemm qabel kienet dgħajfa u bla snien.
Proprju għalhekk sa mill-bidu nett tal-kampanja mbarkajt fuq it-tema “B’saħħitna fl-Ewropa”. Għalija dan mhux kliem fieraħ iżda huwa l-pedament tal-ħsieb politiku li qed noffri għall-għażla tagħkom. Huwa ħsieb ibbażat fuq l-għarfien li bħala poplu, anke fiż-żminijiet ekonomikament diffiċli li għandna quddiemna, jrid ikollna l-kuraġġ u l-enerġija biex inħarsu b’kull mod, kemm f’Malta kif ukoll barra, l-interess tal-familji Maltin u Għawdxin.
Ejja nagħmluha ċara. Pajjiżna għandu bżonn rappreżentanti fl-istituzzjonijiet Ewropej li ma jiddejqu xejn joħorġu għonqhom u jsemmgħu leħinhom fuq kwistjonijiet li qegħdin jolqtu b’mod dirett liċ-ċittadini tagħna. Dejjem sħaqt li ma dħalniex fl-Ewropa għal gost u pjaċir li nxejru l-bnadar. Spiċċa ż-żmien li noqogħdu nifirħu bis-sħubija kif donnhom għadhom qegħdin jagħmlu Gonzi u sħabu. Issa rridu naraw li nsarrfu din is-sħubija biex dawk id-drittijiet u opportunitajiet kollha li jeżistu fl-Ewropa jitgawdew ukoll mill-Maltin u l-Għawdxin.
Għax f’dan il-pajjiż ma nistgħux nibqgħu qisu xejn mhu xejn. Fejn għandek minn iħaddem, qed jgħaddi minn martirju, għax is-sitwazzjoni hija ħażina u min jaħdem, għaddej minn kalvarju għax ma jistax ilaħħaq mal-għoli tal-ħajja.
Il-fatti ma jista’ jmerihom ħadd u l-fatti huma li f’Novembru li għadda, Gonzi fil-baġit kien ftaħar li l-għoli tal-ħajja kien ilaħħaq it-3.7%. Illum, sitt xhur biss wara, Gonzi u sħabu tant tilfu l-kontroll li l-ħajja splodiet b’aktar minn 16%. Dan ifisser li l-familji Maltin u Għawdxin għandhom inqas flus f’idejhom u jgħid x’jgħid il-Partit Nazzjonalista, il-verità hi li għandna bosta familji li qegħdin ibatu.
U biex tgħaqqad, issa fuq il-‘billboards’ tagħhom qegħdin jgħidulna li l-Partit Nazzjonalista se jaħdem biex iġib aktar xogħol lejn pajjiżna. M’għandhomx għaġġla ngħid jien? Imisshom jistħu jużaw dan il-kliem. Fid-diskors tal-baġit li għadda, Gonzi kien ftaħar li f’Settembru in-numru ta’ nies qegħda f’pajjiżna kien ta’ madwar 5,000. Illum dan tela’ għal aktar minn 7,000. Altru minn par idejn sodi kif tant ftaħru qabel l-aħħar elezzjoni ġenerali, għax f’temp ta’ sitt xhur il-qgħad sploda b’aktar minn 31%. Inkredibbli dawn in-nies.
U issa agħar minn hekk. Il-Gvern qabeż is-‘ceiling’ tad-deficit li pajjiżna huwa ntitolat għalih taħt ir-regolamenti tal-ewro. Dan ifisser li hemm il-possibbiltà li minħabba n-nuqqas tal-Gvern ta’ Gonzi, l-Unjoni Ewropea tieħu sanzjonijiet kontra pajjiżna. U jekk jiġri hemm min se jħallas? Mhux ovvja li l-familji jridu jħallsu għal dan kollu!
Il-verità hi li Gonzi u sħabu qatt ma kellhom kuxjenza soċjali. Il-fatti jitkellmu waħedhom u l-fatti qegħdin jgħidulna li Gonzi tilef il-kontroll assolut ta’ dan il-pajjiż. U issa jiġi jgħidilna li jrid vuċi soda u b’saħħitha fl-Ewropa. Ara kif irid jitwemmen?
Għandna Gvern li bħal donnu qed jimxi mal-moda, itajjar u jisparpalja flus il-poplu fil-ħela u ma jaħsibx fiż-żgħir u fil-batut. Jinvesti f’bini fiċ-ċentru ta’ Brussels u jsib li m’għandux il-flus biex iwettaq programmi tant meħtieġa ta’ ‘screening’ fejn għandu x’jaqsam mal-prevenzjoni tal-marda tal-kanċer. U issa minn fuq ġie jgħolli l-kontijiet tad-dawl u tal-ilma, tal-gass u tal-aktar affarijiet essenzjali mingħajr kontrolli ta’ xejn. L-eżempju ta’ dak li qed jiġri fil-mediċini jkaxkar
Jien ninsab informata li minn stħarriġ li sar mid-dipartiment tal-affarijiet tal-konsumatur fuq 550 mediċina, instab li mal-160 kienu qegħdin jinbiegħu bi prezz ogħla mill-prezz medju Ewropew. Dan biex sa qabel l-elezzjoni ġenerali, id-dipartiment raħħas il-prezz ta’ madwar 60 mediċina bi qbil mal-importaturi. U jien għandi informazzjoni li mill-160 mediċina li xhur ilu nstabu li qegħdin jinbiegħu bl-għali, il-maġġoranza assoluta baqgħu jinbiegħu bl-istess prezz.
U minn qed iħallas? Qegħdin iħallsu l-familji Maltin u Għawdxin. Għalhekk fis-6 ta’ Ġunju, l-għażla hija ċara. Verament irridu nkunu b’saħħitna fl-Ewropa biex nirbħu f’Malta. Claudette Abela Baldacchino f’isem il-Partit Laburista mill-Parlament Ewropew taħdem biex tara li dan iseħħ.
Nota tal-aħħar. Nenu Buhagiar fis-7 ta’ Mejju, 2009, jagħlaq 89 sena. Veteran Laburista li għex żminijiet diffiċli, imma baqa’ suldat tal-azzar għal dejjem.
Hekk ikunu l-Laburisti ta’ veru. Suldati tal-erba’ staġuni. Jien bħalek Nenu. Awguri.
http://www.claudetteabelabaldacchino.eu
|