www.l-orizzont.com  
Il-Ħamis 2 ta' Settembru 2010
  L-orizzont  
Opinjoni
Editorjal
Features
Artikli/Kontribuzzjoni
Ittri lill-Editur
Rati tal-Avviżi
Arkivji
Ikkuntattjana
  FITTEX  
 
 
  Sports  

It-tim Malti jibda l-kwalifikazzjoni
ta’ Euro 2012 illum f’Iżrael.....

Wara l-inċidenti tas-Sibt li għadda fil-Pixxina Nazzjonali:
San Ġiljan jitnaqqsulhom żewġ punti
– Sospensjonijiet u multi lil uffiċjali, plejers u klabbs.....

Schembri jiskorja.....

James Paris ma’ Sliema W. għal tliet snin.....

Il-UEFA tipprojbixxi l-użu tal-vuvuzela.....

 

 
 

 

Opinjoni
 

Xandir u lingwi
minn Lorna Vassallo

Minkejja li ironika­ment dan l-aħħar kien sar sforz ieħor biex fuq il-mezzi tax-xandir jintuża Malti tajjeb, jidher ovvju li dan ma ħalliex il-frott mixtieq. Min qiegħed wara l-mikrofonu, l-ak­bar arma tiegħu huwa l-ilsien li jitkellem bih, u min qiegħed wara l-mikrofonu mhux bilfors ġurnalisti.

Għalkemm smajt ħafna ġurna­­listi li saħansitra jaq­raw num­ri u etajiet ħażin, u jippronunzjaw ismijiet barranin ħażin, sforz nuqqas ta’ riċerka, qiegħed ikun hemm ħafna nies oħrajn li jipparteċipaw fi programmi, li għalkemm jistgħu jkunu esperti fil-qasam tagħhom, żgur li mhumiex es­perti fl-ilsien Malti! Iżda fil-fehma tiegħi, xejn m’għandu jiskuża l-massakru ta’ xi lin­gwa, u hawnhekk nagħmilha ċara – il-massakru qiegħed isir ukoll fir-rigward tal-lingwa Ingliża. Anke lejn din it-tieni lingwa tagħna għandna nuru rispett. Ngħejja nisma’ kliem Malti skorrett meta dawn l-istess per­­suni jistgħu faċilment iżom­mu dizzjunarju ħdejhom u jiċ­ċek­kjaw xi dubji li jista’ jkollhom.

Ngħejja ukoll nisma’ pronunzja skorretta tal-Ing­liż. Agħar u agħar, xi kultant spiċċajna qisna qed nif­taħ­ru li la nafu nitkellmu Malti u lanqas Ingliż tajjeb! Ħaf­na drabi, imbagħad, is-sitwazzjoni tmur ferm għall-agħar meta nies li normalment jitkellmu bil-Malti u m’għandhom l-ebda aċċent Ingliż jidħlu permezz tat-telefonati. Ħafna drabi jispiċċaw mhux talli jitkellmu l-Ingliż b’aċċent Malti li ma jagħmel ebda sens, iżda ukoll jagħmlu żbalji gravi ta’ espressjoni, grammatika u vokabularju. Nis­piċċaw b’parodija mhux biss ta’ żewġ lingwi, iżda ukoll tas-soċjetà Maltija.

Dan l-aħħar ukoll, fuq l-istazzjon tal-Istat, persuna li bdiet taqra l-aħbarijiet bdiet kon­tin­wament tippronunzja kelma Ingliża bi pronunzja Maltija. Jista’ jkun li ħadd ma jinnota dawn l-iżbalji?

Punt ieħor li xtaqt inqajjem huwa li qed tispiċċa tingħata ċerta informazzjoni dwar ċerti oqsma minn nies li mhumiex esperti, u li din tispiċċa tkun misinformazzjoni. Smajt DJs jit­kellmu dwar trattati Ewropej meta deher ċar li ma jafux xi jfissru, filwaqt li drabi oħrajn preżentaturi oħrajn tkellmu fit-tul dwar suġġetti legali u pprovdew misinformazzjoni bla ebda riċerka, meta ma messhomx għamlu hekk. Tajjeb ukoll li meta wieħed jit­kellem jikkwota s-sorsi minn fejn ikun silet l-informazzjoni ħal­li almenu juru li verament daħlu f’ċertu dettall fuq is-suġ­ġett partikulari. Nemmen li l-mezzi tax-xandir għandhom jintużaw biss għal informazzjoni tajba u mhux biex ikattru ċerti impressjonijiet ħżiena u skorretti li jista’ jkollhom is-semmiegħa.

Għaqdiet tal-Malti, flimkien mal-Fakultajiet tal-Malti u tal-Ingliż fl-Università, għandhom jagħ­mlu moniteraġġ tal-kwalità ta’ lingwa li qed tintuża fix-xan­dir. Dan għandu jsir b’mod iktar strutturat u organizzat anke jekk fuq bażi volontarja. Xandara differenti għandhom jiġu mistiednin f’laboratorji tal-lingwa, jingħataw siltiet x’jipprattikaw u jiġu ttestjati fuq pronunzja jew saħansitra tagħrif ġenerali.

Ta’ min jgħid ukoll li tajjeb tittieħed deċiżjoni serja dwar kif jidhru messaġġi mibgħutin permezz ta’ ċellulari. Ħafna dra­bi dawn qed jiġu ppubblikati kif jiġu mirċievin. Iżda mentri żgur li tkun qed issir għażla tal-kontenut tal-messaġġ u jekk għandux jidher fuq l-iskrin, allura, għaliex m’għandux isir ukoll skrutinju tal-ortografija? Wara kollox, ma rridux ninsew li dan qed jagħti l-impressjoni li dan il-mod ta’ kitba huwa xi forma ta’ kitba aċċettata, mentri fil-fatt m’hijiex.

Nemmen li dejjem kellna ġerħa bil-kitba u l-użu tal-Malti, iżda jista’ jkun li dan l-aħħar l-istess ġerħa reġgħet tfanndet. Jiddispjaċini talli f’dan l-artiklu forsi tkellimt biss dwar in-nuqqasijiet tal-mezzi tax-xandir Maltin. Dan, ovvjament minħabba raġunijiet ta’ spazju. Ma ndumx ma nerġa’ nikteb dwar kif l-għan li jkollna xandara b’lingwa korretta jista’ jkun milħuq aħjar u jħalli l-effetti tiegħu fuq il-prodott finali li jiġi offrut speċjalment mir-radjijiet u mit-televiżjonijiet Maltin.

Ikkummenta dwar dan l-Artiklu Fuq

Artikli oħrajn fis-sezzjoni Opinjoni
·  Għaliex int?
·  L-immigranti u l-GWU
·  Il-klieb ta’ Napuljun
·  Il-ġid jinħoloq bix-xogħol u l-impjiegi
·  Il-qerq tas-sħubija fl-Unjoni Ewropea
·  L-UE għandha tikkriminalizza l-immigrazzjoni illegali


IT-TEMP - 2/9/2010
Rapport tat-Temp:  Il-bicca l-kbira msahhab bix-xita u bir-raghad
Temperatura: 
L-ogħla: 31°C
L-inqas: 21°C

Riħ:  Xlokk 10-20 kph
Għall-aġġornament tat-temp agħfas hawn.