|
Bil-mod il-mod qed nersqu dejjem iktar lejn l-Elezzjoni tal-Parlament Ewropew. Is-soltu kampanja tilħaq il-quċċata tagħha fl-aħħar jiem ta’ qabel l-elezzjoni. Iżda nemmen li din l-elezzjoni għal darb’oħra se jkollna sorpriza oħra. Dik tal-ħames partit.
Il-ħames partit mhux għaliex se jifforma xi partit ieħor. Iżda għaliex, għal darb’oħra nemmen li se jikber il-persentaġġ ta’ ċittadini li, kif kemm-il darba jintqal, jivvotaw b’saqajhom u mhux b’idejhom.
Għall-Eezzjoni tal-Parlament Ewropew ħadd mhu qed jistenna ‘turn-out’ bħal ma jistenna f'elezzjoni ġenerali. Il-Gvern mhux qed iqassam kuntratti ta’ xogħol kif għamel fl-elezzjoni ġenerali, lanqas m'huma jinħarġu permessi u jinqatgħu deċiżjonijiet li kienu ilhom fuq l-ixkaffa żmien. Il-bagit taż-żewġ partiti l-kbar lanqas ma jkun kbir bħal dak ta’ elezzjoni generali.
Iżda kif kemm-il darba sostnejt f’artikli tiegħi, wara s-sħubija sħiħa ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea, il-‘pattern’ li bih il-Maltin jibdew joħorġu jivvotaw se jinbidel drastikament. Dan minħabba diversi fatturi, ewlieni fosthom il-fatt li ħafna sezzjonijiet tal-poplu ndunaw diġà li l-Gvern Malti ma jistax jagħmel li jrid biex jissodisfa l-bżonnijiet tagħhom. Eżempji klassiċi ta’ dawn huma l-każ tan-nassaba u l-kaċċaturi u tas-sewwieqa tal-karozzi tal-linja.
U għalhekk f’din l-elezzjoni li ġejja wkoll, mhux talli nistenna li nara dan il-ħames partit, iżda talli nistenna li dan il-partit jikber.
Il-partiti Maltin il-kbar, fil-ġejjieni, ma jistennewx iktar sitwazzjoni ta’ 50% kontra 50%. Ninsab konvinta li l-‘pattern’ ta’ żewġ partiti, it-tnejn taħt il-50% se jerġa’ jirrepeti ruħu. Għal darb’oħra l-maġġoranza assoluta mhix se tintlaħaq.
Nemmen ukoll li wara l-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew li jmiss ir-riżultat se jkun ta’ ‘turn-out’ inqas minn dik li kellna fl-2005. Dan għax, sfortunatament, il-poplu Malti qiegħed iktar kemm jgħaddi ż-żmien, jitlef il-fiduċja fl-istituzzjonijiet u l-gvern.
Fil-fatt dan huwa aspett negattiv li nistgħu ċertament ngħidu li twieled ma’ sħubija sħiħa fl-Unjoni Ewropeja, iżda li dejjem emmint li se jkun inevitabbli. Mil-lat pożittiv, iżda, ovvjament, id-demokrazija ma tirrikjedix maġġoranzi assoluti biex jitmexxa l-pajjiż, u jekk il-maġġoranza assoluta ma tintlaħaqx dan ma jfissirx li m’hemmx gvern, oppożizzjoni jew demokrazija. Min-naħa l-oħra, meta Gvern Nazzjonalista għamel il-kwistjoni ta’ sħubija sħiħa fl-Unjoni Ewropeja ried mhux talli jattratta votanti li riedu għax kienu jħobbuh, iżda wkoll lil dawk li riedu l-Unjoni biex proprju jeħilsu mill-medjokrità li biha kien diġà qed imexxi gvern konservattiv Nazzjonalista!
Pero’ jista’ jkun li internament, il-partiti jridu jaħsbu iktar fil-fond kif se jissodisfaw lill-votant Malti. Dan għax bħal dak Ewropew, il-votant Malti qed isir wieħed verament xettiku u li juża l-elezzjonijiet bħala protesta iktar milli bħala espressjoni ta’ fehma politika.
Wieħed jistenna liż-żmien ħalli jagħti parir. Iżda wara kollox fid-dinja l-indikazzjonijiet jeżistu. Qabel it-tempesti, dejjem jiġi sħab iswed. Mentri fl-imgħoddi l-partiti l-kbar kienu jgħoddu l-voti bħal qishom tagħhom, żgur li fil-futur se jkollhom jibdlu din il-mentalità.
Il-lealtà tal-Gvern lejn il-poplu donnha li spiċċat, u hekk ukoll qed titmermer il-lealtà taċ-ċittadin lejn il-Gvern u konsegwentement, lejn iż-żewġ partiti li jistghu jkunu fil- Gvern.
www.lornavassallo.com
|