|
Min jgħid li mexjin ’il quddiem f’dan il-pajjiż, naħseb li jkun qed jgħix f’xi orbita oħra, mhux fuq pjaneta dinja. Mela ma sbieħ il-jum, ħames ewro għall-aktar affarijiet essenzjali bejn naqra ħalib u ftit ħobż. Imbagħad, għaxar ewro oħra għall-'photocopies' u 'stationery' għat-tfal qabel imorru l-iskola, imbagħad aktar tard xirja oħra għal ħasil tal-ħwejjeg, imbagħad trid timla l-karozza bil-fjuwil, għax bejn privat tat-tfal (li wkoll trid tħallas għalih) bejn il-mużew u bejn xi qadja oħra ’l hemm u ’l hawn, il-petrol inxtorob.
Imbaghad inqala’ tabib malajr malajr, u f’kemm ili ngħid tonfoq 40 ewro oħra f’mediċini. U f’ġurnata tkun tajjart aktar minn mitt ewro bla ħsieb. Forsi mhux ta’ kuljum, imma ejja ngħiduha kif inhi, il-ħajja splodiet ’il fuq, u l-pagi u l-pensjonijiet ftit li xejn żdiedu tul l-aħħar snin. Dan huwa dak li jħasseb lill-maġġoranza tal-familji tagħna kuljum. U jgħidu x’jgħidu ta’ GonziPN – din hija r-realtà li qed ngħixu fiha.
Fil-fehma tiegħi, quddiem dan kollu għandna għażla x’nagħmlu. Jew se nibqgħu plaċti u ċassi, inkella se jkollna l-kuraġġ li nqumu u nuru l-għadab tagħna lejn min ilu snin twal, kif jgħid il-Malti, juri d-debba u jqabbeż il-ħmara. Għalija l-għażla hija ċara. L-affarijiet ma jistgħux jibqgħu sejrin hekk, u wasal iż-żmien li l-ħaddiema jqumu u jsemmgħu leħinhom. Dan irid isir b’kull mezz u f’kull okkażjoni għax it-theddida fuq il-ħaddiem hija waħda reali daqs kemm hi kbira. Fiċ-ċirkostanzi ta’ riċessjoni ekonomika li għaddejjin minnha, diġà qed iqajmu rashom dawk li dejjem lesti li jwaħħlu fil-ħaddiema għal kull diffikultà ekonomika li tinqala'.
Fermament nemmen li mhux se nohorgu mid-diffikultajiet li ninsabu fihom jekk ma nifhmux darba għal dejjem li ma tistax tifred l-aspett ekonomiku minn dak soċjali. Għalija dawn huma ż-żewġ uċuh ta’ l-istess munita. Għalhekk nemmen li ma rridux inkunu ġwejjef u mingħajr eżitazzjoni nieqfu lil dawk kollha li lesti jissagrifikaw il-qagħda tal-ħaddiem fuq l-altar tas-suq ħieles.
Dan huwa l-impenn tiegħi, kemm f’Malta kif ukoll fuq livell Ewropew. Insostni li rridu nuru li bħala poplu aħna l-Maltin m’aħna inferjuri għal ħadd. F’dan il-kuntest nistqarr li rridu nkunu b’saħħitna fl-Ewropa, dejjem lesti li mmorru Brussels, u minn hemmhekk nuru li aħna m’aħniex tat-tieni klassi, u li aħna l-Maltin għandna dritt daqs ħaddieħor li nibbenefikaw mill-opportunitajiet u drittijiet li ġġib magħha din l-isħubija. Mhux sew li għal dawn l-aħħar ħames snin bħal donnu li Mal²ta u l-Maltin kienu tajbin biżżejjed biex iġorru l-piżijiet ta’ sħubija, iżda ftit li xejn doqna mill-benefiċċji.
Sħabna l-Ewropej iridu jifhmu li l-esperjenza ta’ dawn l-aħħar ħames snin għal maġġoranza l-kbira tal-poplu hija waħda morra. Kienu snin li matulhom smajna ħafna kliem sabiħ ta’ solidarjetà u drittijiet, liema diskorsi però meta ġew biex mill-kliem jgħaddu għal fatti, saru bħal suf. Ezempju ċar hija l-kwistjoni tal-immigrazzjoni illegali, fejn minkejja d-diskors sabiħ, il-Gvern ta’ Gonzi kull ma rnexxielu jikseb huwa patt għal 'burden sharing' li jitħaddem fuq bażi volontarja mill-pajjiżi membri u li l-Gvern Nazzjonalista Malti ma jista' jagħmel xejn biex iġiegħlhom iġorru l-biċċa tagħhom.
F’dak li jrrigwardja l-qasam soċjo-ekonomiku Malti, jkolli nistqarr li jien ma nistax nifhem kif jistghu l-pensjonanti jgħixu bil-pensjoni miżera li għandhom, b’bosta minnhom iridu jaraw kif se jagħmlu biex iwasslu sal-aħħar tax-xahar. Nitnixxef meta nisma stejjer tal-waħx ta’ persuni li għandhom il-ħtieġa ta’ mediċini u kura, li għax il-mezzi finanzjarji tagħhom ma jwasslux jibqgħu mingħajrhom.
Mela sewwa, l-ewwel l-anzjani tagħna jkunu ħadmu għomorhom kollu, raw kif għamlu biex forsi wkoll irnexxielhom ikollhom darhom u forsi anke faddlu sold, u issa għax pensjonanti, flok nieħdu ħsiebhom, ħalli jgħixu ħajja diċenti, għandna Gvern li qed jispiċċa jarahom bħal piż żejjed.
Il-verità hi li minkejja l-ftaħir kollu dwar sptar suppost 'state of the art', is-servizzi publiċi tas-saħħa qegħdin kull ma jmur jaqgħu lura, b’listi ta' stennija jitwalu u mediċini essenzjali li jistgħu jsalvaw il-ħajja li ma jiġux provduti mill-istat.
Taħt GonziPN jidher li hu aktar importanti li ninvestu fil-bini flok fin-nies. F’Mater Dei intefqu l-miljuni u n-nies illum il-ġurnata mhux qed jinqdew kif suppost. Familja li tkellmet miegħi dan l-aħħar qaltli li spiċċaw jistennew tnax-il siegħa sħaħ biex qarib tagħhom ingħata sodda f’sala wara li ddaħħal l-emerġenza bi qtugħ ta’ nifs. Dan mhux każ iżolat. Ilkoll smajna bi stejjer ta’ dewmien esaġerat fl-emerġenza tal-isptar; ta’ insensittività grassa f’deċiżjonijiet amministrattivi li jimpedixxu pazjenti milli jibbenefikaw minn mediċinali li jistgħu isalvawlhom ħajjithom sempliċiment għax xi ħadd mistur ikun iddeċieda li persuna mhix intitolata għal dik il-kura, meta lkoll nafu li t-tobba u l-infermiera m’ghandhomx ir-riżorsi meħtieġa biex jagħtu servizz tajjeb lill-pazjenti. Il-verità hi li minkejja l-ftaħir tal-Gvern Nazzjonalista matul dawn l-aħħar snin, il-qasam tas-saħħa mar lura bħal granċ u li qegħdin ngħixu f’soċjetà fejn is-saħħa tista’ tinxtara bil-flus, fis-sens li jekk għandek il-flus biex tinqeda privatament se ssalva, u jekk m’għandekx se tibqa’ ssaffar.
Lanqas ma nista’ nifhem kif tgħix dik il-familja bil-paga mini²ma u b’kuntratt ta’ xogħol ta’ ftit xhur. L-isfortuna hi li qiegħed jikber in-numru ta’ ħaddiema li qed jaħdmu f’impjiegi b’kuntratti definittivi. U wisq nibża' li aktar mhu se tikber ir-riċessjoni ekonomika li daħħluna fiha, aktar se jkun hemm min se jipprova japprofitta ruħu a skapitu tad-drittijiet tal-ħaddiema.
Bħala soċjalista għalija din is-sitwazzjoni hija inaċċettabli u rrid naħdem biex kif għamlu missirijietna fil-passat, meta nidew xibka ta’ servizzi soċjali li permezz tagħhom eliminaw il-faqar minn fostna, illum ukoll inxammru l-kmiem ħalli nġibu l-bidliet meħtieġa u neliminaw il-faqar il-ġdid li qiegħed iqajjem rasu f’Malta. Għalhekk ngħid li lil ta’ Brussels irridu nuruhom li aħna drittijiet u ġustizzja rridu, u jekk f’Malta l-gvern mhux kapaċi, irridu naħdmu halli nipproteġu lil ħaddiema tagħna. Aħna ġustizzja rridu u jien mill-Parlament Ewropew dak li rrid nisħaq għalih.
|