|
Għalkemm Gonzi jaqbillu jaħseb li l-maġġoranza relattiva li kiseb fl-elezzjoni ġenerali madwar sena ilu għadha għandu, din ma tista’ qatt tkun il-verità. Dan għax, kif jafu tajjeb Gonzi u sħabu, ħafna mill-wegħdiet li saru eżatt qabel l-elezzjoni, issa ma nżammux.
Meta wieħed iħares lura lejn il-ġimgħat li għaddew, jidher tajjeb ukoll li ċ-ċittadin Malti, iktar kemm jgħaddi żmien, iktar qed jitbiegħed mir-rabta intima li seta’ kien bejn il-votant u l-politiku f’Malta. Il-votant Malti ukoll, qed isir, probabbilment bħal dak Ewropew, votant supperv li ma jagħtix il-vot tiegħu kif ġieb u laħaq.
Is-serbut twil ta’ nies jistennew barra l-bibien tal-Kwartieri Laburista ftit tal-ġranet ilu xehdet li jekk il-poplu Malti jkollu jitkellem bla ma jara kuluri, jitkellem. Il-kwistjoni hi din. Li kont Gonzi, speċjalment, f’dan il-mument, noqgħod lura mill-kontroversji. Dan għax il-politika Maltija u l-opinjoni pubblika qed tinbidel ħafna iktar milli jaħseb hu, u l-maġġoranza ta’ siġġu wieħed fil-Parlament mhix xi pożizzjoni komda. Iżda m’għandhiex tkun l-unika ħaġa li tinkwieta lil Gonzi. Gonzi jista’ biss jattribwixxi s-skiet fil-pajjiż għal ċertu fatturi. L-ewwelnett, għax il-parassiti l-ħoxnin li tama matul iż-żmien fil-Gvern dejjem jibqgħu jiffinanzjawh biex ma jitilfux il-poter finanzjarju tagħhom fil-pajjiż; it-tieni, għax jeżistu dawk li għalkemm jiżżeffnu biex jivvutaw verament ma jifhmux fil-logħba tal-politika jew li lill-politika jarawha qisha reliġjon - emmen bla ma tistaqsi; u t-tielet għax l-oppożizzjoni hija pjuttost passiva.
Bħala osservatriċi tal-politika Maltija konvinta li kieku l-Mexxej tal-Partit Laburista irid iwaqqa’ l-Gvern – ovvjament mingħajr vjolenza –jista’. Il-Gvern ma jridx jinsa li apparti s-siġġijiet fil-Parlament u l-elezzjonijiet li jiġu deċiżi fuq l-għadd tal-voti, hemm mezzi oħrajn, li minn żmien għal żmien ikollhom jintużaw meta ċ-ċittadin ma jibdiex jaqbel mal-gvern tiegħu. F’dawn il-każijiet tkun ħafna drabi l-Oppożizzjoni li tmexxi dawn l-istrateġiji, biex gvern jinkines, iżda jridu jkunu propju mumenti fejn il-poplu jew il-maġġoranza kbira tiegħu, ikun verament imdejjaq bil-politika tal-gvern.
Donnha li l-oppożizzjoni għall-politika tal-Gvern qiegħda dejjem tikber. Veru li l-opponenti dejjem għandhom ċans li jinfirdu bejniethom u l-Gvern minn dan jista’ biss igawdi, iżda, min-naħa l-oħra jidher ukoll li l-front ta’ oppożizzjoni kontra l-Gvern iktar kemm jgħaddi ż-żmien iktar jissaħħaħ uj ibda jilħaq ċerta konsistenza. Mhux se ngħid hawnhekk kif nemmen li Gvern Nazzjonalista preżenti jista’ jaqa’ permezz tal-poplu – u paċifikament – m’humiex affarijiet li jiġu diskussi fil-gazzetti pubblikament.
Jekk dawn l-affarijiet niddiskutihom il-post se jkun wiċċ imb’wiċċ ma’ nies li għandhom għal qalbhom il-ġid tal-poplu kif ukoll li għandhom f’idejhom il-poter li jaġixxu. Irridu niftakru li jekk il-Gvern jitle fis-sostenn tal-poplu, anke jekk il-poplu sempliċement jiddeċiedi li ma jobdiehx, is-sitwazzjoni politika fil-pajjiż tista’ ssir waħda ferm imwiegħra. Li ma jridx jinsa l-PM Gonzi huwa ukoll il-fatt li flus m’għandux, u ċioè, li ħafna drabi, il-flus li qed jmexxi l-pajjiż bihom iġibhom mit-taxxi li qed jimponi dejjem iktar fuq il-poplu, u għalhekk bla ma jaf, Gonzi stess u l-predeċessur tiegħu, daħlu fi trabokk ta’ djun li jista’ jwassal għall-istess tiġrif tagħhom. Jekk il-fonti ta’ flus, li huwa propju l-poplu Malti, jirribella, il-gvern ma jkollux flus, u bla flus, ma nafux x’jista’ jagħmel Gonzi… speċjalment jekk bl-uffiċjali tiegħu qiegħed ripetutament jispiċċa iktar jagħti lill-Unjoni milli jieħu!
Wieħed jistenna u jara. Żgur li f’din is-sekwenza kollha se jkollha parti ukoll l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew li se tkun indikazzjoni tajba ta’ kemm hu kuntent jew skuntent il-poplu Malti bil-Gvern tal-ħames bozoz. Il-problema f’każijiet bħal dawn hija li ftit huma dawk li jistgħu jitkellmu mill-esperjenza fuq meta l-poplu jkun verament skuntent bi gvern (jekk mhux dawk li għexu l-esperjenza tal-1958 li wasslet għat-tluq tal-Imperu Ingliż). Iżda ż-żerriegħa tidher li nżergħet. Jekk tikbirx jiddependi ukoll min k kif isaqquha dawk li suppost jaraw li jsaqquha ħalli twassal għall-frott mixtieq. Li kont Gonzi, noqgħod attent, imma wara kollox, jekk Gonzi, ma jistax jagħmel mod ieħor, ftit li xejn jista’ joqgħod attent.
|