|
Meta l-ġimgħa li għaddiet smajt l-aħbar li l-Kunsill Lokali tal-Imġarr rebaħ premju minħabba l-ammont ta’ skart separat li nġabar mill-‘bring-in sites’ fil-lokalità ma stajtx ma nlissinx tbissima kbira. Iżda mentri t-tbissima suppost kellha tkun waħda ġenwina u għaliex le, it-tbissima kienet minflok pjuttost waħda ironika.
Mentri għall-Gvern dawn it-tip ta’ premjijiet suppost huma turija ta’ żvilupp fil-kamp ambjentali, għalija l-aħbar fissret it-telqa fl-introduzzjoni ta’ miżuri ambjentali u riċiklaġġ f’pajjiżna.
U għaliex qed ngħid dan? Għax jien mill-Imġarr. U żgur u mhux forsi li l-iskart li narmi regolarment jien fil-‘bring-in sites’ tal-Imġarr kienu fost dawk li rebbħu l-premju lill-Kunsill.
Iżda s’hemmhekk xejn ġdid. Li hu nteressanti huwa l-fatt li matul is-sena l-oħra, jien, personalment, kont armejt mal-ħames xkejjer karti fil-‘bring in sites’ tal-Imġarr!
Ta’ min wieħed jgħid li jien narmi karta biss meta nkun użajtha miż-żewġ naħat. Dan ifisser li saħansitra l-karti kollha li nirċievi mingħand dipartimenti tal-Gvern, banek u azjendi kollha li jkunu użati min-naħa waħda biss, nużahom kollha għax-xogħol tiegħi ta’ kuljum min-naħa ta’ wara. U għalhekk, fuq tul ta’ żmien tkun qiegħed verament tiffranka l-karti.
Huwa għalhekk li l-ammont ta’ xkejjer li rmejt kien biss ħamsa! Għax, proprjament, dawn il-ħamest ixkejjer kienu karti mmoffati! U mmoffati għax kienu ilhom xi għaxar snin jistennew li jintremew fil-‘bring-in sites’! Għax sfortunatament il-Gvern kien beda jitkellem dwar is-separazzjoni tal-iskart ferm qabel ma fil-fatt introduċa l-‘bring-in sites’! Persuni ambjentalisti bħali baqgħu jġemmgħu l-karti jittamaw li l-Gvern jibda s-separazzjoni għal żmien twil ħafna. U huwa ukoll għalhekk li l-karti tant inġemgħu li kelli nsibilhom post f’kamra pjuttost umduża. Meta fl-aħħar il-Gvern beda verament iqassam l-‘iskips’ ma’ Malta jien saħansitra kont insejthom dawn il-karti stivati u sibthom is-sena l-oħra u armejthom.
Insomma, fi kliem ieħor, il-Kunsill Lokali tal-Imġarr seta’ ħa l-premju sforz in-negliġenza tal-Gvern fl-imgħoddi, għax inzerta li xi ħadd mil-lokalità tal-Imġarr (li kont proprju jien) baqa’ jġemma’ l-karti għal snin sħaħ imbagħad armihom f’daqqa! Eżempju veru ċar ta’ kif mix-xewk jista’ joħroġ il-ward!
Ovvjament m’iniex qiegħda ngħid li kien minħabba l-karti tiegħi biss li l-lokalità tal-Imġarr ħadet premju. Lanqas ma qiegħda ngħid, iżda li l-unika darba li rmejt il-karti, metall, ħġieġ u plastik kienet dik id-darba. Ovvjament fost il-karti li ntremew l-Imġarr kien hemm saħansitra xi karti żejda li baqgħali mill-kampanja elettorali tiegħi. Lanqas ma jien qiegħda ngħid li l-Imġarr huwa l-uniku post fejn narmi l-iskart separat tiegħi.
Kollox ma’ kollox, li l-istorja tal-‘bring-in sites’ u tal-ġbir ta’ tali skart minn wara l-bibien kif kemm-il darba pproponejt fuq il-gazzetti jien, tkun suċċess hija aħbar ferm tajba. Nemmen li dak li fl-Ewropa beda jsir 30 sena ilu, fl-aħħar wasalna biex nagħmluh. Lanqas ma naħseb li għamilna biżżejjed. Nemmen li għad fadal ħafna iktar x’isir, u dak li għandu jsir mhux biss introduzzjoni ta’ taxxi ġodda. Fuq dan biħsiebni nikteb aktar artikli fil-futur. Għax, verament l-ambjent huwa suġġett għall-qalbi. Però din il-ġimgħa ma stajtx ma nitkellimx fuq dawk il-karti mmoffati!
Ħela ta’ ilma
Diġà ktibt parti mill-artiklu tiegħi li hemm ilma tal-Gvern li kien ilu ġimgħa ħiereġ wara li n-nies tal-Water Servicies sarilhom rapport u marru jispezzjonaw minn fejn kien ħiereġ l-ilma.
Il-ħaddiema li għamlu l-ispezzjoni mmarkaw bi vleġeġ ħomor minn fejn hemm il-problema xi ġurnata, jumejn wara r-rapport. Il-Kunsill tal-Imġarr irrapporta ukoll.L-ispezzjoni saret xi tliet ġimgħat ilu u l-ilma baqa’ jfawwar sal-bieraħ!
Il-post hu f’Bingemma, Mġarr. L-ilma jibda minn fejn hemm in-niċċa tal-Madonna u jibqa’ jidher għal tul twil. Ovvjament, dak li jidher huwa l-ilma li qed jinħela fuq il-livell tal-art. Bejn il-wiċċ tat-triq u l-kanen, qed jinħela wisq aktar ilma.
Għal aktar artikli, kummenti u suġġerimenti www.lorna vassallo.com jew lornav@maltanet.net
|