www.l-orizzont.com  
It-Tnejn 8 ta' Frar 2010
  L-orizzont  
Opinjoni
Editorjal
Features
Artikli/Kontribuzzjoni
Ittri lill-Editur
Rati tal-Avviżi
Arkivji
Ikkuntattjana
  FITTEX  
 
 
  Sports  

BOV Premier League:
Sliema W...3 Floriana...0
- Sliema W. jikkundannaw lil Floriana fir-Rel. Pool.....

BOV Premier League:
Msida SJ ...1 Birkirkara...2
- Birkirkara jdawru r-riżultat b’żewġ gowls f’żewġ minuti.....

UEFA Euro 2012:
Żewġ avversarji ġodda għal Malta.....

Schembri ma’ Ferencvaros.....

Il-15-il sena anniversarju mill-ftuħ tal-klabb fil-Mosta:
Alan Kennedy il-mistieden speċjali ta’ Liverpool SC - Malta.....

Tigrijiet taz-zwiemel:
Il-favorit Think Yatzee ma jfallix fl-aqwa finali.....

 

 
 

 

Opinjoni
 

1,284 vittma fil-Lvant Nofsani
minn Andre' Callus mill-Moviment Graffitti

Daqshekk kien in-numru tal-Palestinjani li nqatlu, il-biċċa l-kbira minnhom nisa, tfal u xjuħ, fi 23 jum ta’ bumbardamenti ma jaqtgħu xejn mill-art u mill-ajru. Dan in-numru, waħdu, jista’ biss jagħtina indikazzjoni tal-brutalità ta’ l-attakk imwettaq mill-forzi Iżraeljani f’Gaza. Iżda biex nifhmu it-traġedja f’din l-istrixxa t’art għandna bżonn ħafna iktar minn din il-figura. Magħha rridu nżidu dawk l-4,336 li spiċċaw midruba serjament; irridu nżidu wkoll dawk l-eluf li spiċċaw bla dar u bla xogħol; u dawk l-eluf mifnija b’uġigħ insapportabbli wara li raw lil uliedhom, lill-ġenituri tagħhom jew lil ħuthom immassakrati quddiem għajnejhom.

Ix-xita ta’ bombi issa waqfet u l-karrijiet armati marru lura fil-bażijiet militari tagħhom, iżda warajhom ħallew biss mewt, tifrik u disperazzjoni. Il-ħajja tkompli u d-dmugħ ta’ Gaza se jibda bil-mod il-mod jinxef ukoll. Iżda dan se jinbidel f’rabja qawwija li jista’ jifhem biss il-muġugħ.

Għall-Palestinjani din m’hijiex storja ġdida. Din ir-rabja u d-disperazzjoni ilha tinġema’ mill-1948, meta l-istat ġdid Iżraeljan, bis-saħħa militari tiegħu, beda jkeċċi bil-forza lill-Palestinjani minn djarhom u jaħtaf kemm jiflaħ bliet, villaġġi u għelieqi. Ħalla biss żewġ biċċiet żgħar ta’ art, mifrudin minn xulxin, fejn fihom jistgħu jgħixu l-Palestinjani: l-Istrixxa ta’ Gaza u x-Xatt tal-Punent. Iżda anke dawn ġew okkupati fl-1967.

Wara l-okkupazzjoni militari ta’ din l-istrixxa, żmien li tulu n-nies ta’ Gaza sofrew umiljazzjonijiet u abbużi tal-waħx, l-Iżrael irtira t-truppi tiegħu fl-2005. Neħħa wkoll xi nsedjamenti Iżraeljani li kienu ġew ikkreati f’dan it-territorju, għalkemm kompla jibni eluf oħra fuq art Palestinjana fix-Xatt tal-Punent. Imma hekk kif irtira t-truppi u neħħa l-insedjamenti minn Gaza beda jżomm kontroll sħiħ fuq il-fruntieri ta’ dan il-post. Kull ma kien hemm bżonn li jidħol u joħroġ f’Gaza (nies, ikel, mediċini, fjuwil u kwalunkwe ħaġa oħra) ried jgħaddi mill-kontrolli Iżraeljani. Fil-prattika dan fisser li l-Palestinjani li jgħixu f’din il-biċċa żgħira t’art sfaw priġunieri f’darhom: mingħajr xogħol, bi ftit ikel, fjuwil limitat u nuqqas kbir ta’ mediċini. Is-sitwazzjoni tgħarrqet kompletament meta l-Iżrael beda assedju fuq Gaza hekk kif il-grupp tal-Hamas ħa l-kontroll ta’ dan it-territorju fl-2007. Xejn ma seta’ jidħol jew joħroġ minn Gaza. L-ekonomija tfarrket u wħud anke mietu meta l-isptarijiet, mingħajr mediċini u fjuwil, waqqfu jiffunzjonaw.

Għalhekk dak li rajna dwar Gaza fil-jiem li għaddew ma kellux il-bidu tiegħu f’dawn l-aħħar ġimgħat. Biex verament nifhmu l-aggressjoni Iżraeljana rridu bilfors inħarsu lejn il-kuntest storiku li seħħet fih.

Huwa wkoll sinifikanti l-fatt li n-nies importanti fil-Gvern Iżraeljan dejjem ikunu ġejjin minn sfond militari. Ħafna minnhom kienu ġenerali għolja fl-armata ta’ l-Iżrael. Wieħed jista’ jara t-tmexxija Iżraeljana bħala forma kerha ħafna ta’ kolonjaliżmu. Il-problema f’dan ir-reġjun m’hijiex waħda ta’ kunflitt bejn reliġjonijiet jew kulturi, iżda hija waħda ta’ art. Il-vjolenza li qed iwettaq l-Iżrael hija parti mill-politika sistematika ta’ terrur li għandha r-rwol li ssaħħaħ id-dominanza Iżraeljana fuq it-territorju. Raġuni oħra għall-aggressjoni fuq Gaza hija dik ta’ l-opportuniżmu politiku. Ftit xhur oħra se jkun hemm l-elezzjonijiet ġenerali fl-Iżrael, u x-xejra kienet li l-partit tal-lemin estrem Likud, li bħalissa qiegħed fl-oppożizzjoni, kien il-favorit li jirbaħ. Għalhekk dan l-attakk kien ukoll mod kif il-partit fil-Gvern jerġa’ jiġbed ċertu appoġġ. Iżda dan għamlu għas-spejjeż ta’ ħajjet il-Palestinjani.

Ir-raġuni li smajna f’ħafna mill-midja, u dik li ta l-istat Iżraeljan, għal dan l-attakk hija li din kienet biss reazzjoni għar-razzi li kienu qegħdin jitfgħu l-Hamas. Intqal li bit-tfigħ ta’ dawn ir-razzi dan il-grupp kiser ftehim ta’ waqfien mill-ġlied ma’ l-Iżrael. Huwa diffiċli ħafna li wieħed jemmen li din kienet ir-raġuni vera għall-massakru ta’ Gaza. F’Novembru l-Iżrael kien diġà qatel sitt persuni Palestinjani f’Gaza f’attakk militari. Dan ifisser li kien l-Iżrael li kiser il-ftehim ta’ waqfien mill-ġlied u mhux il-Hamas. Ta’ min jgħid ukoll li sakemm beda l-attakk mill-Iżrael, ir-razzi mitfugħa mill-Hamas kienu għadhom ma ħallew l-ebda vittma Iżraeljana. Dan mhux qed ngħiduh biex niġġustifikaw l-azzjonijiet tal-Hamas. L-att ta’ tfigħ ta’ razzi fuq l-Iżrael kien bla dubju att irresponsabbli u ta’ min jikkundannah. Iżda huwa importanti li nżommu f’moħħna li l-livell ta’ vjolenza estrema mwettqa mill-Iżrael lanqas biss tista’ tiġi pparagunata mal-vjolenza li saret min-naħa tal-Palestinjani. Il-bilanċ tal-vittmi f’din l-aggressjoni jikkonferma dan. Kienu 1,284 il-Palestinjani maqtula. Dan b’kuntrast ma’ 13-il vittma fuq in-naħa Iżraeljana, li ħafna minnhom inqatlu waqt li nqabdu fin-nar ta’ l-armata tagħhom stess.

U sfortunatament il-massakru ta’ Gaza ma għamel xejn ħlief saħħaħ politikament lill-Hamas, għaliex tahom l-opportunità li jpinġu lilhom infushom bħala d-difensuri tal-poplu Palestinjan.

X’għamlu il-pajjiżi l-oħra, fosthom pajjiżna, quddiem din l-attroċità? Ftit li xejn. Biżżejjed nieħdu r-reazzjoni tal-Ministru ta’ l-Affarijiet Barranin Tonio Borg biex nindunaw in-nuqqas ta’ rieda li jkun ikkundannat dak li qed jagħmel l-Iżrael. Fl-ewwel stqarrija wara din l-aggressjoni, meta kienu diġà mietu ma l-400 ruħ, il-Ministru Borg qal biss li jifhem li l-Iżrael qed jiddefendi ruħu. Żied ukoll xi sentenzi fejn qal li għandu jsir minn kollox biex jiġi evitat li jinqatlu nies ċivili. Jekk inħarsu lejn Gaza naraw li dan huwa l-iktar post sovrapopolat fid-dinja; ħarira ikbar minn Malta u b’popolazzjoni ta’ madwar miljun u nofs. Naraw ukoll li n-nies ta’ Gaza ma kellhom imkien fejn jaħarbu għaliex il-fruntieri kienu kollha ssiġillati. Wieħed għalhekk jista’ jirrealizza kemm kienet redikola din l-istqarrija mill-Ministru Borg. Għaliex, kif l-Iżrael seta’ qatt joqgħod attent li ma jinvolvix nies ċivili meta dan ibbumbardja poplu li kien qiegħed f’gaġġa żgħira?

Meta l-Moviment Graffitti organizza marċ ta’ paċi b’solidarjetà mal-Palestinjani f’Diċembru li għadda kienet b’intenzjoni meta għedna li, barra li dan kien marċ ta’ paċi, kien ukoll b’solidarjetà mal-Palestinjani. Dan mhux għaliex ma jiddispjaċinix għall-vittmi Iżraeljani, iżda għaliex nemmnu li t-triq tal-paċi tista’ biss tinsab meta tieqaf l-inġustizzja. Min sempliċiment jikkundanna l-vjolenza, iżda jpoġġi l-Iżrael u l-Palestina fuq l-istess livell qed iċajpar il-veru kawża tal-problema: l-oppressjoni tal-Palestinjani mill-istat Iżraeljan.

Quddiem din it-traġedja nistgħu biss nisħqu fuq l-importanza tas-solidarjetà. Din is-solidarjetà għada ħajja f’ħafna pajjiżi madwar id-dinja, anke fl-Iżrael stess fejn hemm diversi movimenti paċifisti u organizzazzjonijiet li jagħmlu azzjonijiet u protesti kontra l-politika tal-Gvern Iżraeljan. Bl-għajta internazzjonali favur il-ħelsien tal-Palestina qed jintwera li l-Palestinjani m’humiex waħedhom fil-ġlieda tagħhom kontra l-oppressjoni. Qiegħed ukoll jintbagħat il-messaġġ lill-Iżrael li d-dinja għadha qiegħda tħares lejn l-abbużi li qed jagħmel. Sakemm teżisti s-solidarjetà hemm it-tama.

Palestina Ħielsa!

info@movimentgraffitti.org

Ikkummenta dwar dan l-Artiklu Fuq

Artikli oħrajn fis-sezzjoni Opinjoni
·  Faqar
·  Wara l-prosit l-ajma
·  Dun Mikiel Azzopardi
1910 – 10 ta’ Frar – 2010


IT-TEMP - 8/2/2010
Rapport tat-Temp:  Ftit imsahhab b'waqtiet sbieh jew xemxin
Viżibilit:  Tajba
Temperatura: 
L-ogħla: 15°C
L-inqas: 09°C

Indiċi UV:  2
Riħ:  Ftit qawwi ghal qawwi mill-Majjistral li jsir moderat mill-Punent sa filghaxija
Baħar:  Qawwi li jsir moderat ghal ftit qawwi
Temperatura tal-baħar:  16°C
Għall-aġġornament tat-temp agħfas hawn.