|
Il-kariga ta’ mexxej hija minnha nnifisha waħda solitarja. Kull partit politiku jista’ jkollu biss mexxej wieħed, kif titlob il-loġika, u għalkemm il-poter tiegħu huwa bilanċjat, xorta huwa wieħed superjuri.
Bin-nomina ta’ George Abela bħala President tar-Repubblika żgur li politikament se jkun inħoloq preċedent. Jien kont waħda minn dawk li verament fraħt li ntgħażlet proprju din il-persuna għal din il-kariga. Id-dibattitu dwar l-għażla żgur li għadu ma ntemmx, għalkemm żgur li għal dibattitu, f’dan il-każ m’hemmx lok! Huwa l-ikbar ‘fait accompli’ li qatt seħħ minn Prim Ministru fil-politika Maltija.
In-nomina ta’ George Abela żgur li għal ħafna nies li jissimpatizzaw mal-Partit Laburista fissret sorpriża. Kien hemm ħafna li ħaduha xettikament, oħrajn li ppreferew ma joqgħodux jomogħdu wisq l-istorja u jifirħu bil-kariga mhijiex mistennija lil xi ħadd minnhom. Iżda, għalkemm bħal ma jiġri dejjem, nies li jimmilitaw fi ħdan il-Partit Nazzjonalista rnexxielhom b’xi mod jomogħdu kliemhom u ma joħorġux fil-beraħ il-ħsibijiet tagħhom, żgur li għal ħafna Nazzjonalisti, speċjalment attivisti u membri parlamentari, l-aħbar setgħet ħadet il-forma ta’ xokk.
Kienet sajjetta f’nofs il-bnazzi. Jekk mhux hekk, għall-inqas żgur li kienet xi ħaġa mhux mistennija.
Iżda jekk wieħed imbagħad iħares lura lejn kif, bil-mod il-mod, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista u Prim Ministru Lawrence Gonzi, mexa matul il-ftit żmien li ilu fil-kariga, wieħed malajr jinnota li għalkemm mal-Partit Laburista jidher kemm-il darba qed jilgħab iċ-ċess, ma’ sħabu membri parlamentari Nazzjonalisti jilgħab ‘solitaire’.
Fil-politika, nazzarda ngħid, li huwa mportanti tkun kapaċi ddawwar dahrek lejn dawk li jkunu għenuk tasal fejn wasalt u li jkunu gglorifikawk. Hemm tant karigi x’tista’ tqassam, ħafna drabi ferm inqas min-numru ta’ nies li tkun obbligat lejhom.
Però, il-mod kif qed jaġixxi Lawrence Gonzi huwa wieħed li ftit li xejn tista’ tqabblu jew tifhmu. Jista’ jkun li qed jaġixxi waħdu, kif jaqbel lilu personalment iktar milli kif jaqbel lil dawk li tawh il-kariga. Jista’ jkun ukoll li qed jimxi kif jaq- bel lilu personalment u kif jaqbel lill-partit bħala partit, iktar milli lin-nies li jiffurmawh.
Ma rridux ninsew li waħda mill-affarijiet li wettaq Gonzi saħansitra qabel ma sar Prim Ministru huwa l-eliminazzjoni totali ta’ ħafna eks-Ministri Nazzjonalisti, kif ukoll membri parlamentari. B’mod li nistgħu nsejħulu paċifiku rnexxielu jinfluwenza r-riżultati elettorali u jelimina ċertu nies paċifikament.
Imbagħad kien hemm oħrajn li għalkemm telgħu minn saħansitra żewġ distretti - xorta ma tahomx Ministeri. Dawn huma bla dubju ta’ xejn il-każ ta’ JPO u dak ta’ Robert Arrigo.
Għalkemm il-każ ta’ JPO huwa każ kemmxejn ovvju, il-każ ta’ Robert Arrigo li politikament huwa intatt u ma kkommetta l-ebda żball politiku, mhux faċli li wieħed jifhmu.
Dawn il-mossi ta’ Lawrence Gonzi bħala Kap juruh bħala bniedem li għal darba tnejn tlieta iddeċieda waħdu, forsi kif qabel lilu, iżda kontra x-xewqa ta’ nies li min jaf kemm iġġieldu għalih u li qiegħed fejn qiegħed bis-saħħa tagħhom.
In-nomina ta’ George Abela kienet oħra minn dawn is-sensiela ta’ mossi fejn Gonzi jidher li aġixxa waħdu. Għalkemm ultimament nemmen li aġixxa fl-interess tal-partit li jmexxi, żgur li m’aġixxiex fl-interess, għall-inqas immedjat, tan-nies li jiffurmaw il-Partit li jmexxi.
Gonzi seta’ faċilment jagħżel persuna b’simpatiji Nazzjonalisti. Persuna li għenet lill-Partit tiegħu jitla’ fil-gvern. Persuna li kien jistħoqqilha grazzi. U kull persuna li ġriet mat-toroq, tat il-flus u nvestiet b’xi mod fil-Partit Nazzjonalista nemmen li qiegħda tistaqsi: kemm jista’ jkun kbir il-vantaġġ politiku bejn l-għażla ta’ persuna mill-kamp Laburista flok dik mill-kamp Nazzjonalista?
Meta se terġa’ tiġi l-opportunità li kariġa bħal din tkun tista’ terġa’ tingħata mill-ġdid? Huwa veru li partit li tellajna fil-gvern biex ikun “tagħna” verament se jgħin lilna iktar milli jgħin “lilhom”? Partit li bena reputazzjoni li jaqbeż għan-nies tiegħu, kif jista’ jkun jispiċċa jagħti kariga bħal dik fuq platt lil bniedem li ħadem “kontrina”?
Nemmen li għalkemm għandi diversi opinjonijiet fuq l-għażla tal-President il-ġdid u għandi suspett qawwi għax l-għażla waqgħet fuq il-persuna partikolari, xorta waħda nemmen li Lawrence Gonzi qed b’xi mod jonqos lil sħabu stess. B’xi mod qed jaġixxi wisq “egoistikament” u indipendentement mill-Kabinett tiegħu.
Nemmen li l-Kabinett tiegħu ma jistax jifhmu u jinsab ixxukkjat bid-deċiżjonijiet li milli jidher ħa waħdu. Għaliex wara kollox: “x’differenza hemm bejn Nazzjonalist u Laburist?”
Ilma ilu nieżel aktar minn ġimgħa ġewwa Bingemma
Skond Vince Farrugia tal-GRTU il-kontijiet tad-dawl u l-ilma hekk kif imħabbra mill-gvern saru biex jagħmlu ħażin għall-ħela tal-Korporazzjoni tal-Ilma.
Fil-baġit li għadda l-Kap ta’ l-Oppożizzjoni ħabbar eżattament kemm-il barmil ilma jintilef kuljum f’ħela. Persuna nfurmatni din il-ġimgħa li hemm ilma tal-gvern ġewwa Binġemma, Mġarr, Malta.
Ilu ħiereġ b’rata mgħaġġla għal aktar minn ġimgħa. Bejn 8-9 ġranet ilu l-Korporazzjoni mhux talli kienet mgħarrfa, talli għamlet sinjal biż-żebgħa minn fejn ħiereġ eżatt l-ilma.
Iżda dan ma jfissirx li l-ilma twaqqaf milli joħroġ, għaliex sa jumejn ilu, il-Korporazzjoni kienet għadha ma sewwietx il-ħsara.
Il-Kunsill tal-Imġarr informa lill-persuni li lmentaw li l-Korporazzjoni taf bil-każ. Però kollox baqa’ kif kien. Naħseb li dan huwa każ tipiku ta’ ħela li qed nagħmlu tajjeb għalih aħna, minn buti u minn butek.
Għal aktar artikli, kummenti u suġġeriment: lornav@maltanet.net jew www.lornavassallo. com.
|