|
F’popolazzjoni ta’ bejn kwart u nofs miljun ruħ ma jistax ikun ikollok ħafna politiċi. U bħal kull ħaġa oħra, il-politiċi jistgħu jkunu dawk tajbin ħafna li jsawru l-istorja, dawk tajbin, dawk li qegħdin hemm għax m’hemm ħadd ieħor flokhom u dawk ħżiena. B’wiċċi minn quddiem ngħid li nemmen li Malta kellha biss politiku wieħed – u ffortunati li kellna lilu. Bla dubju ta’ xejn dan kien Duminku Mintoff.
Fil-fehma tiegħi, dan kien l-uniku politiku ta’ veru. Ħaddieħor sar politiku biss għax opponieh, għax wiret jew il-voti jew il-ġid li ħalla hu, jew għax, wara kollox wiret l-istat li ħoloq hu. U għal dawk li qed jiddubitaw fi kliemi, ma nistħix ngħid, li l-politiku veru mhux dak li jiffirma t-trattati fl-aħħar mument, iżda dak li jdawwar ir-rotta ta’ l-istorja. Lanqas m’huwa dak li jbiegħ il-pajjiżu jew jingħaqad ma’ xi blokk ekonomiku f’mumenti fejn fetħu l-bibien għal kulħadd, iżda pjuttost min jirnexxilu jagħti identita’ unika lil pajjiżu u jagħmlu pajjiż.
L-ikbar politiku tad-dinja żgur li huwa Kristu. Huwa politiku differenti, iżda xorta politiku. Dan għax minn mindu ġie hu, inħolqu mhux biss kunċetti politiċi li llum insejħulhom ‘social work’, filantropija, kawżi soċjali u wara kollox is-servizzi soċjali, fejn min jista’, jgħin lil min ma jistax u l-komunità tgħix kollha flimkien, iżda nħolqu wkoll tlett reliġjonijiet. Mentri llum it-tendenza hija favur is-sekulariżmu, il-bniedem ta’ l-għoxrin seklu kull ma għamel huwa li reġa’ ħoloq rota fuq l-istess prinċipji iżda ma tahiex il-libsa reliġjuża. Iżda apparti l-ideat li ħarġu minn bniedem (jekk hux Alla jew le hija storja oħra), hemm mill-inqas tliet reliġjonijiet kbar li huma relattivi ma’ Kristu. Hemm dawk li aċċettawh, dawk li rrifjutawh u dawk li aċċettawh parzjalment. Dawn huma, fi kliem ieħor, l-Insara, il-Lhud u l-Musulmani. U apparti l-kobor ta’ dawn it-tliet reliġjonijiet li żgur li għandhom influwenza fuq il-maġġoranza tad-dinja meta mqabbla ma’ reliġjonijiet li m’għandhom xejn x’jaqsmu mal-figura ta’ Kristu, hemm ukoll il-fattur tassew sfortunat li gwerra li nħolqot propju f’ismu għadha sejra sal-lum. U naħseb li jekk din xi darba kienet realtà, fi ftit żminijiet kienet realtà daqs illum.
Issa, bħalma minn Kristu ħarġu tliet reliġjonijiet u ferm iktar: minn politiku tajjeb joħorġu ħafna politiċi u ferm iktar. Anke nazzjonijiet ferm ikbar minna, ukoll ma kellhomx politiku kbir għal sekli sħaħ, u huwa propju għalhekk li nistgħu nħossuna ffortunati li aħna wkoll kellna tana.
Iżda l-politika li wasslitna għal repubblika indipendenti u ħielsa, irridu nindukrawha. Ma rridux naqgħu fil-medjokrita’. Bħalma fl-imghoddi kellna mumenti tajbin ħafna fil-politika, u oħrajn li kienu ferm inqas tajbin, għalkemm jista’ jkun li qed ngħixu fi żminijiet ta’ sfida għall-politika Maltija, irridu nħarsu ‘l quddiem lejn mumenti tajbin ġodda.
Bil-wisq nibża’ li l-aħħar leġiżlatura ta’ gvern nazzjonalista diġa’ kienet waħda tal-waħx. Dan għax il-gvern qiegħed hemm, iktar milli biex jaqdi ċ-ċittadin, biex jidħaq bih. Iktar milli biex jippromwovi l-għaqda, biex irewwaħ id-diskriminazzjoni. Iżda issa donnha bdiet tendenza ġdida. Tendenza li bla ebda sorpriża hija iktar marbuta ma’ gvernijiet demokristjani.
Dik li taqbad persuni mill-għalqa tat-trejdjunjoniżmu u wara ħidma twila f’dan il-qasam titfagħhom fil-politika. Din it-tendenza bdiet meta nies bħal Pippo Psaila fl-aħħar elezzjoni, minn karriera jimmilita fil-kamp sportiv, spiċċa jimmilita f’kamp politiku apertament. Dik kienet l-ewwel bużżieqa li nfaqgħet iżda ma kinetx fit-trejdjunjoniżmu.
Iżda issa jidher li l-attakk fuq trejdunjins partikulari qed ikun wieħed iktar aggressiv. Bdejna bl-eks-president tal-MUMN, Rudolph Cini, li għamel agħar mil-lupu. Mentri llum kien trejdjunjonista fi gwerer ħorox mal-gvern, l-għada se jispiċċa jiddefendi l-gvern.
U issa waslet biex tinfaqa’ bużżieqa oħra. Persuna oħra valida ħafna mill-qasam trejdunjonistiku jidher li ġiet offruta kandidatura fil-politika partiġġjana. Ġiet mistiedna tinżel mill-pjattaforma tat-trejdunjoniżmu biex titla’ immedjatament fuq il-pjattaforma tal-politika partiġġjana. Bla dubju ta’ xejn, qiegħda ngħid għat-trejdunjonista Vince Farrugia. Nemmen li post Vince huwa ċertament fit-trejdunjoniżmu. Għandu l-abbiltà u l-esperjenza. Jekk huwa jitlaq mit-trejdunjoniżmu, Malta se tbati doppjament. L-ewwelnett għax għat-tieni darba se tonqos sostanzjalment il-kredibbiltà tat-trejdunjins u għaqdiet oħrajn li suppost qed jopponu l-gvern fejn jimplimenta miżuri li jweġġgħu lill-membri tagħhom, u t-tieni nett għax min ser jissostitwixxi lil Vince fit-trejdunjoniżmu jista’ ma jkunx tajjeb daqsu.
Għal darb’oħra, Partit Nazzjonalista qed jissorprendi b’wiċċ ferm tost fil-politika u b’manuvri xejn apprezzabbli. Kont nemmen li għal żmien kellna politika tajba, imbagħad bdiet tbatti u saret kummiedja, wara farsa. U issa, issa qisna jew Beano jew Benny Hill!
lornav@maltanet.net
|