www.l-orizzont.com  
It-Tlieta 9 ta' Frar 2010
  L-orizzont  
Opinjoni
Editorjal
Features
Artikli/Kontribuzzjoni
Ittri lill-Editur
Rati tal-Avviżi
Arkivji
Ikkuntattjana
  FITTEX  
 
 
  Sports  

Denni Rocha Dos Santos
- BOV Plejer tax-Xahar ta’ Jannar.....

Possibbiltà kbira li Tyrone Farrugia
jingħaqad ma’ klabb Russu dan ix-xahar.....

Plejer ta’ Hamrun S. ittestjat pożittiv.....

UEFA:
Jitħabbru d-dati tal-Elite Round
tal-Kampjonati ta’ Taħt is-17-il sena.....

 

 
 

 

Opinjoni
 

Il-futur
minn Alfred Sant

Qatt mhu kmieni jew tard wisq biex tirrifletti u tippjana dwar il- futur.

Fl-aħħar xhur, qgħadt b’seba’ għajnejn biex ma nagħmel l-ebda ħidma u ma nidħol fl-ebda dibattitu li seta’ jkollhom kwalunkwe impatt fuq il-bidliet meħtieġa li l-Partit Laburista għadda minnhom.

Qabel irriżenjajt minn Kap tal-Oppożizzjoni, stqarrejt fil-Grupp Parlamentari Laburista li kont sejjer għal xi żmien niskuża ruħi mil-laqgħat kollha tal-Grupp biex żgur ma nidħolx f’saqajn it-tmexxija l-ġdida, tkun kif tkun. Hekk għamilt.

Bl-istess mod, minn Marzu lil hawn, ma rfist fl-ebda ċentru Laburista f’Malta u Għawdex. Din kienet forsi l-akbar ċaħda għalija li kien ili aktar minn 25 sena, minn meta kont President tad-Dipartiment tat-Tagħrif tal-Partit Laburista, inżur kull ġimgħa numru sabiħ ta’ ċentri.

Jidhirli li issa l-Mexxej Laburista Joseph Muscat u t-tim tiegħu avvanzaw sew u avvanzaw tajjeb fil-ħidma tagħhom. Xi riflessjonijiet li nista’ nagħmel għall-ġid, mhux se jkunu jistgħu jingħataw tifsira mgħawġa biex tfixkilhom f’ħidmiethom.



Pariri u analiżi

Ċertament, fid-diskussjoni u fir-riflessjonijiet li rridu nibqgħu nagħmlu dwar il-futur, m’għandniex għalfejn nagħtu kas ta’ min dejjem xtaq idgħajjef ix-xellug u l-Partit Laburista. Is-Sunday Times u kull min hu tal-istess pezza ma jistgħux iservu bħala xi fonti ta’ pariri siewja.

Lanqas b’xorti ħażina ma nistgħu insegwu l-analiżi u l-pariri li nsibu fir-rapport dwar it-telfa elettorali tas-sena li għaddiet, ikkummissjonat mill-Eżekuttiv Nazzjonali Laburista. Fih wisq żbalji fattwali u ta’ apprezzament biex joffrilna dawl siewi. Donnu li min kitbu ftit għandu għarfien ċar tal-ambjent personali u organizzattiv fi ħdan partit politiku. Allura r-rapport jagħti importanza kbira lit-trivjali u dak li kien tassew problematiku fil-kampanja Laburista bilkemm ixommu.

Bl-ebda mod ma rrid infisser li dawk li ħejjew ir-rapport kellhom xi intenzjonijiet ħżiena. Bil-maqlub. Nemmen li taw l-aħjar kontribut li setgħu, b’rieda tajba. Sempliċiment li l-metodoloġija segwita fir-rapport u l-analiżi li ħarġet minnu huma kritikabbli ħafna.

Konklużjoni ċara dwar ir-riżultat tal-aħħar Elezzjoni Ġenerali hi li dan spiċċa żbrixx fuq l-iżbrixx. Għalhekk, meta titlaq biex tanalizza r-riżultat qisu kien wieħed ta’ telfa totali – qisu xi ‘landslide’ favur gonzipn – tkun tlaqt fuq sieq ħażina, jekk trid tifhem x’ġara ħalli tħassel il-futur. Biex tagħqad, donnok qiegħed tagħti liċenzja lil gonzipn biex, kif għamel, jaġixxi qisu kellu mandat enormi u għalhekk jista’ jagħmel dak li jrid, waqt li jinjora għal kollox lil ħaddieħor.



Il-verità

Veru: uħud riedu jbellgħuhielna li fiċ-ċirkostanzi, tal-Labour messhom xkupaw lil tal-PN min-nofs. Il-verità dejjem kienet ħafna aktar iebsa minn hekk, kif jien l-ewwel wieħed kont nirrepeti.

L-elettorat Malti hu stabbli għall-aħħar. Iċ-ċaqliq ta’ voti jsir fuq marġini ta’ opinjoni dejqa ħafna – isir fuq il-ftit voti li se titilfu u tirbħu int u l-avversarju. Dejjem kienet ħaġa ċara li gonzi-pn lest jagħmel kollox, bla ebda skrupli, biex jibqa’ fil-poter, bħal f’kull elezzjoni li n-Nazzjonalisti ġġieldu mill-Gvern.

Hekk sar is-sena li għaddiet. Voti nxteħtu bi ksur sfaċċat tal-Kostituzzjoni. L-Air Malta ġabet nies minn barra bl-akbar abbuż informazzjoni mill-aktar privata dwar ċittadini tqassmet ma’ attivisti partiġġjani. Fondi pubbliċi ġew sparpaljati. Impjiegi u kuntratti ngħataw bl-addoċċ. Saru wegħdi li min għamilhom (il-Prim Ministru, mhux xi galoppin ifferoċjat) kien jaf li ma jistgħux jitwettqu. Pjaċiri illegali ngħataw bil-gzuz. Inxtraw voti. Ittellgħu gideb u montaturi sfaċċati... Kollox kien permissibbli.

Biex tgħin f’dawn il-maniċċi, ingħaqdet wara gonzipn xibka ta’ interessi influwenti fis-soċjetà tagħna... jien insejħilha xibka ta’ poter... li baqgħu determinati jagħtu lill-PN u lill-forzi tal-lemin fil-pajjiż kull għajnuna biex iġibuha żewġ fit-tellieqa elettorali. Kellhom ħafna x’jitilfu u x’jirbħu.

Din hi realtà li jekk ninjorawha jew nippretendu li ma teżistix, jiswielna qares.

Il-verità hi li quddiem din il-makna tal-poter, il-politika xellug-ċentru sfat telliefa. Ma kellhiex biżżejjed appoġġ fil-marġini ta’ opinjoni u ta’ voti biex issostni l-avvanz li telqet minnu, quddiem l-attakk bla skruplu u qawwi tal-lemin.



Ċentru-xellug

Nikkonkludi hekk illum: għal li ġej, biex l-appoġġ għall-Partit Laburista jkun wiesa’ biżżejjed ħalli ma jingħelibx mit-telf li jirnexxielha tikkawża l-makna tal-voti tal-lemin fil-poter, il-politika ppreżentata mill-Partit Laburista trid tkun waħda ta’ ċentru-xellug.

X’irrid infisser b’dan?

Politika ta’ xellug-ċentru “timmodera” l-miżuri soċjalisti li nistgħu nipproponu biex iġġibhom aċċettabbli u attraenti għal min irid il-kontinwità. Imma xorta waħda titlaq minn bażi ta’ ħsieb soċjal-demokratiku.

B’kuntrast, politika ta’ ċentru-xellug iddaħħal il-miżuri xellugin fil-qafas ta’ politika ta’ kontinwità.

Fl-ewwel triq, il-bilanċ jinżamm aktar qrib tal-bidla soċjalista; f’tat-tieni, aktar qrib il-kontinwità.

Xejn ma jien nieħu gost nikteb dan. Imma inutli li wieħed joqgħod jitbekka fuq ġarra miksura.

Ili snin twal konvint li l-aħjar politika għal dan il-pajjiż hi waħda ta’ xellug-ċentru. Fl-1996, konna f’qagħda fejn stajna nibdew indaħħluha. Ħarbtuna dawk li minn fostna, kellhom l-interessi u l-aġendi personali moħbijin tagħhom u ma qagħdux lura milli jwettquhom.

Fl-2003, il-mobilizzazzjoni madwar il-ħrafa ta’ Malta fl-Ewropa rnexxielha tiffalsifika d-dibattitu politiku.

U s-sena li għaddiet, it-tellieqa ntilfet bi żbrixx.

Madankollu, meta ngħid li x’aktarx li għall-futur l-aħjar titħaddem politika ta’ ċentru-xellug, żgur miniex infisser it-tmiem tal-ħidma u tal-aspirazzjonijiet Soċjalisti.

Biex ikun hemm ċentru, irid ikun hemm mhux biss lemin, imma fuq kollox, xellug. Għal xi uħud, donnu li kulma baqa’ hi għażla bejn il-lemin u ċ-ċentru. Din mhi għażla xejn. Hi qbil ma’ politika leminija li tiġbed favur dawk li diġà huma pprivileġġjati sew.



Il-linja Soċjalista

Imma allura qed jintqal li rridu nkomplu ntaffu u nrażżnu l-ideali xellugin?

Nara li għandu u jista’ jiġri bil-maqlub. Jiddependi minna.

L-ewwelnett, għax fil-ħidma politika li trid issir, il-linja Soċjalista Demokratika tista’ ssib aktar spazju biex tfisser l-esiġenzi u l-miżuri tagħha. Jekk il-bilanċ politiku se jitfittex miċ-ċentru, allura s-Soċjaliżmu Demokratiku jrid ikun ħafna aktar preċiż, aktar ċar u aktar esiġenti fit-tifsira tal-għanijiet tiegħu milli kellna għalfejn inkunu fis-snin li għaddew, meta l-bilanċ kellu joħroġ minn ħdan l-istess xellug.

U t-tieni għax l-iżviluppi li ġraw fl-ekonomija dinjija fl-aħħar xhur, qegħdin jagħtu kredibbiltà kbira u mistħoqqa lill-ideat Soċjalisti, Kienet saret moda tgħid li spiċċalhom kull siwi. Xbajt nisma’ studenti universitarji jgħiduli kif l-għalliema tagħhom mhux jagħmlu ħlief iżebilħu l-ideat Soċjalisti biex ifaħħru n-neo-liberaliżmu.

Issa rajna xi jsarraf dan tal-aħħar. L-akbar ekonomija neo-liberali tad-dinja, dik tal-Istati Uniti, f’tebqa ta’ għajn innazzjonalizzat bl-addoċċ fuq skala li l-ebda Soċjalist qatt ma ħolom biha. Il-‘bluff’ dwar il-privatizzazzjoni kollu ntesa. L-aqwa li jsalvaw il-ġilda tal-bankieri u n-negozjanti l-kbar li ilhom jiddandnu b’ekono-mija fejn imexxu huma, f’qafas ta’ suq liberu minn kull rażan, waqt li jimpalaw fi bwiethom il-miljuni jekk mhux il-biljuni.

Illum, nistgħu nsostnu b’qawwa ħafna akbar minn qabel, li l-mudell effettiv hu wieħed ta’ suq ħieles, f’qafas ta’ stat progressiv li jkun attiv fit-tmexxija ekonomika u soċjali.

Fiż-żmien li ġej għandna nistinkaw għal dinamiżmu ġdid fil-ħsieb u l-ħidma Soċjalista Demokratika, fuq livell Ewropew u fuq livell Malti. Minn hekk imbagħad li l-bilanċ ċentru-xellug jiġi jirrifletti kif imiss l-aspirazz-jonijiet tal-ħaddiema (qed nuża din il-kelma minsija apposta) u tal-klassijiet tan-nofs.





Tmien oqsma

Għandhom jinfetħu orizzonti politiċi ġodda quddiem ix-xellug... li jinkludi mhux biss il-Partit Laburista imma wkoll l-elementi l-oħrajn xellugin barra l-PL.

Għallinqas tmien oqsma ta’ ħidma politika joffru opportunitajiet biex insostnu messaġġ Soċjalista, Malti u Ewropew, imġedded quddiem l-arroganza tal-lemin u tax-xibka ta’ poter li tappoġġjah.



L-Ewropa: Qed jirriżulta dejjem aktar li dak li fisser il-Partit Laburista dwar l-effetti fuq il-familji u l-impriżi tas-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea kien minnu. L-’elite’ li qiegħda tgawdi bis-sħubija jaqblilha tibqa’ tgħid mod ieħor. Għandha l-apparat tal-poter biex tkompli tipprova taħsel l-imħuħ fuq din il-ħaġa. Xorta waħda, l-arloġġ ma jistax u ma għandux jitressaq lura, la fuq naħa u lanqas fuq oħra. L-isfida kbira hi biex mis-sitwazzjoni fejn ninsabu, hi dik li hi, noħolqu f’Malta u Għawdex, l-aħjar kundizzjonijiet ta’ ħajja għall-familji waqt li nikkontribwixxu biex ix-xellug Ewropew jerġa’ jsir rebbieħ fid-difiża tan-nies tax-xogħol.



L-ekonomija: Jekk m’aħniex se nkabbru u ntejbu l-potenzjal produttiv tal-pajjiż, billi nibnu fuq il-vantaġġi kompetittivi tagħna u billi nimmodernizzaw tassew l-infrastruttura, se nibqgħu naqgħu lura meta nitqabblu mal-pajjiżi l-oħrajn membri tal-Unjoni Ewropea. Taħt gonzipn, minflok qed jiġi aġjevolat min jipproduċi, qegħdin jitpoġġew piżijiet ġodda fuqu. Ir-raġuni hi din: il-veri riformi meħtieġa mhumiex fl-interess tal-klikek privileġġjati li jappoġġjaw lil gonzipn.



Il-‘welfare state’: Il-politika favur il-‘welfare state’ minflok tiġi adattata għall-esiġenzi ta’ suq neo-liberali kif beda jiġri fl-aħħar snin, trid tiġi mġedda b’intervent massiċċ tal-istat... mela nirriser-vaw biss dawn l-interventi għal meta l-kapitaliżmu jkun qed jisfronda!



L-edukazzjoni: Jgħidu x’jgħidu l-propagandisti ta’ gonzipn, f’dan il-qasam ir-reġim attwali qed jikkommetti l-agħar dnubiet. Qed ipoġġi lill-maġġoranza kbira taż-żgħażagħ tagħna (kemm dawk li huma skolastikament “tajbin”, kemm dawk li huma “anqas tajbin”) f’qagħda fejn imqabbla ma’ sħabhom l-istudenti Ewropej, se jsibu ruħhom fi żvantaġġ.



L-immigrazzjoni illegali: Ħadd ma ta xi kredtu lill-Partit Laburista għax fl-interess nazzjonali, żammejna l-kwistjoni tal-immig-razzjoni illegali barra mill-kampanja elettorali. Agħar minn hekk, gonzipn fl-aħħar xhur approfitta ruħu minn dan u baqa’ merħi meta ġie biex jiddefendi l-interess nazzjonali. Illum dan il-qasam jixraqlu front sħiħ ta’ ħidma politika bla ebda kantunieri.



L-ambjent: L-interessi li l-aktar ħarbtu lill-ambjent fl-aħħar snin huma dawk li l-aktar marbutin mal-lemin. Għalhekk, minkejja t-tlablib fil-vojt, gonzipn jibqa’ jħalli d-dnubiet ambjentali għaddejjin. (Innotajtu fejn inżammet “L-Istrina”?) Il-lingwaġġ politiku ta’ alternattiva bejn xellug-lemin fuq kwistjonijiet ambjentali tgħodd ħafna aktar milli ħallejnieha tidher, qisu li l-”ambjentalisti” biss għandhom id-dritt tal-kelma f’dan il-qasam.



Il-korruzzjoni: Dwar din il-ħaġa ntqal li ma missniex semmejnieha fl-aħħar kampanja elettorali għax inftehmet ħażin. Jien l-ewwel wieħed nemmen li fuq din il-materja, ma jista’ jkun hemm l-ebda kompromess. Barra milli tkabbar l-ineffiċjenza u l-inerzja tas-soċjetà tagħna, il-korruzzjoni qiegħda tnawwar bil-kbir kull sens ta’ onestà politika u soċjali, kif wera l-każ ta’ Pullicino Orlando. Ix-xellug ma jistax ikun timidu quddiem din il-pjaga.



It-tmexxija tajba: Ta’ gonzipn juru effiċjenza biss f’kif “jirbħu” l-voti. Mill-bqija l-inkompetenza hi grassa: fil-qasam tas-saħħa, tal-edukazzjoni, tal-ambjent, tal-bini tat-toroq eċċ.

Ix-xahar li għadda, saħansitra rnexxielhom jagħmlu vroma mit-tħabbira ta’ tnaqqis fil-prezz tad-dijżil... L-inkompetenza żżid il-piżijiet fuq il-familji: iż-żieda fit-tariffi tad-dawl u l-ilma, se sservi l-aktar biex tkompli tippermetti lill-Gvern jaħbi l-ineffiċjenza tat-tmexxija tiegħu.

It-tmexxija serja, il-‘good governance’ għandhom jibqgħu fil-quċċata tal-aġenda nazzjonali jekk dan il-pajjiż se jimxi ’l quddiem.

Xi qarrejja ta’ l-orizzont se jwieġbu: dan mhux kollu ta’ xejn? Ta’ gonzipn se jibqgħu jballtu l-piżijiet issa, u fl-aħħar tat-tellieqa elettorali jerġgħu jixtru r-rebħa.

Oħrajn se jgħidu: it-triq ’il quddiem hi li twiegħed u wara tikser il-wegħdiet, kif reġa’ għamel gonzipn, li veru, qed jgħix gidba, qed jgħix b’gidba, qed jgħix f’gidba – imma jinsab fil-Gvern.

Biss, min irid jikkopja l-lemin, isir lemini. Jiġri x’jiġri, is-Soċjalisti Demokratiċi iridu jibqgħu jagħtu xhieda ta’ twemmin li jnebbaħhom biex jitkellmu b’onestà favur l-aħjar interess taċ-ċittadini u l-familji... anki jekk mhux kulħadd jifhimhom... anki meta uħud minn “sħabhom” jippreferu jindiehsu mal-lemin.

Il-futur irid jinbena fuq il-verità, mhux fuq il-gideb, jew l-inkompetenza, jew il-ħala, jew l-inġustizzja, jew il-pjaċiri insensati, jew il-korruzzjoni.

Ikkummenta dwar dan l-Artiklu Fuq

Artikli oħrajn fis-sezzjoni Opinjoni
·  Biex ħadd ma jibqa’ lura
·  Inkattru l-ġustizzja soċjali
·  Il-qabla ta’ moviment modern
·  Il-karozza tal-futur
·  Tlieta
·  Frans Baldacchino l-‘Budaj’ u Charles Clews


IT-TEMP - 9/2/2010
Rapport tat-Temp:  Pjuttost imsahhab bi ftit xita li tista' tkun bir-raghad iktar tard, li jsir ftit jew wisq imsahhab kultant
Viżibilit:  Tajba
Temperatura: 
L-ogħla: 15°C
L-inqas: 09°C

Indiċi UV:  3
Riħ:  Moderat mix-Xlokk il-Lvant li jsir ftit qawwi ghal ftit hin mal-jum, u jdur min-Nofsinhar ix-Xlokk sa filghaxija
Baħar:  Moderat ghal qawwi li jsir moderat
Temperatura tal-baħar:  16°C
Għall-aġġornament tat-temp agħfas hawn.