|
|
| Poplu f’gaġġa |
minn Walid Nabhan, Palestinjan jghix Malta jitkellem ma' Gaetano Micallef
|
|
Waqt li diversi popli kienu qegħdin jiċċelebraw il-bidu tas-sena l-ġdida, dak Palestinjan fil-Medda ta’ Gaza kien qiegħed jiġi bbombardjat mill-forzi Iżraeliti. WALID NABHAN, Palestinjan li jgħix Malta, jaqsam xi ftit tal-ħsibijiet ma’ GAETANO MICALLEF dwar dan il-konflitt li donnu m’hemmx tmiem għalih.
|
Jinbidlu kemm jinbidlu mexxejja u partiti kemm f’Iżrael kif ukoll fil-Palestina s-sitwazzjoni dejjem tibqa’ l-istess. Għaliex?
M’hemmx determinazzjoni għall-paċi. Huma (l-Iżraeliti) dejjem imorru għal nofs paċi. Aħna m’għandniex x’noffrulhom … l-art f’idejhom qiegħda. U tinsix li din hija ġlieda fuq l-art. Veru li forsi r-reliġjon issaħħaħ il-konflitt imma l-ġlieda proprja hija fuq l-art. Kull meta huma jiġu biex jagħżlu bejn l-art u l-paċi dejjem jagħżlu li jiggranfaw mal-art. U meta tmur għal nofs paċi se tagħmel nofs paċi imma fl-istess ħin se ġġib nofs gwerra.
Waħda mill-ikbar problemi tagħna hija li kull meta nimxu ftit fin-negozjati mal-Gvern Iżraelit dan jilħaq jinbidel. Ħafna drabi dan jiġri għax ikun ikkritikat li mhux aħrax biżżejjed magħna. U allura jkollna nerġgħu nibdew mill-bidu.
Jiġifieri taħseb li l-poplu Iżraelit jivvota lil min hu aħrax mal-Palestinjani?
Jiddispjaċini ngħid li bħalissa, iva. Jekk tara l-‘opinion polls’ f’Iżrael Barak, li huwa l-Ministru tad-Difiża u fl-istess ħin il-Mexxej tal-Partit Laburista, kiseb ħafna punti. Fi kliem ieħor id-demm tal-Palestinjani jagħtik vantaġġ politiku.
Imma taħseb li l-poplu Iżraelit ma jridx paċi?
Ma nkunx ġust jekk ngħid il-poplu kollu. Hemm parti mill-poplu Iżraelit li ġenwinament trid il-paċi. Imma meta jiġru affarijiet bħal dawn, l-estremiżmu dejjem jibla’ lil dawn in-nies. Il-ħoss tagħhom ma jinstemax.
Jiġifieri taħseb li l-Iżraeliti li jridu l-paċi magħkom huma f’minoranza?
Iva. Imma mbagħad trid tara skont x’tifhem bil-paċi. Kulħadd jitkellem fuq paċi imma x’inhi din il-paċi? Kif iriduha huma jew kif suppost għandha tkun? Huma għandhom viżjoni ta’ paċi li ma hija xejn paċi. Il-ftit artijiet li jridu jagħtuna jriduhom li jibqgħu f’idejhom … aħna qisna f’gaġġa u ċ-ċwievet f’idejhom.
Jekk tħares x’hemm fuq il-mejda, fl-aħjar xenarju, qegħdin joffrulna stat Palestinjan imqatta’ biċċiet. Fejn m’hemmx kontinwità ġeografika. Biex tmur minn Gaża għax-Xatt tal-Punent, Alla biss jaf kemm trid tgħaddi minn ‘check points’! Dan x’tip ta’ pajjiż tgħidlu? Jekk m’hemmx kontinwità fuq l-art?! Kull ma trid tagħmel, bil-permess tagħhom. M’ilux kien hawn f’Malta l-President Palestinjan Mahmoud Abbas … kont l-interpretu tiegħu … u kont ħdejh meta smajtu jgħid lill-Prim Ministru Malti li biex joħroġ minn Ramallah irid il-permess tal-Iżraeliti. U anke biex jerġa’ jidħol. Jekk jittrattaw hekk lill-President Palestinjan tista’ timmaġina kif jiġi trattat iċ-ċittadin normali!
L-Iżraeliti jwaħħlu fil-Hamas għall-problemi bejn iż-żewġ naħat u anke għall-attakki li wettqu riċentament. Huma l-problema?
Ma naħsibx li l-Hamas huma l-problema. Kien Iżrael li ħoloq il-Hamas. Għamlu bħal Frankenstein … ħolqu mostru li dar għalihom. Huwa fl-interess tagħhom li jkun hemm il-Hamas … għax fl-interess tagħhom li jibqgħalhom skuża biex ma jagħtuna xejn.
Trid tqis ukoll li l-Hamas qatt ma ngħataw ċans. Naħseb tiftakar li malli ġew eletti demokratikament, u naħseb li kienet l-iktar elezzjoni trasparenti u nadifa fir-reġjun, mill-għada d-dinja ibbojkottjathom.
Imma ma taħsibx li dan ġara għax il-Hamas ma kienx qiegħed jirrikonoxxi l-eżistenza ta’ Iżrael?
Allura? Billi ma jirrikonoxxihx? Daqskemm għandhom huma partiti fil-Gvern li ma jirrikonoxxux il-Palestina! Għandhom partiti estremisti daqs il-Hamas jekk mhux iktar.
Imma kif jista’ l-Hamas imur jiddiskuti ma’ gvern ta’ stat li ma jirrikonoxxix?
Il-Hamas ma riedux jinnegozzjaw direttament magħhom. Imma fl-istess ħin lil Abbas qalulu biex imur jinnegozja u jara safejn jasal. Il-Hamas kemm-il darba ddikjaraw li lesti jaċċettaw stat Palestinjan kif deċiż mill-Ġnus Magħquda fl-1967. U dan awtomatikament ifisser li qegħdin jirrikonoxxu l-Iżrael.
Taħseb li l-poplu Palestinjan huwa maqsum u m’hemmx għaqda wara mexxej wieħed?
Għandna problema minn dan il-lat. Imma l-problema ewlenija tibqa’ l-okkupazzjoni. L-okkupazzjoni hija l-mostru tal-konflitt.
Smajna bl-attakki li seħħew riċentament. Imma qabel dawn l-attakki kif kienet is-sitwazzjoni fl-artijiet okkupati?
Mill-agħar. Il-Medda ta’ Gaza fiha daqs Malta imma joqogħdu fiha miljun u nofs. Jiġifieri daqs il-poplu Malti tliet darbiet u ftit iktar. Huwa wieħed mill-iktar postijiet popolati fid-dinja. Jekk twaddab ġebla mill-ajru tolqot lil xi ħadd … aħseb u ara dawk il-bombi kollha li ntefgħu! Issa jekk hemm attivista tal-Hamas joqgħod fi blokk bini u tefgħu l-bombi taħseb li se joqtlu lilu biss? Ovvju li miegħu se jmutu nies innoċenti (xellug).
Hawn min jgħid li l-mexxejja tal-Hamas joqogħdu qalb in-nies biex jekk Iżrael jattakkahom imutu n-nies innoċenti magħhom. Taħseb li l-Hamas qiegħda tuża din it-tattika biex tikseb simpatija?
Ħafna nies jaħsbu li l-Hamas hija xi armata bil-kampijiet. Il-Hamas parti mill-istruttura tan-nies. Għandhom militanti tagħhom imma huma parti min-nies. U l-mexxejja tal-Hamas fejn tridhom jo- qogħdu? Mhux qalb in-nies?! Diffiċli biex tneħħi l-Hamas għax hija ideoloġija iktar milli xi ħaġa oħra. Hija ideoloġija li tissaħħaħ mir-reliġjon u fejn tidħol ir-reliġjon ftit tista’ tagħmel.
Kemm għandhom appoġġ tal-poplu Palestinjan il-Hamas?
Fil-Medda ta’ Gaza għandhom appoġġ kbir. U anke fl-artijiet oħrajn. Imma l-ikbar appoġġ li għandhom huwa fid-Dinja Għarbija. Għandhom appoġġ enormi. Mhux mill-gvernijiet … min-nies tat-triq.
Għaliex taħseb li ħafna gvernijiet Għarab jikkundannaw attakki ta’ Iżrael jew jappellaw lill-Ġnus Maqgħuda biex tintervjeni, imma s’hemm jaslu? Għaliex taħseb li l-pajjiżi Għarab ma jgħinux lill-Palestina?
Jekk tħares lejn il-firda Palestinjana tara li hija riflessjoni tal-firda Għarbija. Il-pajjiżi Għarab qatt ma kienu id waħda u allura dan bilfors se jirrifletti fuqna. Hawn min iżomm ma’ naħa u hawn min ma’ oħra.
Għal min qiegħed tirreferi bħala “naħa” u “oħra”?
Il-Hamas u l-Awtorità Palestinjana. Hawn pajjiżi bħall-Eġittu u s-Sawdi Arabja li jissejħu moderati u li huma kontra l-Hamas u jappoġġjaw lil Abbas. U hemm pajjiżi bħas-Sirja li jappoġġjaw lill-Hamas. U dan bilfors se jirrifletti fuqna. Ma nieħux pjaċir ngħidha imma spiċċajna qisna ballun f’saqajn dak u l-ieħor.
Konna qegħdin nitkellmu fuq is-sitwazzjoni qabel l-aħħar attakki.
Il-ħajja fil-Medda ta’ Gaza hija miżerabbli. Tant hi miżerabbli li rapport tal-Ġnus Maqgħuda qal li fil-Medda ta’ Gaza hemm faqar ikbar mill-Afrika. Immaġina dawn in-nies ilhom sentejn imsakkrin … biex toħroġ minn hemm xi tmien fruntieri x’taqsam … sebgħa minnhom jagħtu għa-Iżrael u l-oħra għall-Eġittu.
Sa ftit ilu spiċċaw fi dlam ċappa għax ma kellhomx fjuwil. Biex jidħol il-fjuwil, l-ikel u l-mediċini ħafna drabi dawn iridu jgħaddu minn Iżrael. U ħafna drabi dan qiegħedtikkontrolla l-bżonnijiet umanitarji biex tagħmel pressjoni fuq il-Hamas. Imma ma jistax ikun li tpoġġi miljun u nofs persuna f’gaġġa u ċċaħħadhom mill-ikel u l-mediċini. Hemm postijiet fil-Medda ta’ Gaza fejn il-ħajja saret kważi primittiva … biex issajjar trid tqabbad xi biċċtejn injam.
Allura d-dinja taċċetta din is-sitwazzjoni fis-Seklu 21? U ejja ngħidu li minħabba l-Hamas … allura minħabba fiha tikkastiga popolazzjoni sħiħa? U meta jidħlu xi 10 trakkijiet b’ikel u mediċini jkun hemm min jiftaħar li fetħu l-fruntiera … għal miljun u nofs trid 1,000 trakk kuljum.
Ma nkunx qiegħed nikxef sigriet jekk ngħidlek li ħija jgħix hemm u kellu bżonn joħroġ minn Gaża biex jagħmel operazzjoni urġenti għax instab li għandu kanċer. Dam tliet xhur jistenna permess biex joħroġ minn hemm. L-operazzjoni ma setgħetx issir fil-Medda ta’ Gaza minħabba li m’hemmx biżżejjed mediċina u apparat mediku. Meta mar il-Ġordan biex jagħmilha qalulu li mar tard. Jiġifieri jekk ma tmutx taħt il-bombi tagħhom tmut mod ieħor.
Ftit qabel l-aħħar attakk in-numru ta’ pazjenti li mietu minħabba dawn in-nuqqasijiet ta’ mediċini tela’ għal xi 400 persuna. Immaġina xi ħadd, per eżempju, għandu bżonn id-dijalisi biex inaddaf il-kliewi u ma jkunx hemm dawl? Mhux nies dawn? Lanqas l-annimali ma tittrattahom b’dan il-mod. Int jekk tabqad xi erba’ annimali, issakkarhom f’gaġġa u taħqarhom... mhux bilfors fl-aħħar se jispiċċaw iduru kontrik?! U nista’ ngħidlek li l-esperiment tal-Iżraeliti rnexxa.
Esperiment f’liema sens?
Li poġġew miljun u nofs persuna ġo gaġġa u ċaħħduhom minn kollox.
Kif tħares lejn il-fatt li l-Ġnus Maqgħuda u pajjiżi fil-Punent joħorġu stqarrijiet ta’ kundanna u jappellaw għall-paċi imma s’hemm jaslu?
Ma nafx għaliex fil-Punent jaraw l-Iżlam politiku bħala mostru. U ma jridux jiċċapsu miegħu. Għalija dan żball kbir. Kieku l-Hamas ingħataw ċans jidħlu f’dik li nsjeħilha r-“realtà politika” naħseb li kienu jinbidlu.
X’jiġifieri “realtà politika”?
Illum jew għada jridu jifhmu li ma tistax tneħħi l-Istat ta’ Iżrael. L-Iżrael huwa r-raba’ l-iktar pajjiż b’saħħtu militarment. Kieku l-Hamas ingħataw ċans imexxu bħala gvern nemmen li llum jew għada kienu se jirrealizzaw dan. Jekk tħares lejn il-PLO tas-snin 70 u 80 din kważi kellha l-istess fehma fuq Iżrael.
Niftakar meta kont tifel … min kien jgħid li kellna nċedu traba waħda mill-Palestina kien jissejjaħ traditur. Sfortunatament il-Hamas ġew eletti mill-poplu Palestinjan imma ma ngħatawx ċans mill-bqija tad-dinja. U l-għażla demokratika tal-Palestinjani ma ġietx rispettata.
Quddiem dan kollu kemm taħseb li xi darba għad tinstab soluzzjoni fejn Iżrael u l-Palestinjani jkollhom stat għalihom?
Għadna ’l bogħod ħafna. Huma veru jitkellmu fuq paċi u fuq stat Palestinjan imma skont x’jifhmu bi stat. Huma jridu karattru Palestinjan li madankollu jkun jiddependi minnhom. Tant kemm iridu li Gaza tibqa’ tiddependi fuqhom li saħansitra l-flus li jużaw il-Palestinjani hija l-munita Iżraelita.
Aħna rridu stat sovran fil-veru sens tal-kelma. Timmaġina lill-President Malti jrid permess mingħand xi ħadd biex joħroġ jew jidħol f’Malta? Personalment l-ikbar xewqa tiegħi hija li jkun hemm stat wieħed.
Imma kemm taħseb li ż-żewġ naħat jistgħu xi darba jgħixu flimkien?
Bħalissa qiegħed naraha ħolma ’l bogħod imma idealment dik għandha tkun … li jkollna stat wieħed b’żewġ popli. U huma wkoll m’għandhomx ikollhom stat mibni fuq idea reliġjuża. Timmaġina stat Ewropew jgħid li huwa stat Kristjan u ma jrid fih lil ħadd li m’hux Kristjan? Sfortunatament dik parti mill-ideoloġija tal-lemin tagħhom … kemm Sharon u kemm Netanyahu jridu stat Lhudi pur.
F’Iżrael hemm minorità Għarbija li hija taħlita ta’ ftit Musulmani u Insara. Uħud mill-politiċi Iżraeliti jridu li dawn in-nies jintefgħu ’l barra. Mela dawn jistgħu jkunu fil-Parlament tagħhom u aħna le. Fil-fehma tiegħi l-Hamas hija tip ta’ oppożizzjoni u ħaġa bħal din tajba għad-demokrazija Palestinjana.
F’liema sens?
Mhux kull dak li jġib Abbas għandna naċċettawh mingħajr ma naraw x’jgħodd għalina u le. Il-problema hija li l-Awtorità Palestinjana għadha ma’ ġabet xejn u n-nies tilfet il-fidi f’Abbas. Mhux talli ma ġab xejn imma fl-art li qiegħed jinnegozja fuqha, jiġifieri x-Xatt tal-Punent, in-numru ta ‘settlers’ Lhud ittripla. Ħafna Iżraeliti qegħdin jinbnulhom appartament fuq art li suppost kellha tingħata lilna. Diġà hemm mal-400,000 Iżraelit mill-iktar estremisti fid-dinja fiha. U dawn anke biex imorru jixtru ħafna minnhom tarahom bil-‘machine guns’.
In-nies tilfet it-tama. Jekk lil Abbas li huwa moderat iżżejjed, qegħdin jittrattawh b’dak il-mod, għidli kif in-nies se temmen li l-Iżraeliti, se jagħtuna xi ħaġa lura?
|
|
|
Rapport tat-Temp:
Pjuttost imsahhab bi ftit xita li tista' tkun bir-raghad iktar tard, li jsir ftit jew wisq imsahhab kultant
|
Viżibilit:
Tajba
|
Temperatura:
L-ogħla: 15°C L-inqas: 09°C
|
Indiċi UV:
3
|
Riħ:
Moderat mix-Xlokk il-Lvant li jsir ftit qawwi ghal ftit hin mal-jum, u jdur min-Nofsinhar ix-Xlokk sa filghaxija
|
Baħar:
Moderat ghal qawwi li jsir moderat
|
Temperatura tal-baħar:
16°C
|
|
Għall-aġġornament tat-temp agħfas hawn.
|
|
|