|
Ħasra u farsa kif id-dinja qiegħda tassisti għall-agħar massakru fil-Lvant Nofsani, bl-aktar mod passiv u indifferenti. Fejn hi r-‘road map’ ta’ George W. Bush u ta’ Condoleeza Rice? Fejn hu Tony Blair, is-suppost rappreżentant tal-Unjoni Ewropea, tar-Russja u tal-Amerika għal-Lvant Nofsani? Fejn hi l-Ġnus Magħquda u l-pajjiżi li jippriedkaw is-sliem?
Qisu kulħadd jisparixxi. F’mumenti drammatiċi u krudili bħal dawn, presidenti u prim ministri li tarahom jiddandnu u jippożaw għal kull xejn, jagħmlu qishom bħat-tfal żgħar. Jistaħbew. Aqta’ xi wieħed jew tnejn, bħal Sarkozy, kulħadd jagħlaq ħalqu, li ma jmurx ixellef ir-relazzjonijiet tiegħu mal-Amerika. U sadanittant, Iżrael jibqa’ għaddej bħal gaffa minn fuq kulħadd. Hekk, qisu għandu ċekk miftuħ beraħ. ‘Carte blanche’.
Jien qatt ma kelli l-iċken dubju. Illum imma, min għandu, ma jinsabx jgħix f’din id-dinja. Imma f’atmosfera u galassja oħra. L-istat ta’ Iżrael huwa stat mhux li jisponsorja t-terroriżmu. Imma addirittura stat terrorist. Li toqtol trabi, tfal, nisa u ċivili, kollha persuni innoċenti, bl-aktar armi qerrieda u b’saħħithom li jistgħu jeżistu …dak huwa terroriżmu tal-istat. Xejn inqas.
Il-Palestinjani qegħdin jiġġieldu għad-drittijiet tagħhom. Li ma jgħixux f’ingassa fejn biex tmur minn post għall-ieħor, distanza ta’ mil jew tnejn, trid tqatta’ ġurnata u nofs tistenna f’‘road blocks’ Iżraeliti. Is-sitwazzjoni f’Gaza (bejn wieħed u ieħor l-istess qies daqs Malta) hija traġika. Popolazzjoni tliet darbiet daqs Malta u nies bla xogħol li jlaħħqu 49 fil-mija.
Meta tkun qiegħed tiġġieled għad-drittijiet tiegħek, m’intix terrorist. Il-Palestinjani m’humiex terroristi. Fl-istess pożizzjoni tagħhom, ma narax li persuni normali jaġixxu b’mod differenti. Jien kont nagħmel l-istess. Anzi agħar. Mill-bogħod, fil-kumdità tad-dinja tal-Punent, bil-lussu u bil-livell tal-għixien li jeżisti u fejn “oppressjoni” hija biss sempliċi kelma f’dizzjunarju, huwa faċli li titkellem u tikkritika. Trid tkun f’Gaza biex tagħraf kif id-dinjità umana spiċċat.
Anke fil-liġi kriminali, is-‘self defence’ irid ikun proporzjonat. Ma tistax tispara fuq persuna li jaħbat għalik b’biċċa injama. Dak hu eċċess ta’ ‘self defence’ u hemm pieni kriminali għalih. Il-Palestinjani jisparaw ‘rockets’ lejn Iżrael. Iwaddbu ġebel lejn it-tankijiet Iżraeliti. Jibagħtu persuni suwiċidji. Dak huwa dak kollu li għandhom u li jistgħu jagħmlu. Il-pajjiżi kollha tad-dinja għaddew iż-żmien bihom. Xi jridu jagħmlu!!!
Iżrael joħroġ il-ħelikopters Apache, ‘with the compliments’ tal-Amerikani, l-aqwa ħelikopter offensiv li jeżisti u dawn jikinsu postijiet sħaħ. Min intlaqat intlaqat. Huma mhux hekk jgħidu. Imma dak huwa li jiġri. Joħorġu l-aqwa tankijiet tal-gwerra. L-aqwa armi li hawn fid-dinja. Grazzi għall-Amerika. Kontra l-ġebel, is-suwiċidi u r-‘rockets’ antikwati ta’ dawk li qegħdin jiġġieldu biex jgħixu b’mod dinjituż.
L-aktar xena li impressjonatni kienet dik ta’ tarbija Palestinjana ta’ ftit jiem tinġarr lejn il-fruntiera mal-Egittu biex tittieħed f’inkubatur. Għax dak ta’ Gaza kissruh l-Iżraeliti. Għalhekk l-istat Iżraelit huwa stat terrorist. X’għandhom x’jaqsmu l-isptarijiet!!! X’għandhom x’jaqsmu t-trabi!!! U ħadd ma jiġi jgħidli li b’dawk l-armi sofistikati kollha ma jkunux jafu x’qegħdin jolqtu.
Għax kieku qegħdin jolqtu pożizzjonijiet minn fejn jiġu sparati r-‘rockets’, kieku qegħdin jolqtu pożizzjonijiet immirati lejn Iżrael, kieku nifhimha. Kieku lanqas dan l-artiklu ma kont nikteb. Kont nagħlaq ħalqi. Imma li tkun taf x’qed tagħmel, li tkun taf li qed toqtol nies ċivili, trabi, tfal, nisa u anzjani u xorta tibqa’ għaddej …hekk le. Dak huwa terroriżmu.
Naħseb li nitfixkel ngħoddhom, imma jien f’ħajti niftakar biżibilju Presidenti Amerikani, kollha jippożaw u jiddandnu li qegħdin isolvu l-kriżi tal-Lvant Nofsani. U 60 sena wara li nħoloq l-istat ta’ Iżrael, il-Lvant Nofsani huwa kaldarun jagħli aktar minn qatt qabel. X’kienu qegħdin jagħmlu dawn il-presidenti kollha? Ħlief jarmaw u jilleġittimizzaw l-ingassa Iżraelita fuq il-Palestinjani.
Qegħdin nassistu għall-farsa ta’ kif bis-sistema tal-veto, il-Kunsill tas-Sigurtà tal-Ġnus Magħquda ma jistax jaħdem. Tiġi biex tgħaddi riżoluzzjoni (li fl-aħħar mill-aħħar ma tfisser xejn għajr ftit kliem fuq biċċa karta) u ssib l-Istati Uniti jimblukkawha għax għandhom id-dritt tal-veto. X’ma jitterrorizzawx il-Lvant Nofsani!!!
L-Iżraeliti, anzi, marru pass ieħor ’il quddiem. Jiġifieri mhux biss għandhom l-għajnuna u l-assistenza Amerikana f’forma ta’ ‘carte blanche’ imma issa ukoll sfruttaw b’mod moqżies il-kważi vakum fil-Presidenza Amerikana.
Obama jieħu uffiċjalment il-kariga fl-20 ta’ Jannar. Meta jistaqsuh dwar il-Lvant Nofsani jgħidilhom li għandu l-ħsibijiet tiegħu imma President wieħed biss hemm. U huwa George W. Bush.
Bush, min-naħa l-oħra, ma tantx qed “jaqta’ blat”. Il-pożizzjoni tiegħu dwar il-Lvant Nofsani illimitaha billi mblokka riżoluzzjoni fil-Kunsill tas-Sigurtà tal-Gnus Magħquda. U xejn aktar. Ir-‘road map’ tiegħu qisha l-mappa li ntużat biex tiġġustifika t-triq tal-Għadira. Bi President fil-kariga u ieħor elett, l-Amerika tibqa’ friska daqs ħassa quddiem dan il-massakru Iżraelit.
B’Obama President, l-affari mhix mistennija tieħu xi rotta differenti. Fil-kampanja elettorali tiegħu qal li kien se jieħu s-snin biex jara x’jista’ jsir ħalli l-proċess ta’ paċi jingħata mbottatura ’l quddiem. Qal li bejn wieħed u ieħor se jkun fit-tieni leġislatura tiegħu …dejjem jekk ikun ri-elett.
F’dawn iċ-ċirkostanzi kollha, mhux ta’ b’xejn li l-Palestinjani iħossuhom waħedhom. Anzi, agħar minn hekk, ittraduti. Il-pajjiżi Għarab, aqta’ ftit, qishom gallerija. L-Għarabja Sawdita, l-aktar pajjiż li jista’ jagħmel ‘leverage’ fuq l-Amerikani, illimitaw il-konfraternità fid-demm ma’ “sħabhom” il-Palestinjani għal sempliċi erba’ trakkijiet ta’ mediċini li damu s-sigħat biex jgħaddu mill-fruntiera Eġizzjana għal ġewwa Gaza.
F’dan l-ewwel artiklu għas-sena l-ġdida ma ridtx inkun negattiv. Imma dak li qed jiġri f’Gaza jħammar wiċċ kulħadd. Jekk baqa’ min jistħi. Donnu li din il-parti tad-dinja ntnesiet fil-ħolqien. Hekk inħoss jien!
joesammut@nextgen.net.mt
|