|
Bdejna sena ġdida oħra. L-awgurju tiegħi, bħal dejjem, huwa li s-sena ġdida ma ġġorrx magħha problemi qodma.
Din is-sena, fuq livell internazzjonali, hija waħda ta’ sfida kbira ekonomikament. Forsi wasalna fiż-żmien li nħallsu prezz tal-politika tas-suq ħieles u tal-konsumeriżmu. Bħalma fl-1989 wasal fi tmiemu l-Komuniżmu, hekk ukoll jidher li bl-interventi mill-gvernijiet kollha tal-Punent kif ukoll dawk tal-Lvant, jidher li ġiet imwaqqa’ darba għal dejjem it-teorija li l-id inviżibbli tal-ekonomija tista’ twassal għal suċċessi ekonomiċi biss. Jista’ jkun ukoll huwa t-tmiem ta’ epoka fejn il-flus stess qegħdin isiru biss realtà viżwali u li s-sitwazzjoni dinjija ta’ bħalissa se tiftaħ beraħ għajnejn l-ispekulaturi li donnhom iktar draw jgħoddu l-flieles qabel ifaqqsu milli wara li jfaqqsu.
F’kontest iktar ħolistiku, għal darb’oħra l-bniedem qed jerġa’ jiffaċċja l-limitazzjonijiet ta’ teoriji li ħoloq hu stess. Qed jerġa’ jiffaċċja l-limitazzjonijiet tal-estremi u għal darb’oħra għandu sinjal biex jimmodera u jieħu t-triq tan-nofs.
Bħalma dejjem insostni, dak kollu li joħloq il-bniedem huwa pjuttost limitat fis-suċċess tiegħu għal żmien qasir. U l-politiċi jkunu għaqlin jekk dejjem iħallu żewġ realtajiet politiċi jgħixu flimkien …almenu dik Demokristjana u dik Soċjalistà.
Iżda nazzjonalment, Malta tinsab fi krizi oħra, li tmur ’l hemm mill-kriżi dinjija. Kriżi li kif ġiet spjegata minn Vince Farrugia, sa fejn niftakar jien, se twassal biex “naqilgħu daqqa doppja”.
Mentri pajjiżi oħrajn qegħdin fuq vapuri li qegħdin jegħrqu iżda jafu li għandhom biżżejjed salvawomi, jista’ jkun li fil-każ ta’ pajjiżna, qegħdin fuq vapur li qed jegħreq daqshom iżda nafu ukoll li m’għandniex salvawomi. Ma jfissirx li bilfors se negħrqu meta niġu fl-ilma, iżda jfisser żgur li se nbatu ferm iktar biex insalvaw.
Iżda din is-sena jidher ukoll li se tkun sena li se tibda b’togħma ħażina, f’dak li għandu x’jaqsam ma’ kriminalità f’pajjiżna. Jidher li fl-aħħar tal-2008 bdejna nduqu atti kriminali differenti minn dawk li konna mdorrijin bihom s’issa. Jidher li qegħdin isiru iktar reati kiesaħ u biered.
Dawn jistgħu jkunu konsegwenza diretta ta’ iktar nies li qegħdin jitħallew fuq il-marġini tas-soċjetà u li batew inġustizzja. Is-sitwazzjoni finanzjarja ovvjament se tgħin dan kollu.
Kriżijiet żgħar jistgħu jeskalaw u sitwazzjonijiet fejn koppji miżżewġin jispiċċaw iqattgħu ħinijiet qosra flimkien jistgħu jwasslu għal problemi matrimonjali li jeskalaw għal problemi soċjali u kriminali.
Naħseb li fl-aħħar ta’ din is-sena d-dover tal-politiku huwa li joqgħod bil-qiegħda jaħseb u jara jekk dak li qed jiġri fil-pajjiż huwiex konsegwenza diretta jew indiretta tal-politika li qed jimplimenta hu.
Inutli l-politiku Malti jibqa’ jaħrab mir-realtà. Jien waħda minn dawk li naqbel ma’ dawk li kull ma jiġri jwaħħlu fil-Gvern. Għax huwa proprju veru li l-Gvern huwa s-sors soċjali ta’ kollox. U llum sar hekk iktar minn qabel. Illum huwa l-Gvern li jieħu l-akbar biċċa tal-kejk tagħna ta’ kuljum.
Huwa l-Gvern li ħalla tiddaħħal f’pajjiżna mentalità ta’ logħob ta’ kull tip biex joffri servizz li kważi m’hu offrut imkien iktar fl-Unjoni Ewropea. U f’dan il-każ ukoll għax il-Gvern stess ġab lilu nnifsu f’pożizzjoni li kellu jintroduċi dan it-tip ta’ introjtu għall-pajjiż. Huwa l-Gvern li qed jippermetti ċertu laxkezza morali li biha qegħdin jiġu kkonfrontati bi problemi ġodda l-familji Maltin. Huwa l-Gvern li mpona tariffi, fuq taxxi u soprataxxi u qed ikun is-sors ta’ diżgwid bejn sħab fin-negozju. Huwa ukoll il-Gvern ir-raġuni għaliex familji mdaqqsin qegħdin jispiċċaw, minflok ma jgħixu f’post diċenti, jispiċċaw f’post ferm iżgħar milli kienu jikru biex ikampaw.
Fl-Ewwel tas-Sena normalment isiru r-riżoluzzjonijiet. Kull persuna individwali tagħmel ir-riżoluzzjonijiet tagħha żgħar kemm huma żgħar. Il-politiċi għandhom jagħmlu riżoluzzjonijiet fl-interess kollettiv tal-inqas fost il- poplu.
Dan għax jekk l-effetti ħżiena qegħdin jinħassu fil-klassijiet ta’ fuq u tan-nofs, aħseb u ara, fil-klassijiet ta’ taħt. Ir-riżoluzzjoni ta’ dawk kollha li jieħdu deċiżjonijiet fil-pajjiż għandha tkun li jħaffu kemm jista’ jkun il-piżijiet, speċjalment, minn fuq iż-żgħir, ħalli s-solidarjetà tinfirex u l-ġid jinqasam bejn iktar nies.
Ħaġa waħda biss qed tikkonfondini …li jekk mhux sejra żball, dehrli li dan l-appell diġà smajtu xi darba jew forsi iktar minn darba, minn ilħna differenti u donnu s’issa ġie dejjem injorat. Forsi, għas-sena 2009, dan il-messaġġ ma jibqax jiġi njorat kif kien matul l-2008. Wara kollox huwa, fl-aħħar mill-aħħar, messaġġ ta’ solidarjetà.
lornav@maltanet.net
|