|
Rega’ wasal Milied ieħor. Festa li toħloq bosta sentimenti kemm f’dawk li jemmnu kemm f’dawk li ma jemmnux, kemm f’dawk li jsejħu lilhom infushom Insara, kemm f’dawk li ma jissejħux hekk. Festa li hija ċċelebrata prattikament mad-dinja kollha, għajr xi ftit pajjiżi jingħaddu fuq is-swaba’ tal-istess id.
Għal sena oħra se nżomm ir-riflessjonijiet tiegħi dwar dan il-Milied, proprju għax mhux kull Milied huwa l-istess. Għalkemm kollha kemm huma jistgħu jkunu żminijiet ta’ ferħ, daqshekk ieħor Milied wieħed jista’ jkun inqas ta’ ferħ mill-ieħor.
F’pajjiżna nemmen li dan il-Milied se jonqsu l-presepji. Se jonqsu l-Bambini fit-twieqi forsi, kif ukoll id-dwal. Bħalma se jonqos id-dwal fid-dinja kollha.
Nemmen li f’pajjiżna se jonqsu ċ-ċelebrazzjonijiet tal-Milied għal xi nies, bħalma se jonqsu mad-dinja kollha. U l-presepji tal-kartapesta se jonqsu ukoll minħabba l-waqgħa fil-morali ta’ pajjiżna, minħabba l-problemi finanzarji, kummerċjali, soċjali u maritali ta’ xi nies.
Għax, ħa ngħiduha kif inhi, il-Milied għal dik il-mara li kellha titlaq ir-raġel ftit żmien ilu u tinsab f’nofs kawża l-Qorti ftit li xejn jaspira xemgħat u kant ferrieħi.
Daqshekk ieħor il-Milied għal dak in-negozjant li tkellem dwaru l-istħarriġ tal-GRTU li ġie ppubblikat din il-ġimgħa, li għandu f’moħħu jagħlaq in-negozju tiegħu, jew ikeċċi ħaddiema li ilhom jaħdmu miegħu possibbilment is-snin.
L-istess nistgħu ngħidu ukoll għal dak li għandu xi somma kbira xi jħallas lil xi dipartiment, jew li ħabat bil-karozza u m’għandux flus biex iħallasha.
Il-Milied jista’ ukoll ma jispirax ferħ f’persuna li nqabdet bid-dejn ta’ post ġebel u saqaf u li ma tistax tbiegħu minħabba s-sitwazzjoni ekonomika tal-pajjiż, jew għal dak li minn ħin għall-ieħor qed jistenna sensja mill-impjieg li ilu jaħdem fih dawn l-aħħar snin. Iżda, nistgħu ngħidu ukoll li dan il-Milied, partikolarment, ftit jispira mixegħliet tal-bozoz iteptpu minħabba l-‘inċertezza’ akuta (li diffiċli ssejħilha mod ieħor) xprunata min-nuqqas ta’ mmaniġġjar tajjeb mill-Korporazzjoni tal-ilma fil-każ tal-kontijiet tad-dawl.
Iżda inqas ma naraw presepji tal-kartapesta, forsi, mingħajr ma nindunaw, fid-djar Maltin qed jiżdiedu l-presepji tad-demm u l-laħam. Mentri l-faqar kien xi ħaġa riflessa biss fil-presepju għall-familji Maltin għal dawn l-aħħar 30 sena, issa l-faqar donnu qed joħroġ mill-presepju u jiġi rifless fl-uċuħ tan-nies tad-demm u l-laħam u l-istil ta’ ħajjithom.
Iċ-ċaħda li ġejja mill-faqar issa mhix qed tolqot biss lil Ġużeppi u lil Marija li għexu iktar minn 2000 sena ilu, iżda ukoll lill-Maltin li fis-satra ta’ darhom jiċċaħdu fis-skiet. Minn pasturi bla ħajja, il-Milied din is-sena se jkun Milied iktar reali għal ċerti Maltin. Milied li jfisser ċaħda, sagrifiċċju, rassenjazzjoni, in-nuqqas ta’ dritt li tiddeverti jew tagħmel li trid minħabba l-flus.
Nemmen li l-inqas dettalji tal-presepju, u saħansitra fil-materjal użat biex isir il-presepju, dan qed jirrifletti x-xejriet kollha ekonomiċi tal-pajjiż. Filwaqt li l-presepji magħmulin mill-kartapesta jirriflettu bis-sħiħ il-politika ambjentali li f’pajjiżna (li qabdet daqs 20 sena tard), daqshekk ieħor il-qagħda ekonomika ta’ pajjiżna se tiġi riflessa fin-nuqqas ta’ presepji u nuqqas ta’ bozoz u tiżjin.
U minflok, se jirduppjaw il-presepji umani. Wara l-bibien, dan il-Milied, jekk tkunu mexjin, ftakru li hemm diversi presepji umani – irġiel u nisa mċaħħdin minn dak li tixtieq qalbhom, mifnijin bi problemi soċjali li wasslu għal problemi finanzjarji u problemi finanzjarji li wasslu għal aktar problemi soċjali.
Huwa proprju lil dawn il-presepji umani li nibgħat l-isbaħ xewqat dan il-Milied, flimkien magħkom il-qarrejja kollha ta’ dan il-ġurnal.
Awguri
Minn qalbi nawgura lill-Editur Frans Ghirxi u l-istaff kollu ta’ l-orizzont u Union Print u lilkom għeżież qarrejja u l-familji tagħkom, Milied hieni u sena ġdida mimlija risq u barka. Awguri.
G[al kummenti jew su;;erimenti - lornav@onvol.net
|