www.l-orizzont.com  
Il-Ħamis 2 ta' Settembru 2010
  L-orizzont  
Opinjoni
Editorjal
Features
Artikli/Kontribuzzjoni
Ittri lill-Editur
Rati tal-Avviżi
Arkivji
Ikkuntattjana
  FITTEX  
 
 
  Sports  

It-tim Malti jibda l-kwalifikazzjoni
ta’ Euro 2012 illum f’Iżrael.....

Wara l-inċidenti tas-Sibt li għadda fil-Pixxina Nazzjonali:
San Ġiljan jitnaqqsulhom żewġ punti
– Sospensjonijiet u multi lil uffiċjali, plejers u klabbs.....

Schembri jiskorja.....

James Paris ma’ Sliema W. għal tliet snin.....

Il-UEFA tipprojbixxi l-użu tal-vuvuzela.....

 

 
 

 

Opinjoni
 

Paceville llum
minn Lorna Vassallo

Kien ilni ma nitla’ Paceville. U r-raġuni għalxiex ma tantx nagħżel Paceville bħala l-post tad-divertiment tiegħi għall-aħħar tal-ġimgħa huwa n-nuqqas ta’ spazju għal parkeġġ f’dan il-post partikulari. Iżda dan l-aħħar tlajt xi ljieli f’dan il-post.

Huwa ovvju li d-differenza tinnotaha. Ħafna ħwienet bidlu isimhom u oħrajn inqasmu f’biċċiet differenti. Sfortunatament, xi bini li kien mitluq għadu mitluq, bir-riżultat li jiġbor ħafna trab u jintuża għall-boroż taż-żibel minn sidien ta’ ristoranti fil-qrib li jsibuh konvenjenti. Dan speċjalment fi Triq Ball.

Paceville mtela bi ħwienet mimlijin b’żeffiena nisa għall-irġiel. Apparti s-sessiżmu ta’l-istorja kollha, jidher ċar li l-morali fil-pajjiż tbaxxiet, u r-rispett lejn il-mara żgur li naqas. Tbissimt meta smajt il-proposta li Malta għandha tintroduċi iktar bajjiet għall-għarwenin biex tiġbed it-turiżmu li ntqalet minn kandidat prospettiv għall-Parlament Ewropew, iżda żgur li fil-fatt ninsab ċerta m’aħniex ħafna ’l bogħod.

Xi ħaġ’oħra li laqtitni ferm u saħansitra niktitni kien meta darba minnhom dort bil-karozza minn fi triq paralelli ma’ Triq Spinola: triq ‘il fuq mit-triq fuq il-bajja ta’ Spinola, eżattament wara l-kappella li hemm. Rajt ċorma żgħażagħ f’naħat differenti tat-triq. L-għadd ta’ żgħażagħ tant kien kbir li ħsibt li fetaħ xi ħanut ġdid fit-triq, iżda kont żbaljata. Fil-fatt li kien qed jiġri huwa li ż-żgħażagħ kienu qegħdin jinġabru fuq il-bankina barra jixorbu minn fliexken tal-inbid ġot-tazzi tal-plastik.

Apparti li ħafna miż-żgħażagħ jidhru ta’ età żgħira ħafna, nemmen li kulħadd mitluq fuq bankina huwa ħafna inqas sikur milli ħanut tax-xorb. Apparti li r-regolamenti ta’ sigurtà u ta’ kontroll fuq ix-xorb ma jistgħux jiġu sorveljati għax m’hemm ħadd adult.

Għalkemm minix xi reliġjuża, xorta waħda nemmen f’valuri morali sodi. Fil-fatt nemmen li Paceville, iktar minn qatt qabel, flok ma qed joffri post ta’ divertiment għaż-żgħażagħ, qed joffri iktar post ta’ sfruttament u ambjent idejali għal traffikar ta’ droga u kwantità eċċessiva ta’ xorb speċjalment minn minorenni. Lil hemm minn sesswalità, xorb, droga u kriminalità għandhom jiġu kkundannati. U xorb u d-droga m’hemm l-ebda dubju li jistgħu jwasslu għal periklu fuq saħħet kemm iż-żgħażagħ infushom (anke f’termini ta’ inċidenti tat-traffiku fejn għandek żgħażagħ li diġà jsuqu) kif ukoll periklu għal saħħet ħaddieħor (u ċioe’ vittmi ta’ reati mwettqa minn persuni taħt l-influwenza tax-xorb u d-droga li jistgħu jvarjaw minn vandaliżmu fuq propjetà sa ġlied b’ferimenti).

Minkejja kollox wieħed ma jistax ma jirrimarkax li l-preżenza tal-pulizija f’Paceville tinħass sewwa. Fil-fatt tingħata iktar l-impressjoni ta’ stat polizjesk milli ‘free country’. Iżda jista’ jkun ukoll li huwa propju għalhekk li ċerti rkejjen imdallma u mwarrba qed jispiċċaw il-post fejn jiltaqgħu ż-żgħażagħ. Jista’ jkun li l-istess pulizija m’humiex jitqassmu sewwa. Qed jikkonċentraw fuq żoni ċentrali u jinsew il-periferija. U l-periferija tista’ tkun iktar lok għal abbużi milli ċ-ċentru.

Iżda wara kollox, l-aħħar li xtaqt nikkummenta fuqu huwa dak li fil-fatt bdejt bih … l-ispazju għall-parkeġġ. Għalkemm ir-raġuni prinċipali li għaliha ma tantx nitla’ f’dan il-post kien in-nuqqas ta’ spazju, id-darbtejn li tlajt bil-karozza tiegħi dejjem sibt spazju fejn nipparkja (ovvjament fit-triq). U dan sibtu wkoll fil-qalba ta’ Paceville.

Veru li fraħt li sibt parkeġġ, m’għandniex xi ngħidu. Iżda l-verità hi ukoll, kif tani raġun sewwa sid ta’ lokal partikulari li mort fih, li l-fatt li ssib parkeġġ fil-qalba ta’ Paceville ma tantx jawgura sew għal min għandu negozju hemmhekk. Din hija turija ċara li n-nies verament naqsu minn dawn il-postijiet ta’ divertiment.

Wieħed forsi jista’ jaħseb li n-nies qed jitilgħu b’mezzi oħra, jew li huma turisti. Iżda dan huwa qajla minnu. Dan għax mid-drabi li tlajt Paceville, tlajt xi tlett darbiet bil-karozza tal-linja ! U fuq il-karozza tal-linja kien hemm biss żgħażagħ żgħar li ma jafux isuqu, flimkien ma’ turisti li ħafna drabi kienu wkoll żgħar ħafna fl-eta’.

U għalhekk jidher ċar ukoll li n-negozji f’Paceville ġew milquta mill-inċertezza ekonomika tal-pajjiż.

It-tħassib tiegħi hu wkoll, iżda, li post bħal Paceville seta’ kien kalamita għal turisti li jixtiequ jiddevertu u jiltaqgħu ma’ nies ġodda. Issa jidher li Paceville wkoll jista’ jsir, bil-mod il-mod, monument ta’ dak li kien. Li Malta qed tattira inqas turisti minn qabel (għallinqas dawk li qed jorqdu f’pajjiżna).

Iżda, bħalma jiġri dejjem … il-ħmar il-magħkus idur miegħu d-dubbien. Bħalma għal xi żmien turist kien imur lura pajjiżu jirrakkomanda lil Malta bħala destinazzjoni, hekk ukoll illum il-ġurnata jista’ jmur lura u jgħid li dak kollu li jintqal fuq il-kotba dwar Paceville mhux minnu … speċjalment matul il-ġimgħa inkluż il-ġurnata tal-Ġimgħa u dik tal-Ħadd.

lornav@maltanet.net


Ikkummenta dwar dan l-Artiklu Fuq

Artikli oħrajn fis-sezzjoni Opinjoni
·  Għaliex int?
·  L-immigranti u l-GWU
·  Il-klieb ta’ Napuljun
·  Il-ġid jinħoloq bix-xogħol u l-impjiegi
·  Il-qerq tas-sħubija fl-Unjoni Ewropea
·  L-UE għandha tikkriminalizza l-immigrazzjoni illegali


IT-TEMP - 2/9/2010
Rapport tat-Temp:  Il-bicca l-kbira msahhab bix-xita u bir-raghad
Temperatura: 
L-ogħla: 31°C
L-inqas: 21°C

Riħ:  Xlokk 10-20 kph
Għall-aġġornament tat-temp agħfas hawn.