|
Illum xtaqt indawwar ħarsti lejn ix-xena internazzjonali iktar milli dik lokali. Fit-Tajlandja għadna kif xhedna kolp ta’ stat li għadda ferm ħarir, b’organizzazzjoni perfetta u li ma ħalliex riżultati traġiċi, iżda biss dawk mixtieqa u mixtieqa mill-maġġoranza. Kemm-il darba dħalt daħla fija nnifsi u ħsibt kif ħafna mill-istati u tibdiliet politiċi kbar ġew miżrugħa minn sitwazzjonijiet illegali li għelbu lis-sistema ta’ żminijiethom u daħlu in forza flokha, b’tali mod li għamlu lil tal-aħħar l-illegali.
X’irrid ngħid b’dan? Huwa ovvju li l-ħakkiem ta’ stat se jagħmel il-liġijiet kif jaqblu lilu. U se juża wkoll kull mezz possibbli biex kull ċittadin li jgerger kontrihom b’ċertu fervur jeliminah. Iktar kemm l-istat ikun demokratiku iktar tkun irfinata t-teknika ta’ kif nies ‘rivoluzzjonarji’ jew ‘ribellużi’ jiġu eliminati. Iżda xorta jiġu eliminati. Kwalunkwe gvern għandu ħafna mezzi biex joħnoq vuċijiet kontrih u dawn jużahom. Kwalunkwe gvern għandu wkoll diversi privileġġi li jipproteġuh minn ċertu offiżi li jistgħu jagħmlulu l-ħsara fil-mod kif jidher man-nies tal-pajjiż tiegħu.
Fit-Tajlandja din il-ġimgħa rajna ‘protesta’ li rnexxiet. Kienet ‘protesta’ li sabet wisq appoġġ mill-poplu. U kienet ‘protesta’ li probabbilment kienet antiċipata ukoll minn żewġ elementi.
L-ewwelnett, l-element ta’ dieqa li jħoss iċ-ċittadin meta jkun jaf li teżisti l-korruzzjoni u t-tberbiq, kif ukoll l-element ta’ esaġerazzjoni min-naħa tal-gvern. Żgur li l-Gvern Tajlandiż ħaseb li l-‘protestanti’ (li f’dan il-kuntest jistgħu b’kull dritt jissejħu ‘rivoluzzjonarji effettivi’) qatt m’huma se jiksbu l-appoġġ meħtieġ biex ineħħulu l-poter. Iżda kien żbaljat.
Dak li ġara fit-Tajlandja jurina n-naħa l-oħra tal-munita tad-demokrazija. Forsi hija n-naħa li l-inqas li nitkellmu dwarha. Dik li hija pjuttost iktar mudlama. Dik, kif diġŕ għedt hawn fuq, li minnha, mid-dlam joħroġ id-dawl il-ġdid li jieħu post (it-taparsi) dawl il-qadim.
Fil-politika moderna kulħadd jelimina lingwaġġ aggressiv u t-turija tal-forza. Għall-inqas kull politiku. Huwa wkoll fl-interess ta’ kull politiku li jrawwem sentiment li kull min juri atteġġjament aggressiv lejn il-politika ta’ żminijietu huwa bniedem maledukat u baxx.
Perň, huma wkoll iż-żminijiet flimkien mas-sitwazzjonijiet politiċi mġebbdin, b’madmad dejjem jikber fuq il-poplu li jistgħu jwasslu aktar u aktar ilħna mdejqin li juru snienhom u li jiddeċiedu li jirrikorru għall-vjolenza bħala l-aħħar manuvra ta’ salvazzjoni.
Dan jista’ jwassal biex iktar u iktar nies, fosthom strateġisti intelliġenti li jaħsbu b’moħħhom li jissieħbu mal-mewġa ta’ bidla, u li jagħmlu l-protesta waħda organizzata u intelliġenti. F’dak li ġara fit-Tajlandja din il-ġimgħa kull m’għamlu d-dimostranti kien li attakkaw punt ġeografiku kruċjali fil-pajjiż: l-ajruport.
Minnu nnifsu dan huwa simbolu tal-ekonomija tal-pajjiż, speċjalment meta, bħal fil-każ tat-Tajlandja, it-turiżmu jkun industrija verament maġġuri. Il-‘protestanti’ kienu determinati. Jidher li kien hemm saħansitra organizzazzjoni sħiħa ta’ kif twassal l-ikel lil ‘protestanti’ li dejjem bdew jikbru fin-numru u tal-modi kif huma setgħu jibqgħu f’kuntatti saħansitra billi jiċċarġjaw il-mobajls tagħhom matul il-protesta.
Ingħataw mediċini u ilma għal eluf ta’ nies għal jiem sħaħ li żgur ma waqgħux mis-sema.
Min seta’ ssupplixxa l-ikel jew il-flus, min issupplixxa s-sostenn morali, min l-ideat strateġiċi u l-organizzazzjoni u min offra li jkun attiv hu fil-protesta. Qamu suspetti kbar dwar min seta’ kien wara l-protesta fit-Tajlandja. Dubji dwar jekk, per eżempju, ir-Re stess u l-Familja Rjali setgħetx imbottat jew għenet minn taħt. Li hu żgur hu li dawk li verament ipprotestaw ma kinux waħedhom.
U fi żmien sebat ijiem il-PM Somchai ħa d-daqqa tal-mewt mill-ġudikatura tal-pajjiż u kellu jirreżenja. Kien suċċess politiku Tajlandiż li ma ġiex mill-gvern iżda mill-poplu. Kienet ir-rieda tal-poplu li ddominat mhux bil-mezzi tas-soltu, jiġifieri bil-voti f’elezzjoni, imma b’mezzi straordinarji f’sitwazzjoni straordinarja.
Bħal kważi fi kwalunkwe każ ta’ ‘rivoluzzjoni’, kienet il-klassi tan-nofs jew dik imsejħa ‘baxxa’ li dehret tipprotesta u ħarġet għonqha ħalli twassal il-bidla. U kienet dik li rnexxielha ġġib l-appoġġ minn nies ta’ poter li, għalkemm qatt ma dehru, għenu. Ovvjament il-mewġa kienet ilha ġejja. U r-rivoluzzjoni kienet ilha li saret fuq livell ta’ ħsieb. Kien il-gvern biss li ma ndunax biha. Jew raha u ma għarafhiex. Jew issottovalutaha. Kwalunkwe rivoluzzjoni tibda minn rebħa kbira fil-ħsieb ta’ poplu.
U meta l-kotra tkun kibret biżżejjed, isir il-pjan. Jekk jirnexxi, tinħoloq demokrazija ġdida soda ferm iktar minn ta’ qabel. Jekk ma jirnexxix, ir-rivoluzzjonarji jridu jbatu l-konsegwenzi. Isiru illegali u probabbilment jiġu eliminati huma mill-gvern bl-iktar mod makabru possibbli.
B’differenza ta’ elezzjoni (il-mod ordinarju ta’ kif il-poplu jieħu kontroll tal-gvern li jmexxih) fil-protesta / kolp ta’ stat / rivoluzzjoni (il-mod straordinarju ta’ kif il-poplu jieħu kontroll ta’ gvern) ma jingħaddux kemm nies appoġġjaw lil min. Iżda żgur li l-maġġoranza tal-poplu tkun qiegħda wara r-rivoluzzjonarji u mhux wara l-gvern. Kieku l-protesta, kolp ta’ stat jew rivoluzzjoni ma jirnexxux.
Il-Gvern Nazzjonalista ma jistax iserraħ moħħu li r-rivoluzzjonijiet f’pajjiżna ma jistgħux ukoll iseħħu – b’mod ordinarju jew straordinarju. Diġŕ Ġunju li ġej jidher ’il bogħod wisq, fil-fehma tiegħi, biex jagħti t-tbeżbiża mistħoqqha lill-Gvern Nazzjonalista. Digŕ wkoll hemm il-beraq tal-bidu. Jekk Gvern Nazzjonalista ma jarax is-sinjali elettorali ordinarji, il-poplu jkollu jurih sinjali straordinarji. Bħalma ġara fit-Tajlandja is-sintomi ta’ dwejjaq fost il-poplu qegħdin hemm.
Ċerta għaqda bejn l-unjins u sezzjoni tal-poplu kontra l-gvern ukoll hemm, li bħalma kulħadd jaf hija maġġoranza assoluta tal-popolazzjoni Maltija. Il-Maltin jistgħu huma wkoll jiddeċiedu li ma jobdux il-gvern. Li joħolqu forza bejniethom iktar b’saħħitha mis-saħħa istituzzjonali tiegħu.
Gvern Nazzjonalista messu qed jimmanuvra kif se jġib il-maġġoranza elettorali li kiseb mhux jeħodha mal-isħab soċjali u setturi kbar tas-soċjetŕ.
lornav@maltanet.net
www.lornavassallo.com
|