|
Għalkemm il-gazzetti ta’ dawn il-ġimgħat ġustament huma mimlija b’aħbarijiet dwar it-trejdunjins u t-tariffi tad-dawl u l-ilma proposti jew inkella dwar it-tibdiliet proposti fl-Istatut Laburista waqt il-Konferenza Ġenerali, għażilt li nitkellem dwar aħbar pożittiva li ħarġet din il-ġimgħa mil-lat ambjentali ta’ pajjiżna.
Jidher li din il-ġimgħat ħarġet pubblikament statistika dwar l-għadd ta’ Maltin li qegħdin jiddeċiedu li jużaw is-siti miftuħa għal skart goff ġo postijiet determinati.
Kien pożittiv ukoll il-kumment li tat persuna ntervistata dwar ir-rispons qawwi u mhux mistenni li l-poplu Malti ta’ fejn għandhom x’jaqsmu dawn is-siti speċifiċi. Il-kumment li qed nirreferi għalih u li ħareġ f’bulettin lokali kien li “Il-poplu Malti hu poplu nadif….” Żgur li kumment bħal dan qajla smajnieh qabel.
U għalkemm dan huwa u jibqa’ kumment pożittiv, jista’ joffri wkoll spunt għal riflessjoni fit-tul. Nemmen bis-sħiħ li l-kwistjoni tar-rovina ta’ l-ambjent Malti m’hijiex biss kwistjoni ta’ kemm iċ-ċittadin Malti huwa nadif jew maħmuġ.
Il-Gvern, bħal f’kull ħaġa oħra, jista’ jkollu jew biċċa jew kollox mit-tort! Meta dħalt fil-politika għall-ewwel darba forsi qajla kont nemmen lil min iwaħħal kollox fil-gvern.
Iktar m’għadda ż-żmien iktar sirt nemmen li kull ma jiġri, kollox tort tal-gvern. Kienet waħda minn dawk l-okkażjonijiet fejn ħsiebi seta’ għa- mel ‘U-turn’ ta’ 360 grad u milli jemmen f’ħaġa spiċċa jemmen eżattament il-kontra.
Dan għax wara kollox, kif itennu bosta, kollox tort tal-gvern. Dan fis-sens li l-gvern ma jistax jagħmilha mpossibbli għaċ-ċittadin li jikkollabora, hi x’inhi l-kwistjoni, u wara jikkundanna liċ-ċittadin li ma tax il-kontribut tiegħu. U l-kwistjoni tal-ambjent u r-rimi tal-iskart hija każ tipiku ta’ dan it-tip.
Jekk il-gvern ma ggwidax hu liċ-ċittadin fejn jitfa’ l-iskart tiegħu, forsi m’għandna nippretendu li l-ebda ċittadin ikun nadif. Għaliex wara kollox, jekk il-gvern ma jafx fejn għandu jintrema saqqu, kif tridu jkun jaf iċ-ċittadin?
Niftakar f’kumment li għaddietli mara ta’ nazzjonalità Taljana s-sajf li għadda. Forsi, iktar minn ħaddieħor, jien għandi l-opportunità nkun f’kuntatt dirett ma’ turisti u nies ta’ nazzjonalità barranija. Dan ma joffrix biss il-gost tal-qsim tal-kulturi, iżda joffri wkoll il-vantaġġ li wieħed iħares lejn pajjiżu minn barra għal ġewwa, jiġifieri, oġġettivament u mhux dejjem soġġettivament.
Is-sajf li għadda, Taljana, bl-akbar serjetà staqsietni jekk Malta hawnx xi taxxa fuq il-bramel ta’ l-iskart.
Issuspettat hekk għax qalet li rari tara kontenitur ta’ l- iskart fuq il-bankini. Żgur li ma kinitx qed tgħid hekk biex tiċċajta.
Li qalet qalitu bl-akbar serjetà. U dan sinjal li kemm-il darba, matul iż-żjara tagħha, fittxet kontenitur ta’ l-iskart u ma sabitux meta riditu.
U għalhekk, l-infrastruttura ta’ pajjiżna, speċjalment in-nuqqas ta’ faċilitajiet fejn għandu x’jaqsam rimi, tista’ tħeġġeġ jew le, iċ-ċittadin ikun jew ma jkunx nadif. Biex in- kun aktar speċifika, it-turista li qed nitkellem dwarha kie- net toqgħod Buġibba matul iż-żjara tagħha. U kien fuq dawk l-inħawi li kienet qed titkellem.
Personalment, jien ukoll kemm-il darba nqbadt b’karti f’idi ma nafx fejn se narmihom. Ġeneralment, il-kontenitur li narmihom fih tkun il-karozza tiegħi.
Darba waħda, pulizija ġie fuqi biex jeħodli b’idi. Meta staqsejtu għalxiex qalli li għax kont l-ewwel waħda li ra li rmiet il-karti fil-karozza flok ma’ l-art.
Ovvjament, għalkemm seta’ deher li kien kumpliment, daqshekk ieħor ma kinitx xi aħbar tajba.
Fil-qasam ta’ l-ambjent żgur li l-Awtoritajiet jridu iktar milli jagħtu l-kontribut tagħhom. Jien żgur li kont waħda minn ta’ l-ewwel li bdejt nifred l-iskart. Miż-żmien sa meta tħabbret s-sistema ta’ separazzjoni ta’ l-iskart l-ewwel darba sa meta bdiet titħaddem f’xi forma spiċċajt b’boroż sħaħ ta’ karti mmuffati.
Bil-mod il-mod, b’passi ta’ nemlu jew ta’ ġgant, irridu nimxu ‘l quddiem. Il-gvern u l-awtoritajiet iridu jmexxu, il-poplu jsegwi.
Per eżempju, ħarsa lejn is-sit elettroniku tal-Wasteserv għadha sal-lum ma tagħtix dettalji dwar postijiet fejn hemm ‘bring in sites’ f’Malta u Għawdex, u lanqas fejn hemm siti ta’ skart goff. Hemm diversi dettalji li jien kont diġà ktibt dwarhom f’artikli preċedenti u li m’humiex prov- duti fuq is-sit elettroniku sal-lum.
Nispera li d-darba li ġejja li nikteb dwar dan is-suġġett, nikteb biex ngħid li ħadt pjaċir li m’għandix għalxiex nerġa’ nikteb dwar, kif ġara f’każ ieħor ta’ l-ADT.
Wara kollox, irridu nibdew mill-informazzjoni, li hija verament il-bażiku biex ngħallmu, nittrasformaw u niddixxiplinaw il-pubbliku.
www.lornavassallo.com
lornav@maltanet.net
|