www.l-orizzont.com  
Il-Ħamis 2 ta' Settembru 2010
  L-orizzont  
Opinjoni
Editorjal
Features
Artikli/Kontribuzzjoni
Ittri lill-Editur
Rati tal-Avviżi
Arkivji
Ikkuntattjana
  FITTEX  
 
 
  Sports  

It-tim Malti jibda l-kwalifikazzjoni
ta’ Euro 2012 illum f’Iżrael.....

Wara l-inċidenti tas-Sibt li għadda fil-Pixxina Nazzjonali:
San Ġiljan jitnaqqsulhom żewġ punti
– Sospensjonijiet u multi lil uffiċjali, plejers u klabbs.....

Schembri jiskorja.....

James Paris ma’ Sliema W. għal tliet snin.....

Il-UEFA tipprojbixxi l-użu tal-vuvuzela.....

 

 
 

 

Opinjoni
 

Qed tara kif ma ġiex wisq il-kont!
minn Lorna Vassallo

Nammetti …jien ukoll ġieli emmint lill-Gvern Nazzjonalista iktar milli suppost. F’Baġits preċedenti forsi emmintu li xi darba l-proġett tal-Villaġġ tas-Snajja’ se jseħħ. U emmint ukoll li d-dħul tal-Gvern se jkun tant jew li t-turisti se jiżdiedu. Forsi emmint il-wegħdi li saru qabel l-aħħar elezzjoni lill-infermieri u lit-tobba u forsi hemmhekk jien ukoll ħallejt Gvern Nazzjonalista jidħak bija. Jista’ jkun li saħansitra emmint ċajt istituzzjonalizzat ferm aktar bħal dik li se jittella’ mill-ġdid it-Teatru Mwaqqa’.

Kien hemm ukoll ċajt li qatt m’emmint, bħal per eżempju li wara l-istrajk li sar mix-xufiera tal-mejtin, tat-taxis u tal-karozzi tal-linja s-sussidju verament kien se jingħata. M’emmintx ukoll li l-port taċ-Ċirkewwa se jitlesta meta mwiegħed u lanqas ma emmint li l-pont ta’ San Giljan se jitlesta mal-ewwel, it-tieni jew it-tielet data li ngħatat. Forsi m’emmintx il-wegħda dwar il-Baċir Numru 1 u żgur li m’emmintx il-wegħdi li saru lill-kaċċaturi u lill-ħaddiema tat-Tarzna qabel l-aħħar elezzjoni u lanqas qabel ir-referendum, jekk niġu għal dan.

L-uniku vantaġġ tal-Gvern Nazzjonalista hu li tant jgħaffiġhom bil-kbir li bl-intelliġenza ta’ bniedem normali qatt ma tasal li temmen li għandu l-istonku jagħmel li jagħmel. Fis-sens li, fil-lista ta’ wegħdi mhux imwettqin, tant il-Gvern Nazzjonalista jidħak b’nies li ħafna minnhom tawh il-fiduċja tagħhom, li qabel ma jgħaffiġha ma temminx li sa jasal s’hemm. Imma fil-fatt sa hemm għandu stonku jasal!

Però l-Gvern Nazzjonalista issa qed jixjieħ verament. U miegħu qegħdin jixjieħu t-tattiċi tiegħu. Għalkemm l-aħħar elezzjoni rnexxielu jirbaħha mhux sforz riżultati politiċi tajbin iżda sforz manuvri immorali u forsi xi erba’ wegħdi fiergħa, jaf li t-tattiċi tiegħu qegħdin isiru prevedibbli u b’hekk jagħmluh inqas kredibbli. Jaf li l-votanti tiegħu ma jivvotawlux għax hu tajjeb u dan irnexxielu jifhmu ħafna qabel ir-rival tiegħu – il-Partit Laburista.

U minbarra li hu espert – ormai – tal-wegħdi fiergħa, issa l-Gvern Nazzjonalista qed jazzarda dejjem aktar juri stampa ħażina tar-realtà. Nieħdu l-każ tad-dawl u l-ilma. Ħadd qatt ma basar li Gvern Nazzjonalista wasal s’hawn. Mhux talli qal mod u sar ieħor, talli tant morna l-estrem l-ieħor li ftit naħseb li għadhom fehmu kemm hu kbir u inġust il-madmad.

Sirna pajjiż fejn kull meta tiftaħ it-televiżjoni issir taf kif tiffranka d-dawl u l-ilma. Tmur protesta jitqassmu l-‘flyers’ u titkellem madwar mejda kulħadd jagħti l-fehmiet tiegħu ta’ kif jista’ jiffranka. Persuna li ltqajt magħha dan l-aħħar, biex tikkritika Gvernijiet Laburisti ta’ l-imgħoddi qalet li fi żminijiet imgħoddija kont tixgħel is-swiċċ u ma ssibx dawl u tiftaħ il-vit u ma ssibx ilma.

Apparti li llum stess jien inzertajt bla dawl u apparti l-fatt li forsi din il-persuna ma tafx li fuq ir-radju spiss nisimgħu fejn u f’liema triq se jinqata’ d-dawl b’mod sistematiku, din il-persuna nsiet jew ma tafx li l-Ministru Gatt qal li lanqas se jibqagħlu flus biex iħaddem il-ħaddiema tal-Korporazzjoni.

Iżda l-kwistjoni tad-dawl u l-grinta żejda biex jispjegawlna kif ma naħlux dawl u ilma (għalkemm naqbel ma’ dak kollu) minnha nnifisha hija strateġija oħra kif l-impatt ta’ deċiżjoni ta’ Gvern Nazzjonalista ma jidhirx. Fi kliem ieħor, ftit Maltin se jaħlu ilma u dawl bħal ma kienu jaħlu s’issa.

Kieku jagħmlu hekk ikunu jistgħu jindunaw bid-differenza eżatta bejn il-kontijiet il-ġodda u dawk antiki. Jiġifieri, billi l-istituzzjonijiet tal-pajjiż qegħdin jitterrorizzaw lill-konsumatur psikoloġikament dan jista’ jiġi biss favurihom. Ftit xhur oħra, Austin Gatt nimmaġinah jgħidilna, “Qed tara kif ma tantx ġie l-kont tad-dawl u l-ilma… għalxiex għamiltu għaġeb?” Iżda l-verità tkun mhux li l-kontijiet m’għolewx drastikament, iżda li l-Maltin, imbeżżgħin a priori mill-kontijiet tant qanċu, li rnexxielhom jimminimizzaw l-impatt huma stess, mhux il-Ministru.

Insomma din hija manuvra oħra tal-Gvern Nazzjonalista, fejn, l-ewwelnett iż-żgħir u forsi anke dak li mhux żgħir, m’għandux ħlief “Hobson’s choice” – jew taħli inqas u tħallas id-doppju, jew taħli l-istess u tħallas it-tripplu, u min-naħa l-oħra hija mod ieħor kif iġġiegħel l-istess konsumatur iwaħħal fih innifsu u jċajpar l-istess evidenza hu stess ta’ amministrazzjoni xejn għaqlija tal-pajjiż.

Hawnhekk, ma jifdalli xejn ħlief li nagħti ‘stilla’ oħra lill-Gvern Nazzjonalista ta’ kif qed jirnexxilu jidħak bin-nies. S’issa naħseb li tajtu xi erba’ stilel mhux ħażin u żgur li ta’ kull stilla kien verament ħaqqu. Min-naħa l-oħra, ironikament, il-wegħda li wara sħubija sħiħa fl-Unjoni u wara li jiġi elett Gvern Nazzjonalista ġdid fl-2008, kien se jkollna nispiċċaw ma ninħaslux fil-għodu għax insejna l-giżer mitfi ma niftakarx li qalilna!

Għal kummenti jew suġġerimenti – lornav@onvol.net




Ikkummenta dwar dan l-Artiklu Fuq

Artikli oħrajn fis-sezzjoni Opinjoni
·  Għaliex int?
·  L-immigranti u l-GWU
·  Il-klieb ta’ Napuljun
·  Il-ġid jinħoloq bix-xogħol u l-impjiegi
·  Il-qerq tas-sħubija fl-Unjoni Ewropea
·  L-UE għandha tikkriminalizza l-immigrazzjoni illegali


IT-TEMP - 2/9/2010
Rapport tat-Temp:  Il-bicca l-kbira msahhab bix-xita u bir-raghad
Temperatura: 
L-ogħla: 31°C
L-inqas: 21°C

Riħ:  Xlokk 10-20 kph
Għall-aġġornament tat-temp agħfas hawn.