|
Biex verament inkunu l-aqwa fl-Ewropa, kull tifel u tifla, kull żagħżugħ u żagħżugħa, kull mara u kull raġel, kull familja, kull anzjan u anzjana kull membru ta’ minorità jew kultura differenti huma minn huma għandhom dritt li jgħixu kuntenti bi kwalità ta’ ħajja aħjar, bl-aqwa kundizzjonijiet soċjali, ekonomiċi u ambjentali fl-isfond tal-aqwa żvilupp uman. Hekk nara lil pajjiżi lill-komunitajiet li n-nies saru jidentifikaw ruħhom magħhom jien.
Il-Baġit 2009 dan ma jirriflettihx. Imma lil hinn mill-baġit kien hemm sinjal ta’ tama u ta’ kuraġġ li nibet fl-aħħar jiem kemm f’pajjiżna, fl-Ewropa u madwar id-dinja. Dan is-sinjal kien ir-rebħa storika ta’ Barack Obama fl-Istati Uniti bl-għaqda ta’ moviment sħiħ warajh favur l-għajta ta’ bidla li Obama jrid jagħmel bil-parteċipazzjoni ta’ kulħadd, inkluż lis-soċjetà ċivili.
President Barak Obama jrid jagħti vuċi lil dawk li m’għandhomx vuċi u jew qed isofru minn xi oppressjoni u lil dawk li jemmnu li l-politika għandha tinbena minn isfel għal fuq u mhux viċi versa. Il-politika hi strument sabiħ u pożittiv li jekk użat tajjeb jista’ jagħmel differenza kbira mhux biss fil-kwalità tal-ħajja li ngħixu llum, iżda wkoll fil-kwalità tal-ħajja li se jkollna fil-ġejjieni. U għalhekk il-mistoqsija hija naturali: “il-politika jew aħjar il-’policies’ f’pajjiżna kemm qed jiġu żviluppati bl-aħjar mod possibbli biex verament ilkoll kemm aħna ngħixu ħajja aħjar minn dik tal-lum?”
Ir-realtà ma nistgħux naħarbu minnha, meta f’pajjiżna qegħdin jiżviluppaw realtajiet ġodda fost il-familji b’kategoriji ta’ nies li qed jispiċċaw esklużi u mċaħħdin soċjalment bid-deċiżjonijiet li qed jittieħdu f’pajjiżna. Jekk nieħdu l-edukazzjoni, il-familji jistaqsu: “din qed tindirizza lil persuna umana jew le? Anke mbagħad fil-qasam tar-riġenerazzjoni, li qed isseħħ f’ċertu zoni u mhux oħrajn, bħal ngħidu aħna n-naħa t’isfel, li tibda mill-Belt Valletta u tinkludi 25 lokalità sa Ħaġar Qim u l-Imnajdra.
Pajjiżna għandu ġenerazzjoni żagħżugħa li għandha potenzjal qawwi biex tkompli tagħti kontribut għall-preżent u l-futur tagħna lkoll. Ħafna drabi, sfortunatament, għandna t-tendenza li niffukaw wisq fuq in-negattiv meta niġu biex niddiskutu temi marbutin maż-żgħażagħ bħal ngħidu aħna kwistjonijiet ta’ abbuż mill-alkoħol u d-drogi u allura jkun hemm it-timbru tal-istigma u ninsew li hemm bosta żgħażagħ li qegħdin jagħtu kontribut tassew pożittiv bl-eżempju u l-ħidma tagħhom. Dawn ukoll qed jiffaċċjaw sfidi kbar. F’pajjiżna qed jaraw quddiemhom inċertezza kbira bil-prezzijiet għoljin tal-propjetà, bil-kontijiet tad-dawl u l-ilma li wkoll iridu jħallsu u fl-istess ħin li jridu jrabbu familja u jħarsu lejn il-karrieri u l-ġejjieni tagħhom.
Iżda mal-isfidi hemm ukoll l-opportunitajiet li jridu jinħatfu minna lkoll. Għalhekk kemm pajjiżna, u kemm l-UE għandhom jaġixxu għar-realtajiet ġodda li qed jiżviluppaw fost il-familji Maltin u Għawdxin. Huwa għalhekk li f’qafas Ewropew irridu naħdmu biex koppji żgħażagħ, studenti u ħaddiema li ma jistgħux ilaħħqu mal-ħajja jsibu triq aktar ġusta f’oqsma bħal tad-djar, aċċess għal faċilitajiet għall-familja u anke għajnuna aħjar għal edukazzjoni b’ħafna aktar flessibilità tul il-ħajja li tgħinhom isibu xogħol u jiżviluppaw aħjar it-talenti tagħhom anke permezz ta’ programmi u fondi mill-UE. Għax waqt li hu tajjeb li toffri inċentivi għal sehem akbar fid-dinja tax-xogħol, trid ukoll toħloq l-infrastruttura u l-istrutturi neċessarji biex verament toħloq bilanċ bejn ix-xogħol u l-familja, għaliex il-missirijiet daqs l-ommijiet għandhom dritt li jqattgħu il-ħin ma’ wliedhom.
Dan jien narah iseħħ jekk b’politika ħolistika nimxu ‘l quddiem, inkunu kompetittivi, flessibli, imprenditorjali iżda fuq kollox inkunu poplu li jerġa’ jibda jemmen fih innifsu, biex hekk verament pajjiżna jkun l-aqwa fl-Ewropa. Ninsabu eżatt xahrejn bogħod mis-sena dedikata mill-Kummissjoni Ewropea bħala s-sena għal kreattività u nnovazzjoni. Flimkien kapaċi nbiddlu l-mentalità, il-perċezzjonijiet u l-prattiċi eżistenti biex bis-sehem ta’ kulħadd id-deċiżjonijiet politiċi li jittieħdu f’pajjiżna jkunu aktar b’saħħithom biex ikollna pajjiż kif irriduh aħna, il-pajjiż li dejjem xtaqna.
––––––––––––
Claudette Abela Baldacchino hija Membru Kumitat tar-Reġjuni EU u Kandidat Prospettiv għall-Parlament Ewropew f’isem il-Partit Laburista
info@claudetteabelabaldacchino.eu
|