|
Fi żminijiet bħal dawn nerġa’ niftakar fl-oriġini tal-kelma “demokrazija”, li daqskemm tiġi użata daqstant ieħor, minn xi waqtiet, hija abbużata. U bħalma jiġri ħafna drabi, kliem li jkunu fuq fomm kulħadd jitilfu xi ftit mit-tifsira oriġinali tagħhom, jew għax ikunu xiehda ta’ kunċetti antiki, li jkunu frott ta’ żminijiet u esperjenzi ħarxa ta’ poplu, jew għax kulħadd jibda jgħidhom daqs li kieku xejn u kważi jwaqqagħhom għaż-żufjett.
Ftit huma dawk iċ-ċittadini, votanti li jirrealizzaw illum il-ġurnata li t-tifsira proprja u oriġinali tal-kelma ‘demokratia’, li ġejja mill-Grieg klassiku, fiha nnifisha tfisser “is-saħħa tal-poplu”, “il-ħakma tal-poplu” jew “il-gvern tal-poplu”.
‘Kratia’ waħedha tfisser “ħakma” jew “gvern”. Dan għax sistema politika demokratika ma tfissirx ħlief li l-poplu nnifsu huwa l-gvern u mhux dak li huwa msejjaħ “gvern”. Is-supremazija, ħakma assoluta hija proprju f’idejn il-poplu.
Dan joħroġ mill-fatt li huwa l-poplu li jeleġġi l-membri parlamentari u l-gvern. U joħroġ ukoll mill-fatt li f’sitwazzjonijiet ta’ kriżi politika huwa finalment il-poplu li huwa mistenni li jippredomina fuq il-gvern u l-parlament. Jista’ jagħti l-każ il l-politiċi stess jagħmlu minn kollox biex inessu t-tifsira vera ta’ dan il-kunċett politiku li tant jissemma, iżda skorrettement.
Il-gvern mhux ħlief l-istruttura li tiddeċiedi għall-poplu, presumabbilment, fl-interess ta’ kulħadd. Tiddeċiedi dwar affarijiet sensittivi bħall-finanzi u d-difiża tal-pajjiż, dwar ir-relazzjonijiet internazzjonali u dwar monopolji, bejgħ tal-assi, ir-riżorsi u l-amministrazzjoni ġurnata b’ġurnata tal-pajjiż.
Ovvjament kull qasam li mmerita ministeru jew segretarjat huwa qasam li jeffettwa taqsima kbira mill-poplu u li dwaru hemm bżonn li jittieħdu deċiżjonijiet mhux minn persuna waħda, iżda mill-gvern jew mill-parlament kollettivament.
Bħal kull kunċett ieħor id-demokrazija tista’ tiġi ukoll abbużata. Jeżistu ħafna gvernijiet fid-dinja li fuq il-karta jissejħu demokratiċi meta fil-verità d-demokrazija tagħhom hija ferm kompromessa. Fil-każi estremi dan jista’ jissarraf f’elezzjonijiet finti jew f’nuqqas ta’ elezzjonijiet. Hawn Malta aħna lkoll naħsbu li dawn l-affarijiet jiġru biss f’pajjiżi oħrajn, iżda lilna le.
Mhux qed ngħidu li d-demokrazija f’pajjiżna hija daqstant kompromessa, iżda kulħadd jaf kemm manuvri, forsi mhux illegali iżda immorali, li saru fl-aħħar elezzjoni biex il-Gvern preżenti jżomm postu.
Il-kompromessi kienu ħafna, u jekk nieħdu dawk biss li qed jissemmew fil-gazzetti, dawn waħedhom diġà huma xiehda ta’ Gvern li rebaħ it-tellieqa aktar milli għax ħadem aktar minn ħaddieħor, iżda għax irranġa l-affarijiet biex jirbaħ hu. Ovvjament, kollox għandu prezzu. U l-poplu Malti jista’ jkun li issa wasal f’sitwazzjoni fejn irrealizza (jgħidx jew le apertament) li Gvern Nazzjonalista ta’ qabel l-2008 aktar kien interessat fil-vot tiegħu milli fih. Ħafna mill-poplu, kif ġara aktar kmieni din is-sena, fosthom il-kaċċaturi u s-sewwieqa tal-karozzi tal-linja, issa kkonferma bla ebda dubju li l-Gvern iħobb aktar il-vot tiegħu milli lilu.
Jista’ jkun li l-poplu qed jirrealizza ukoll kemm intużaw manuvri li m’humiex etiċi biex iġiegħluh, bi żball, jemmen li l-Gvern qiegħed hemm għalih u mhux għall-Membri Parlamentari u l-Ministri. Kollox ma’ kollox, jidher li l-Gvern Malti qed iserraħ ħafna fuq il-fatt li joħloq konfuzjoni f’pajjiżna bejn demokrazija u partiġġjaniżmu. Billi jrewwaħ il-partiġġjaniżmu, il-Gvern qed iwarrab id-demokrazija.
Illejla se naraw kemm irnexxielu Gvern Nazzjonalista jħeġġeġ il-partiġġjaniżmu f’taqtigħa sħiħa biex imewwet jew joħnoq id-demokrazija. Kull membru ta’ għaqda trejdunjonistika li se tipparteċipa fil-manifestazzjoni se tagħti messaġġ wieħed… f’Malta teżisti d-demokrazija! F’Malta hu ċ-ċittadin li jiġi fuq il-Gvern u mhux il-Gvern fuq iċ-ċittadin!
Ninsab anke jien inċerta kemm iċ-ċittadin Malti huwa konxju tal-poter demokratiku tiegħu. Aktar għandi l-impressjoni li ċ-ċittadin Malti huwa terrorizzat psikoloġikament u ġie kompromess għall-aħħar mill-“pjaċiri” li sarulu mill-Gvern preżenti.
Għalhekk jiddependi ukoll minn kemm l-effett qed jinħass minn setturi differenti tas-soċjetà. Id-demokrazija u l-eżerċizzju tagħha jiddependu ukoll mill-kuxjenza jew is-sensittività tal-poplu.
Wieħed jistenna u jara. Wara kollox il-membri ta’ ħafna mit-trejdunjins li biħsiebhom jieħdu sehem fil-manifestazzjoni tal-lejla huma maqrusin verament u kienu qegħdin jikkontemplaw għal rashom protesta u azzjonijiet industrijali.
Ħafna mill-membri ta’ dawn it-trejdunjins ġew ittraduti bl-abjad fuq l-iswed b’wegħdi fiergħa saħansitra fi ftehim kollettivi jew b’wegħdi ta’ sussidji li qatt ma seħħu. Unjins, bħalma hi dik tal-infermieri, huma eżempju ċar ta’ dan. L-MHRA, per eżempju, għandha għalxiex tkun verament urtata għax ħafna mill-membri tagħha, minħabba l-Gvern, iċċaħħdu milli jagħmlu l-proġettazzjonijiet finanzjarji tagħhom minħabba l-fluwidità li nħolqot u r-retroattività tal-kontijiet tad-dawl u l-ilma li farrku l-istess proġettazzjonijet li kienu diġà għamlu.
Wieħed jittama verament li dak li tfassal minn filosfi Griegi tant snin ilu Malta ndunajna bih u nafu npoġġuh fil-prattika. Inkella nibqgħu skjavi tal-partiġġjaniżmu u parrokkjaliżmu u jkun jimmeritana ferm agħar minn Gvern li qiegħed ripetutament jingħata mandat li jiddeċiedi waħdu u jsejjaħ lilu nnifsu demokratiku.
lornav@onvol.net
|