|
Din il-ġimgħa, ma jistax jonqos li bħal kull arti-kolist ieħor nagħti l-kummenti tiegħi dwar il-baġit imħabbar mill-Gvern din il-ġimgħa. Nammetti li dan mhux qed nagħmlu bi pjaċir. Dan għax dak li għedt fis-snin li għaddew dwar baġits preċedenti reġa’ seħħ din is-sena. U l-ironija hija li l-poplu għadu ma tgħallimx. Tħossok qisek leħen jgħajjat fid-deżert. L-ebda profeta politiku, iżda l-fatt li wieħed ikun jifhem daqshekk fil-manuvrar tal-Gvern jagħmel il-politika wisq prevedibbli u xejn entużjażmanti. Min-naħa l-oħra li tara l-poplu Malti jadura Gvern li poġġih f’morsa finanzjarja eterna hija bil-wisq inqas entużjażmanti.
Il-Baġit 2009, għal sena oħra nħares lejh bħala baġit ta’ Gvern li pprefera li jagħmel awtopsja fuq il-pazjent li suppost kellu jieħu ħsieb, iktar milli jagħmel operazzjoni biex isalva l-ġisem ħaj.
Min-naħa l-oħra l-fenomenu ta’ tidwir fiċ-ċifri reġa’, għal sena oħra, irriżulta f’eżerċizzju ieħor ta’ konfużjoni iktar tal-kubu ta’ Rubiku. Bħalma jiġri f’dil-logħba popolari, il-kuluri ta’ kull faċċata tal-kubu tħalltu iktar, iżda l-elementi kollha baqgħu hemm.
Għal darb’oħra l-Gvern se jisloħ b’id waħda u jagħti bl-id l-oħra, mentri ultimament dan se jirriżulta f’iktar qligħ għall-Gvern u ultimament iktar telf għaċ-ċittadin. Hija tattika ta’ distrazzjoni li għal dawn l-aħħar snin tat lok biex il-Gvern iktar jispeċjalizza fiha.
L-istonku ta’ Gvern inkoxjenti jitwaħħad ma’ aċċettazzjoni assoluta ta’ poplu li iktar kemm jgħaddi ż-żmien iktar qed ikun impotenti fir-rigward tal-inganni fiskali ta’ dawk li qegħdin imexxuh. L-ekonomija, min-naħa l-oħra, qiegħda ssir dejjem waħda nsapportabbli għaċ-ċittadin Malti mentri f’kuntest internazzjonali qed timxi eżattament bil-kontra ta’ dak li qed jiġri f’pajjiżi oħrajn.
Inċentivi ambjentali
Xi ħaġa pożittiva li żgur li ħarġet f’dan il-baġit huma l-inċentivi ambjentali. Dwar dan ħadd ma jista’ jargumenta. Dan, minkejja l-fatt, li jidħer ukoll ċar li l-ambjent qed isir, iktar ma jgħaddi ż-żmien, sors ta’ dħul għall-Gvern. Iżda mistoqsija waħda tiġi naturali. Għaliex issa? Għaliex mhux qabel?
Il-Gvern Malti jista’ faċilment jinstab ħati ta’ delitti ta’ omissjoni iktar milli ta’ kommissjoni. Kieku wieħed kellu jipponta subgħajh lejn il-Gvern għajjien Nazzjonalista kien ikun ħafna aktar faċli jikkritikah fuq dak li m’għamilx minflok fuq dak li għamel.
Bħal wieħed li bil-qiegħda fuq ix-xatt jassisti għall-għarqa ta’ ħaddieħor bla ma jagħmel xejn, daqshekk ieħor il-Gvern Malti assista, f’sens ambjentali għal distruzzjoni sħiħa ambjentali sena wara l-oħra bla ma għamel xejn. Ambjentalisti bħali ma jistgħux ma jinfaqgħux jidħku bl-opportuniżmu fiskali bi skuża ambjentali li qed jispikka iktar ma jgħaddi ż-żmien. Min-naħa l-oħra ma jistax ma jiġix innotat li wara l-ħarsien ambjentali mqanqal mill-Gvern hemm l-id tal-Unjoni li qed timponi minn wara u li lill-Gvern Nazzjonalista bilfors kellhom ikunu multi mill-Unjoni li jċaqalquh dwar l-ambjent.
Baġit tal-minoranzi
Huma ftit dawk l-inċentivi ta’ gwadann għaċ-ċittadin li se jolqtu lil kulħadd ‘across the board’. Minn ta’ dan it-tip wieħed isemmi t-twessiegħ fil-faxex tat-taxxa diretta kif ukoll it-tqassim tal-bozoz. Ħafna mill-miżuri li minnhom se jmur minn fuq iċ-ċittadin huma applikabbli biss għall-minoranzi. Minoranza ta’ ommijiet li għandhom it-tfal ta’ ċerta età u li jerġgħu lura għad-dinja tax-xogħol, dawk fuq il-pensjoni tas-servizzi, familji milqutin mill-għoli fit-tariffi tal-ilma, nies li jsuqu mutur u dawk li jużaw ir-rota kif ukoll dawk li jipprovdu l-enerġija tad-dar tagħhom permezz tas-sistema solari. Min-naħa l-oħra miżuri kontra ċ-ċittadin huma pjuttost diretti lejn il-maġġoranza.
Dawk li jużaw bozoz normali, dawk li għandhom karozza, dawk kollha li jħallsu tariffi normali tad-dawl u tal-ilma, dawk li għandhom karozzi ta’ ċertu żmien u dawk li jużaw basktijiet tal-plastik. Mentri, kif diġà għedt hawn fuq ċertu miżuri ambjentali bħal din tal-aħħar messhom ilhom li ddaħħlu wieħed ma jistax ma jirrikonoxxix il-fatt li mentri l-Ministru tal-Finanzi għadda ħin twil jgħid il-lista ta’ minoranzi li jistgħu jibbenifikaw, fil-każ tal-maġġoranzi milqutin kelma waħda kienet biżżejjed. L-istess jista’ jingħad għat-taxxa ‘across the board’ li ddaħħlet għal kull turist fuq kull lejl li jgħaddi f’Malta.
X’jintqal
Għal sena oħra, mingħajr ebda sorpriża, il-baġit kien pjuttosst ‘non-budget’ jew dak li bl-Ingliż isejħulu ‘non-event’. Fi kliem ieħor ħafna affarijiet importanti li setgħu fformaw parti mill-baġit tħallew barra. Huma ftit dawk l-elementi li huma verament tal-baġit. Ħafna kliem iżda ftit sustanzi. Iktar saru jiddaħħlu miżuri barra l-baġit milli waqt il-baġit.
Il-ħasra hija li l-isħab soċjali nfushom jidhru li donnhon qegħdin jaddottaw irwieħhom għal din in-nuqqas ta’ inċertezza li tinħolqilhom minħabba n-nuqqas ta’ importanza li minn sena għall-oħra qed jingħata l-baġit. Dan fil-fatt qed ikompli jagħti r-riħ fil-qala lill-Gvern u jagħmlu wieħed aktar arroganti. Huwa minħabba din il-mentalità tal-‘laissez-faire’ li ftit żmien ilu l-Ministru Austin Gatt dehrlu li għandu l-jedd li mhux talli jdaħħal taxxi barra l-baġit iżda talli japplikahom retroattivament. Attakk ikbar lejn l-istabbiltà ekonomika u l-intrapriża qajla jista’ jiġi kontemplat.
L-ikbar midneb
Għoġobni ħafna l-mod kif ippronunċjat ruħha l-GRTU li seħqet għal ħafna drabi li l-Gvern stess huwa l-ikbar ħali fl-ekonomija kif ukoll l-ikbar midneb ambjentali.
Il-GRTU qiegħda tkun il-vuċi tal-verità fejn qiegħda tiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-Gvern ikun għamel ħaġa bil-wisq iktar għaqlija jekk jiffoka fuq it-trażżin tal-ħela, speċjalment fil-każ tal-produzzjoni tad-dawl u tal-ilma, iktar milli kif se jiġbor il-flus biex jagħmel tajjeb għaliha.
Il-Baġit 2009 huwa sintomu ieħor ta’ Gvern li ġie elett mhux fuq it-twettiq politiku tiegħu iżda fuq kriterji oħrajn – fosthom il-mentali, parrokkjali, jekk mhux tribali, nepotiżmu, favoritiżmu u ta’ pjaċiri. U l-poplu se jirgħa mill-Gvern li wassal għal mandat ieħor ta’ ħames snin.
Huwa għalhekk li llum il-ġurnata nħossni sogħbiena li jiena Maltija. Id-demokrazija applikata f’Malta saret taħbi sistema kumplessa nieqsa minn kull valur demokratiku li fuqu suppost hija bbażata. Il-Gvern Malti ġie elett minkejja l-iżbalji kollha politiċi, etiċi, ekonomiċi, finanzjarji u fiskali, amministrattivi, ambjentali u soċjali li wettaq.
U l-poplu, bħall-għarajjes il-boloh ta’ l-Iskritturi Mqaddsa, għadu jifraħ.
• Għal aktar artikli żur www. lornavassallo.com. Għal kummenti jew suġġerimenti ibgħat email fuq lornav@maltanet.net
|