www.l-orizzont.com  
Il-Ħamis 2 ta' Settembru 2010
  L-orizzont  
Opinjoni
Editorjal
Features
Artikli/Kontribuzzjoni
Ittri lill-Editur
Rati tal-Avviżi
Arkivji
Ikkuntattjana
  FITTEX  
 
 
  Sports  

It-tim Malti jibda l-kwalifikazzjoni
ta’ Euro 2012 illum f’Iżrael.....

Wara l-inċidenti tas-Sibt li għadda fil-Pixxina Nazzjonali:
San Ġiljan jitnaqqsulhom żewġ punti
– Sospensjonijiet u multi lil uffiċjali, plejers u klabbs.....

Schembri jiskorja.....

James Paris ma’ Sliema W. għal tliet snin.....

Il-UEFA tipprojbixxi l-użu tal-vuvuzela.....

 

 
 

 

Opinjoni
 

L-Unjoni: minn liema lenti?
minn Lorna Vassallo

Dan l-aħħar meta taqleb fuq l-aħbarijiet ta’ ċertu stazzjon fil-pajjiż taħsbek, flok Malta qiegħed l-Islanda. Apparti l-‘coverage’ eċċessiv fuq dan il-pajjiż li jidher li qiegħed jikkonsidra sħubija fl-UE wara li għadda minn riċessjoni, kif ukoll x’kollass qed jiġri f’ċerti pajjiżi fid-dinja (u mhux f’kollha), ma tisma’ xejn fuq ħaddiema li qegħdin jitilfu l-impjieg jew jiem ta’ mpjieg. Lanqas ma tisma’ dwar statistika nkwetanti wara l-oħra li toħroġ minn żmien għal żmien.

Iżda espressjoni li jidher li qiegħda tiġi repetuta l-ħin kollu hija dik li bejn wieħed u ieħor, jew fi kliem jew ieħor, trid tgħidilna “Imn’Alla dħalna fl-Ewropa”. Gvern Nazzjonalista qiegħed jagħżel li repetutament jgħix fil-passat u jerġa’ jirreklama d-destin ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea billi jassoċjah ma’ dak kollu pożittiv li jolqotna jew ma’ dak kollu negattiv li ma jolqotniex.

Apparti li dan jikkaratterizza kif il-politiċi tagħna qegħdin jimxi ’l quddiem billi jħarsu lura, politiku u li jibqa’ jiġġustifika pożizzjoni politika li ttieħdet f’kull sens, anke permezz ta’ referendum, mill-pajjiż m’għandhiex għalxiex tibqa’ tiġi reklamata. Bejjiegħ li jġiegħlek tixtri l-prodott tiegħu, wara li jkun biegħhulek jieqaf jagħmel reklami. Jekk jibqa’ jiġri warajk jgħidlek “Imn’Alla xtrajtu, qed tara! Jien għedtlek”! jagħtik x’tifhem li lanqas hu stess m’hu konvint minnu. Jekk xejn din mhix l-attitudni korretta.

Wieħed jargumenta bis-sħiħ, bla ebda dubju, li din mhix ħlief distrazzjoni mir-realtà – u hekk hi. Iżda wieħed jista’ jinnota ukoll li għalkemm f’ċerta oqsma l-Gvern Malti jista’ joqgħod taparsi jgħid “Imn’ Alla dħalna fl-Unjoni”… f’oqsma oħrajn żgur li dan ma jistax jgħidu.

U qasam minn dawn żgur li huwa dak tal-immigrazzjoni irregolari. Apparti l-fatt li nemmen bis-sħiħ, kif kont nemmen ukoll qabel is-sħubija sħiħa ta’ Malta fl-Unjoni, wara s-sħubija sħiħa Malta saret iktar attraenti għall-immigranti irregolari.

Ovvjament dan mhux se tisimgħu fuq l-istazzjon xejn partiġġjan tal-Partit Nazzjonalista. Iżda, iktar minn hekk, żgur li l-Partit Nazzjonalista ma jistax jgħid “Imn’Alla dħalna fl-Unjoni” bil-ftit karawett u kritika kostanti ġejja mill-Unjoni Ewropea.

Bħalma sostnejt fl-imgħoddi, bl-influss ta’ immigranti irregolari ġejjin mill-Afrika, li hu kontinent ferm ikbar mill-Ewropa, wieħed ikun qisu jipprova jimla’ l-kontenut ta’ flixkun sħiħ fil-parti tal-għonq tal-flixkun… xi ħaġa li hi mpossibbli. Iżda l-Unjoni, kulma qiegħed tagħmel biex issolvi l-problema huwa li titfa’ fuq spallejn l-iżgħar stat fi ħdanha, li hija proprju Malta. Mhux talli l-kontenut tal-flixkun sħiħ qed jitgħaffeġ fl-għonq talli l-iktar parti kostretta tiegħu.

Nispera li fil-futur inkun nista’ nikteb artiklu ieħor bl-isem “Imn’Alla dħalna fl-Unjoni” f’dan ir-rigward. U nwiegħed li hekk se nagħmel meta jkolli għalxiex. Dan, preferibbilment, wara li l-pajjiżi membri ta’ l-Unjoni, jibdew iserrħulna mill-madmad li s’issa għoġobhom jitfgħulna biss fuq spallejn. Dan l-artiklu niktbu wara li l-Ewropej jibdew jieħdu huma ukoll uħud mill-immigranti rregolari li nirċievu f’pajjiżna u jibdew jibgħatu aktar fondi biex il-Forzi Armati Maltin ikunu komdi fuq il-post tax-xogħol tagħhom.

U fuq kollox, meta d-difiża ta’ pajjiżna terġa’ tibda l-għanijiet li qiegħda verament hemmhekk għalihom u mhux spiċċajna b’armata li bilkemm għandha biżżejjed membri biex iwasslu l-immigranti rregolari x-xatt, aħseb u ara kemm għandha nies biex issolvi kriżi li jistgħu jinqalgħu minn żmien għal żmien fil-pajjiż.

Minbarra l-fatt li assolutament m’għandniex għalxiex nirreklamaw prodott mibjugħ, kont naqbel ferm iktar li wara sħubija sħiħa nbiddlu l-attitudni u nsiru aktar kritiċi. Dawk li verament riedu jsiru membri sħaħ tal-Unjoni, issa li sirna membri, wasal iż-żmien li nħossuna verament membri ugwali mal-Ġermanja, Franza, l-Italja, l-Ingilterra u kulħadd ieħor u nitkellmu b’vuċi ta’ awtorità mhux nuruhom li sirna qisna l-kelb tal-but tal-Unjoni.

Mentri l-Irlanda rnexxielha tiġġamja l-proċess legali tal-Unjoni f’mumenti mill-aktar kruċjali u bidlet l-istorja tal-Unjoni waħedha, il-politiċi Maltin jidher li għadhom s’issa jħossuhom wisq grati lejn il-parrini tagħhom. Jidher bis-sħiħ ukoll li aktar għandhom gratitudni lejn min fetħilhom il-bieb għal Unjoni, milli lejn il-votanti li bis-saħħa tagħhom kisbu posthom fil-Parlament.

lornav@onvol.net

Ikkummenta dwar dan l-Artiklu Fuq

Artikli oħrajn fis-sezzjoni Opinjoni
·  Għaliex int?
·  L-immigranti u l-GWU
·  Il-klieb ta’ Napuljun
·  Il-ġid jinħoloq bix-xogħol u l-impjiegi
·  Il-qerq tas-sħubija fl-Unjoni Ewropea
·  L-UE għandha tikkriminalizza l-immigrazzjoni illegali


IT-TEMP - 2/9/2010
Rapport tat-Temp:  Il-bicca l-kbira msahhab bix-xita u bir-raghad
Temperatura: 
L-ogħla: 31°C
L-inqas: 21°C

Riħ:  Xlokk 10-20 kph
Għall-aġġornament tat-temp agħfas hawn.