www.l-orizzont.com  
Il-Ħamis 2 ta' Settembru 2010
  L-orizzont  
Opinjoni
Editorjal
Features
Artikli/Kontribuzzjoni
Ittri lill-Editur
Rati tal-Avviżi
Arkivji
Ikkuntattjana
  FITTEX  
 
 
  Sports  

It-tim Malti jibda l-kwalifikazzjoni
ta’ Euro 2012 illum f’Iżrael.....

Wara l-inċidenti tas-Sibt li għadda fil-Pixxina Nazzjonali:
San Ġiljan jitnaqqsulhom żewġ punti
– Sospensjonijiet u multi lil uffiċjali, plejers u klabbs.....

Schembri jiskorja.....

James Paris ma’ Sliema W. għal tliet snin.....

Il-UEFA tipprojbixxi l-użu tal-vuvuzela.....

 

 
 

 

Opinjoni
 

1+1=2?
minn Lorna Vassallo

DWAR ix-xjenzat Albert Einstein jgħidu li fis-snin bikrin ta’ ħajtu ma kienx jaf jagħmel 1+1 u xi kultant ma kienx jgħaddi lanqas mill-eżamijiet. Jidher li f’età daqshekk tenera dan il-ġenju, li huwa meqjus minn bosta bħala fost l-aktar li qatt użaw persentaġġ għoli minn moħħhom, kien diġà qed jara dak li ħaddieħor ma rax qablu. Ta’ tifel żgħir li kien, Einstein ma setax jifhem kif, per eżempju, siġġu u mejda jagħmlu tnejn daqslikieku kienu żewġ siġġijiet.

U huwa tassew ħsieb għaref dak li tevalwa tajjeb in-numri u minn fejn ġejjin. Għaxar (10) ċenteżmi għalkemm huma ferm aktar fin-numru minn €2, huma inqas fil-valur. Il-valur ta’ l-oġġett hu ferm aktar importanti mill-kwantità. Daqshekk ieħor, kif ngħidu kemm-il darba, il-kwalità mhux il-kwantità. Hija din l-impressjoni li nieħu meta nisma’ li f’Malta qegħdin jiżdiedu l-impjiegi.

Huwa fatt li l-ekonomija trid tgħaddi minn ċertu tibdiliet minn żmien għal żmien. Iżda huwa ukoll fatt li jekk irridu nkejlu l-avvanz, irridu nkejluh fil-kuntest sħiħ.

Żewġ impjiegi partajm ma jagħmlux daqs wieħed fultajm bħala valur għal serħan il-moħħ ta’ min jaħdem. Impjiegi li għadhom jidhru fuq ir-reġistru u li jinsabu mdendlin ma jistgħux jingħaddu bħala mpjiegi li jġibu stabbiltà ekonomika fil-pajjiż.

Huwa fatt li l-karti tal-Korporazzjoni tal-Impjiegi u Taħriġ (ETC) saru xi ħaġa komuni. Min jiffirma ’l hemm u min jiffirma ’l hawn. U l-istatistika tiżdied u tonqos bil-ġurnata. Iżda x’qiegħda tkun il-kwalità vera tal-impjiegi li jingħataw? Huma verament impjiegi li wieħed jista’ jrabbi familja fuqhom? Jew inkella huma sempliċiment impjiegi partajm li jraqqgħu l-pannu bil-qargħa aħmar?

Kemm-il darba ltqajt ma’ nies maturi fl-età u jgħiduli li saħansitra huma stess iħossuhom skomdi jaħdmu ma’ nies żgħażagħ li jagħmlu l-istess xogħol tagħhom u jitħallsu n-nofs tagħhom. Is-sitwazzjoni tal-istatistika fl-impjiegi tfakkarni ħafna fil-ftaħir tal-Ministru Austin Gatt meta tkellem dwar kemm qegħdin isiru applikazzjonijiet għal negozji u ħwienet ġodda. Iżda jekk forsi rnexxielu jidħak bil-poplu Malti, forsi ma kienx jirnexxielu jidħak b’Einstein, lanqas meta kellu ħames snin.

Applikazzjonijiet għal ħwienet m’humiex ħwienet imqabbdin bl-avvjament. Ħanut vojt mhux ħanut bil-klijentela. Aħseb u ara kemm hu permess mingħajr ma jinfetaħ il-ħanut. Hemm sidien ta’ ħwienet, proprjetajiet kummerċjali li jbiddlu l-permess minn klassi kummerċjali għal oħra. Allura dawn inqisuhom daqs li kieku kienu żewġt iħwienet differenti mqabbdin u li qegħdin jirrendu l-qligħ? Dan l-aktar jekk għandhom lanqas ma nbidlu strutturalment f’ħanut?

Wisq nissuspetta li fil-każ ta’ l-impjiegi qed jiġri eżattament l-istess storja. Qed jingħaddu l-ammonti ta’ mpjiegi u mhux il-paga li qiegħda tingħata lil min jitħaddem u lanqas il-kundizzjonijiet li qed jitħaddem bihom. U l-inqas tort huwa ta’ min iħaddem.

Fil-ġimgħat li għaddew rajna sinjali ċari ta’ kif intraprendituri qegħdin jinnegozjaw pakketti biex iġibu turisti lejn pajjiżna u qed ikun proprju l-Gvern li jħarbtilhom l-isforzi tagħhom kollha. Kif qalu s-sidien tal-lukandi stess biex jagħmel tajjeb għal dan in-nuqqas se jkollu jbati – mhux il-Ministru – iżda l-ħaddiem.

Il-valur tax-xogħol f’termini ta’ kemm qligħ qed isir fis-siegħa qed jonqos anke fil-kamp ta’ dawk li jaħdmu għal rashom. Persuna li tkellimt magħha din il-ġimgħa qaltli li ilha s-snin tagħti l-privat lill-istudenti f’aktar minn suġġett wieħed. Qatt daqs din is-sena ma batiet biex tgħaqqad gruppi ta’ studenti. Snin oħra kellha gruppi ta’ tlieta, erbgħa, ħamsa. Minn xi tliet snin ilu ’l hawn raħħset ir-rati tal-privat ħalli jsiru aktar attraenti. U rnexxielha żżomm l-istess ammont ta’ studenti.

Din is-sena ċemplu ħafna ommijiet u missirijiet interessati, iżda l-gruppi qajla ffurmaw. Dan għax milli jidher il-Maltin qegħdin jiffrankaw ukoll fejn tidħol l-edukazzjoni ta’ uliedhom. Is-sagħtejn li kienet tagħmel tagħti l-privat sitt snin ilu ġieli ħallew qliegħ ta’ aktar minn ¥10 kull siegħa. Illum l-istess ħin ifisser biss qliegħ ta’ ¥4 fis-siegħa. Allura sagħtejn sitt snin ilu għal din il-persuna u sagħtejn illum nistgħu ngħidu li huma l-istess?

U minkejja kollox wieħed ma jrid qatt jinsa d-dejn fenomenali li kull ċittadin qed iġorr bħala ċittadin ta’ dan il-pajjiż. Ir-rati l-ġodda tad-dawl u l-ilma se jkomplu jnaqqsu bis-sħiħ il-valur reali tal-pagi tal-Maltin.

L-obbligi fiskali u d-djun li tgħabbew bihom mal-banek ikompli jerġa’ jnaqqas il-valur tal-paga fultajm. In-numri jistgħu jimpressjonaw lil xi uħud, iżda mhux lil kulħadd. Wara kollox għalkemm mhux kulħadd Einstein, issa tant qed jonqsu l-flus fil-but li ħafna nies qed jintebħu li t-tnejn tal-bieraħ mhux it-tnejn tal-lum.

Kondoljanzi: Ningħaqad jien ukoll mal-kor ta’ persuni li sellmu għall-aħħar darba lit-Tabib Karl Chircop li ħalla din id-dinja f’età daqshekk tenera. Żgur li l-kontribut li ta mhu se jintnesa qatt u li l-memorja tiegħu se tibqa’ għal żmien twil f’qalbna. Nawgura kuraġġ lill-familja tat-tabib biex ikollha s-sabar iġġarrab bl-aħjar mod it-telfa tal-għażiż tagħha.

www.lornavassallo.com

Ikkummenta dwar dan l-Artiklu Fuq

Artikli oħrajn fis-sezzjoni Opinjoni
·  Għaliex int?
·  L-immigranti u l-GWU
·  Il-klieb ta’ Napuljun
·  Il-ġid jinħoloq bix-xogħol u l-impjiegi
·  Il-qerq tas-sħubija fl-Unjoni Ewropea
·  L-UE għandha tikkriminalizza l-immigrazzjoni illegali


IT-TEMP - 2/9/2010
Rapport tat-Temp:  Il-bicca l-kbira msahhab bix-xita u bir-raghad
Temperatura: 
L-ogħla: 31°C
L-inqas: 21°C

Riħ:  Xlokk 10-20 kph
Għall-aġġornament tat-temp agħfas hawn.