|
M’Ilnix kont ktibt fit-tul li diversi persuni li kkuntattjaw il-Partit Laburista qabel u wara l-elezzjoni 2008, ġew iffaċċjati sempliċement bi proposta li jibgħatu e-mail lill-Partit Laburista flok ma jkellmu lil min xtaqu jkellmu personalment.
Huwa fatt li meta wieħed ifittex personalment lit-tmexxija Laburista, m’għandu l-ebda garanzija li se jsib lil dawn il-persuni f’posthom. Iżda daqshekk ieħor huwa fatt illi min għamel dan, għamel dan jew għax ma jistax jikteb lit-tmexxija, għal raġuni jew oħra, jew għax ma jixtieqx jikteb lit-tmexxija, għal raġuni jew oħra.
Kont ikkummentajt ukoll li l-Partit għandu jkun attrezzat b’iktar nies li jistgħu jiktbu l-ittri għal persuni li jfittxu l-għajnuna tal-Partit b’dan il-mod.
Nitkellem fid-dawl ta’ dak li ġie żvelat dawn l-aħħar ġimgħat. Jidher li l-emails kollha mibgħutin lil persuni li l-email tagħhom jispiċċa ‘@gov.mt’ setgħu ġew spijati bħala parti mill-iskandlu tal-MITTS. Fost dawn ovvjament hemm tal-Kap ta’ l-Oppożizzjoni u d-Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Parlament, flimkien mal-Membri Parlamentari kollha l-oħrjna.
Jidher ċar li l-‘e-mails’ fil-kuntest politiku ta’ qabel l-elezzjoni jistgħu verament ikunu mezz effiċjenti ta’ kif jiġu identifikati l-intenzjonijiet veri u proprji ta’ kif se jivvotaw persuni partikulari. Minn dan il-lat allura, persuna li għandha aċċess abbużiv għal informazzjoni li ntbagħtet intimament lil membru parlamentari, apparti li toħnoq il-privatezza kollha tal-persuna li llum tant niftaħru biha, tista’ tuża l-informazzjoni kollha għal vantaġġ partiġġjan.
Ħadd m’għandu għalxiex jitkellem fit-tul dwar dan kollu. Kulħadd għandu moħħ biex jaħseb. Wara kollox, l-iżvelar tad-disponibbilità ta’ kontenut daqshekk intimu f’idejn persuni partikolari jista’ jkun ħolqa oħra mis-sensiela ta’ strateġiji klandestini li twassal għal rebħa jew le elettorali mhix mistħoqqa. Iżda la m’hemmx provi biżżejjed, għalxejn nitkellmu. U kull ma qed ngħid jien jista’ wkoll jitqies bħala nfondat għalkemm żgur li mhux impossibbli.
Għalhekk, it-teknoloġija moderna, hija xafra taqta’ miż-żewġ naħat. Żvelar ta’ 'password' jista’ jiżvela r-rabja, il-gratitudni u l-intenzjonijiet tal-vot f’kuntest saħansitra ta’ elezzjonijiet ġenerali u jiffaċilita l-istrateġija elettorali ta’ xi wħud, mentri jagħmel ta’ ħaddieħor iktar diffiċli. Forsi xi darba, xi tliet snin oħra, issa nisimgħu bir-riżultat ta’ l-inkjesta … dan meta jkun tard wisq.
Iżda r-riskji tat-teknologija moderna mhumiex dawn biss.
Każ interessanti li ltqajt miegħu din il-ġimgħa kien ukoll jitratta ‘e-mail’ li ntbagħtet lil Membru Parlamentari tal-Partit Laburista. Il-persuna li bagħtet l-‘email’ irċeviet ir-rispons tagħha ħafna qabel ma ppretendiet. Dan għax irċeviet lura messaġġ fl-‘Inbox’ tagħha li jgħid ’Deleted Unread’. Il-persuna ħassitha offiża ħafna b’dan. Li ma rrealizzatx il-persuna li rċeviet l-‘email’ huwa l-fatt li ħafna persuni llum ikunu nteressati x’ġara mill-‘email’ tagħhom, anke f’każ li ma jirċevux tweġiba. Allura messaġġ iġġenerat awtomatikament jista’ juri jekk Membru Parlamentari, indenjax ruħu għallinqas jiftaħ l-‘email’ mibgħut jew għall-inqas qrahx.
F’dan il-każ partikolari nistgħu ngħidu wkoll li l-persuna li bagħtet kellha isem kemmxejn partikulari u jintagħraf mal-ewwel. Ovvjament f’dan il-każ il-persuna tkun taf aktar u aktar li l-Membru Parlamentari ma riedx jaqra l-korrispondenza mibgħuta minnu. Iżda wara seta’ kien isem komuni għax l-email kellha tinqara fi kwalunkwe każ.
Hu x’inhu l-messaġġ iġġenerat awtomatikament kien biżżejjed biex jirrabja persuna li sa minn tfulitha appoġġjat lill-Partit. Ma tagħtix tort lill-persuna għall-fatt li tħossha offiża verament għal dan it-trattament li ngħata l-e-mail tagħha.
Iżda żbalji strateġiċi bħal dawn m’għandhomx jerġgħu jiġru għax iservu biex, permezz ta’ l-‘email’, ibegħdu n-nies mill-Partit. Mhux lakemm tgħid ‘ibgħatli e-mail, please’.
Fuq nota pożittiva nista’ ngħidu wkoll, pero’, li persuna mdaħħla f’unjin ta’ settur partikulari f’Malta, unjin żgħira, settorjali u li ma għandha l-ebda rbit politiku, esprimiet apertament l-apprezzament tagħha miegħi dwar il-fatt li persuna fil-Parlament min-naħa Laburista rrispondiet l-‘e-mail’ fit-tlieta ta’ filgħodu. Bħal ma ġara fl-ewwel każ, f’dan il-każ ukoll, il-ħin u d-data ġġenerati awtomatikament servew biex juru l-impenn u l-effiċjenza ta’ Membru Parlamentari.
Però tajjeb li wieħed ma jinsix, meta juża din it-tip ta’ kommunikazzjoni, li ma tantx hemm fejn wieħed jinħeba, jiskappa u jiskuża ruħu billi d-dettalji huma kollha ġġenerati awtomatikament u rrekordjati.
Bħal kull ħaġa oħra fid-dinja, jistgħu jagħmlu lil dak li jużahom jidher isbaħ jew ikreh … iżda jistgħu jagħmluh jidher ikreh biss jekk jagħmel l-ikrah, u isbaħ biss jekk jagħmel is-sabiħ.
www.lornav@maltanet.net
|