|
Int u nieżel lejn l-Għadira, fuq ix-xellug, bini blù bir-roża jiġbidlek l-attenzjoni.
Ħafna turisti jistaqsu x’inhu. M’hu xejn ħlief is-sett tal-film li nġibed fil-bidu tas-snin tmenin bl-attur popolari Robin Williams.
Ħafna turisti dan is-sit joħolqilhom interess kbir – speċjalment dawk iżgħar fl-età li għalihom l-istorja tal-Kavallieri forsi mhix daqshekk attraenti.
Iżda għalkemm is-sett tal-film Popeye serva għal tant snin u baqa’ jikseb popolarità, baqa’ uniku fil-gżejjer Maltin, jekk mhux għall-vapur ta’ l-istess Popeye li llum huwa restorant u li jinsab sorġut fil-Port ta’ Marsamxett u li ħoloq ukoll attrazzjoni dejjiema.
Dan minkejja l-fatt li f’Malta nistgħu niftaħru b’lista ferm twila ta’ films rinomati li nġibdu f’pajjiżna. Fost il-films l-iktar popolari hemm ‘Gladiator’ b’Russell Crowe (li kiseb Oscar), Count of Monte Cristo b’Gerard Depardieue (maħbub tant mill-Franċiżi), Troy (bi Brad Pitt), ‘U571’ b’Jon Bon Jovi, ‘Swept Away’ b’Madonna, ‘Munich’ fejn id-direttur kien bi Stephen Spielberg, ‘League of Extraordinary Gentlemen’ Sean Connery u ‘The Spy who loved me’: parti mis-serje James Bond u oħrajn aktar antiki bħal ‘Midnight Express’, u ‘The Malta Story’.
Għalkemm għal xi żmien kien hemm ir-‘Rinella Movie Park’ dan ma rnexxiex. Però nemmen li waħda mill-problemi kienet li f’daqqa waħda pprova jinbena mhux biss mużew iżda post ta’ mpjieg ta’ ħafna persuni li nvolva xogħol kbir.
Li ġara wkoll kien li jew nejja jew maħruqa. L-ewwel xejn, imbagħad ħafna, imbagħad nerġgħu xejn. Jew 34 impjegat (li ħalla warajh ir-‘Rinella Movie Park’ meta għalaq) jew xejn. Bħalma jiġri f’tant inizjattivi turistiċi privati, għax ma tibdiex titħaddem xi ħaġa li ftit li xejn tiswa flus, u li tibda żżid il-ħaddiema skont il-konkorrenza minflok proġett kbir insostenibbli?
Jekk wieħed jiġbor ritratti li għandhom l-istudjos jew il-gazzetti Maltin diġà għandna mużew bi ftit flus. Wieħed jista’ jibni mużew li għall-bidu jibda b’sempliċiment wirjiet u iktar kemm jgħaddi ż-żmien iktar jinkludi apparat teknoloġiku u nies li jaħdmu part tajm fuq il-post. eżempju ‘make-up artists’.
X’jista’ jinkludi Mużew tal-films fil-Kalkara? Nibda biex ngħid li l-pixxini tal-ilma li huma t-tieni l-akbar fid-dinja wara l-Messiku, fihom infushom huma diġà attrazzjoni. Iżda mużew jista’ jinkludi għadd ta’ wirjiet relatati ma’:
• kif jimtlew u jitbattlu t-tankijiet tal-ilma.
• Partijiet minn settijiet ta’ films.
• Ritratti ta’ partijiet minn films fejn tidher Malta.
• Ritratti ta’ partijiet minn films li nġibdu f’Malta.
• Ritratti li juru l-addattazzjoni ta’ l-ambjent Malti f’xeni oħrajn: eżempju Mdina ssir Belt Għarbija, Il-Belt issir Munich.
• Ritratti ta’ atturi, diretturi popolari waqt iż-żmien tagħhom f’Malta.
• Memorabilia bl-awtografija ta’ l-atturi.
• Wiri ta’ partijiet mill-films li nġibdu f’dik (li tirrikjedi ċertu teknoloġija) Malta.
• Statistika fuq unuri mirbuħin minn films li nġibdu Malta.
• Wirja dwar il-bijografija ta’ artisti internazzjonali li ħadmu f’Malta.
• Dokumentarji li juru intervisti li saru mill-Maltin ma’ atturi popolari.
• Ritratti ta’ atturi Maltin li ħadmu f’films kbar li nġibdu f’pajjiżna.
• Props li ntużaw għal films.
• Apparat li jintuża fil-ġbid ta’ films eżempju: Kameras (antiki u ġodda)
• Jistgħu jittieħdu filmati ta’ turisti fejn jinterpretaw karattri u jiġu ffilmjati.
• Wiri ta’ kmamar fejn jiġu editjati l-films.
• Wiri ta’ effetti differenti eżempju dawl, riħ, silġ maħluqa fuq is-sett.
• Wiri ta’ effetti differenti maħluqin bil-kompjuter.
• Effetti ta’ ħsejjes differenti wżati u kif jinħadem il-ħoss.
• Editjar ‘Analogue’ u ‘digital’ u l-istorja tal-Films inġenerali.
• L-istorja tal-‘Mediterranean Film Studios’ innifisha.
• Ċans li t-turisti stess jeditjaw xi partijiet minn film.
• Wiri ta’ ‘make-up’ għal films u trasformazzjoni tal-attur.
• Opportunità li t-turisti wkoll jistgħu jiġu trasformati mill-‘make-up artist’.
• Props li ntużaw għal ‘stunts’.
• Filmati li juru ‘stunts’.
• Ritratti ta’ atturi popolari waqt ‘stunts’.
• Atturi jipprattikaw ‘stunts live’ waqt taħriġ fil-‘film studios’.
• Wirjiet ta’ sports marbutin ma’ films differenti eżempju: logħob bix-xwabel, rkib taż-żwiemel.
• Wirjiet b’annimali li jieħdu sehem fil-films eżempju: falkuni u sriep jew dokumentarji fuq annimali li ħadu sehem f’films eżempju: it-tigri ta’ ‘Gladiator’
• Gruppi ta’ atturi speċjali jitħallew jużaw il-faċilitajiet biex jagħmlu t-taħriġ tagħhom hemmhekk u jkunu jistgħu jarawhom it-turisti eżempju: ‘Historical Re-enactment Group Malta’ jagħmel ‘drills’ militari ta’ żmien Napuljun u Nelson, jew tal-‘Military Tattoo’
• Ovvjament, abbinat mar-reċtar għandek ukoll il-palk, fejn gruppi teatrali jistgħu jitħallew jużaw faċilitajiet fil-‘Mediterranean Film Studios’ b’xejn u jħallu turisti jżuruhom.
• Tista’ ssiru wkoll parti mill-wirja fuq id-differenza bejn reċtar għall-palk u f’films
• Il-Gwardarobba – wirja ta’ kostumi li ntlibsu minn atturi popolari u kummentarju dwar il-kostumi differenti u l-epoki differenti li jirrappreżentaw.
• Rokna ddedikata lil pubblicità (fejn il-kumpaniji stess jistgħu jiġu mitlubin ‘sponsors’ biex jiġu murijin l-pubbliċità tagħhom fl-istudios).
• Rokna ddedikata lil films lokali, dokumentarji.
• Ħanut li jbiegħ ‘souvenirs’ konnessi ma’ din l-attività, vidjow, CD tal-films miġbudin u kotba relatati.
• Eventwalment tista’ ssir ukoll ċinema li turi films li nħadmu parzjalment jew totalment f’Malta u li jammontaw għal xejn inqas minn 150.
Ħarsa lejn is-sit elettroniku tal-‘Mediterranean Film Studios’ turi waħedha li għalkemm din l-industrija saret wara li tista’ tiġġenera ħafna attività u flus għan-nies tan-Nofsinhar ta’ Malta, xorta mhix qiegħed tagħmel il-ħila tagħha biex timmassimizza l-potenzjal tagħha.
Biss biss, is-sit elettroniku waħdu lanqas fih dan il-materjal li semmejt hawn fuq u lanqas biss huwa interattiv.
Kulma jagħti huma listi ta’ films u faċilitajiet mingħajr ebda dettalji. Bħala studjows li joperaw fil-qasam viżiv innifsu wieħed jistenna ħafna u ħafna aktar.
Tant nemmen fil-potenzjalità ta’ l-istudjows li fil-fatt nemmen li jekk jittieħdu tnejn biss minn din il-lista ma’ taqta’ qatt li għadni kif semmejt, ukoll tista’ tinħoloq attrazzjoni turistika, aħseb u ara jekk jiġu żviluppati iktar minn hekk.
Flimkien ma’ attrazzjonijiet oħrajn fil-Kalkara, fosthom il-Forti u l-kanun Armstrong, l-istudjows tal-films jistgħu faċilment jifformaw it-tieni nofs ta’ ġurnata sħiħa għat-turisti fil-Kottonera li tista’ timbotta ‘l quddiem it-turiżmu tant mixtieq fin-nofsinhar ta’ Malta.
|