www.l-orizzont.com  
Il-Ħamis 2 ta' Settembru 2010
  L-orizzont  
Opinjoni
Editorjal
Features
Artikli/Kontribuzzjoni
Ittri lill-Editur
Rati tal-Avviżi
Arkivji
Ikkuntattjana
  FITTEX  
 
 
  Sports  

It-tim Malti jibda l-kwalifikazzjoni
ta’ Euro 2012 illum f’Iżrael.....

Wara l-inċidenti tas-Sibt li għadda fil-Pixxina Nazzjonali:
San Ġiljan jitnaqqsulhom żewġ punti
– Sospensjonijiet u multi lil uffiċjali, plejers u klabbs.....

Schembri jiskorja.....

James Paris ma’ Sliema W. għal tliet snin.....

Il-UEFA tipprojbixxi l-użu tal-vuvuzela.....

 

 
 

 

Aħbarijiet
 

Akkuża lill-politiċi Maltin li huma razzisti
minn John Pisani

Ahmet Bugre ta’ 42 sena mill-Ghana, impjegat fultajm ma’ Suret il-Bniedem biex imexxi ċ-Ċentru Miftuħ tal-Marsa, f’intervista li ta lil Neus Deutschland ikkritika lill-Awtoritajiet Maltin, fosthom lill-Gvern, l-Armata, il-Pulizija u anke xi ftit lill-Knisja. Din l-intervista qajmet rabja kbira tant li l-Gvern Malti irrisponda għall-allegazzjonijiet li għamel Bugre. Fost il-kritika iebsa li għamel Bugre, akkuża lill-politiċi Maltin li huma razzisti.

L-intervista ġiet ippubblikata nhar it-Tlieta, 16 ta’ Settembru taħt it-titlu “Indħil mill-Militar u l-Pulizija hija okkorenza ta’ kuljum – Il-kundizzjonijiet taċ-Ċentri tad-Detenzjoni tar-Refuġjati f’Malta huma tal-biża’”.

Bugre, li ġie Malta 18-il sena ilu biex jistudja l-liġi u li mistenni jiggradwa din is-sena, qal li jaħdem bħala “saċerdot” u konsulent għar-refuġjati f’isem il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin. Ahmet Bugre huwa miżżewweġ Maltija u għandhom tlett itfal.

Mistoqsi minn Neus Deutschland dwar is-sitwazzjoni tar-refuġjati f’Malta anke fid-dawl tat-traġedji li seħħew dan l-aħħar, Bugre qal li “issa saret xi ħaġa ta’ kuljum f’Malta, fejn sa għaxar kadavri jittelgħu mill-baħar jew fil-bajjiet ta’ Malta kuljum.”

Huwa ġie mistoqsi kif inhi l-ħajja fiċ-ċentri tar-refuġjati f’Malta. Bugre qal li dawn proprjament huma ċentri ta’ detenzjoni fejn f’kamra waħda jitpoġġew aktar minn 30 persuna. Huwa qal li ma hemm ebda eċċezzjoni fejn irġiel, nisa u tfal jitpoġġew flimkien f’kamra waħda.

“Kultant dawn ikunu minn 18-il pajjiż differenti,” saħaq Ahmet Bugre.

Huwa kompla jgħid li l-vjolenza mhix eċċezzjoni. L-abbuż tal-alkoħol u l-konsum tad-droga qegħdin jiżdiedu minħabba l-istennija fit-tul u li jitħallew f’inċertezza, mingħajr postijiet ta’ divertiment, bla taħriġ edukattiv u bla permessi tax-xogħol. Dawn iwasslu għal attentati ta’ suwiċidju.

“Meta jkunu trasferiti f’ċentru miftuħ, taħt il-kampijiet, fejn il-kundizzjonijiet fejn joqogħdu, saħħa, iġjene u privatezza huma miżerabbli. Dawn il-postijiet huma disinnjati biex jakkomodaw mijiet imma fil-fatt bħalissa hemm eluf,” qal Bugre.

Dwar id-drittijiet umani tal-klandestini f’Malta, Bugre qal li f’Malta qatt ma kien hawn politika uffiċjali dwar l-immigrazzjoni u għaldaqstant ma jsir ebda sforz għall-integrazzjoni.

“Il-Gvern u l-Oppożizzjoni jaqblu fil-wisa’ li jagħmlu l-ħajja tar-refuġjati f’Malta mill-aktar mhux attraenti kemm jista’ jkun,” qal il-Ghaniż lill-Ġermaniżi.

Mistoqsi dwar ir-rwol tal-pulizija u s-suldati, Ahmet Bugre qal li dawn jipprovaw juru l-aktar lat b’saħħtu tagħhom fil-konfront tal-klandestini. “L-għan tagħhom huwa li jżommu lir-refuġjati ’l bogħod kemm jista’ jkun mill-gżira. L-indħil u l-attakki fiċ-ċentri ta’ detenzjoni, kif ukoll f’postijiet pubbliċi huma xi ħaġa ta’ kuljum. Riċentament raġel Sudaniż kien brutalment imsawwat f’bar. Dan mhux każ iżolat. Sal-lum, ma nafx li xi ħadd ġie kkastigat dwar dan,” qal Bugre.

Neus Deutschland staqsa lil Ahmet Bugre jekk f’Malta hawn razziżmu. “Iva u l-politiċi Maltin huma fuq ta’ quddiem.” Ahmet kompla jgħid li mhux ta’ b’xejn li l-kampijiet (ċentri) jinsabu barra mill-irħula. Huwa qal li r-refuġjati f’Malta huma totalment iżolati. Ma jridux lill-Afrikani jiġu f’kuntatt mal-Maltin. Barra minn hekk hawn preġudizzju dwar epidemiji u mard biex jingħata raġun għall-iżolament.

Ahmet Bugre kkritika wkoll lill-midja Maltija, fejn qal li jinkitbu biss rapporti dwar l-Afrikani minkejja li f’Malta qegħdin jiġu nies mill-pajjiżi tal-Ewropa tal-Lvant, fosthom mill-Ukrajna.

“Irridu nkunu onesti biżżejjed u nammettu li n-negozjanti lokali qegħdin jagħmlu profitti minn fuq l-immigranti bħalma huwa xogħol tal-ġurnata fil-lukandi, kostruzzjoni u jikinsu t-toroq. Imma dan kollu jinżamm fis-silenzju,” saħaq Bugre.

U x’għandu jsir, ġie mistoqsi Bugre. Huwa qal li internatment xejn mhu se jsir. Il-pressjoni trid tiġi mill-NGOs minn stati tal-UE. Huwa qal li hemm bżonn li osservaturi indipendenti jagħmlu spezzjonijiet regolari inkella xejn mhu se jinbidel, kif ilu jsir fis-snin ta’ qabel.

Fl-aħħarnett Neus Deutschland staqsa lil Ahmet Bugre x’inhi tagħmel il-Knisja ta’ Malta.

“Il-kelma tal-Knisja hija ta’ importanza, imma l-kbarat ma jiħdux pjaċir jindaħlu fl-affarijiet tal-politika. Ma jridux li jħassru r-relazzjoni mal-Gvern,” qal Ahmet Bugre.

Il-Gvern Malti, permezz tal-Ministeru għall-Ġustizzja u l-Intern kien pront u rrisponda għal din l-intervista. L-ewwelnett ġie ċċarat li Bugre mhux impjegat mal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin iżda ma’ Organizzazzjoni Mhux Governattiva u għalhekk mhux minnu li huwa konsulent f’isem il-Gvern Malti. Intqal ukoll li mhux veru li kuljum jinstabu għaxar kadavri fil-bajjiet tagħna u dawn il-figuri huma esaġerati.

Dwar il-FAM, dawn qegħdin jagħmlu minn kollox biex isalvaw il-ħajja ta’ nies minn fuq il-baħar u dejjem irrispondew għal kull sejħa li tasal.

Il-Ministeru ċaħad ukoll dak li qal Bugre dwar iċ-Ċentri ta’ Detenzjoni. Dwar familji bit-tfal, nisa tqal u tfal mingħajr familja, dawn ma jitpoġġewx fid-detenzjoni imma jiġu trasferiti f’residenzi. Il-Ministeru qal li filwaqt li ċ-ċentri fejn jinżammu l-immigranti huma bażiċi, fl-istess ħin huma adekwati. Ġie miċħud ukoll li hemm abbuż mix-xorb alkoħoliku u d-droga bħal ma ġie miċħud ukoll li l-awtoritajiet Maltin jipprovaw jagħmlu pajjiżna mhux attraenti għar-refuġjati.

L-akkuża ta’ Bugre dwar razziżmu min-naħa tal-Pulizija u l-Armata huma għal kollox infondati anzi dawk l-immigranti li jikkonsidraw li ntużat xi vjolenza fuqhom, huma fil-libertà kollha li jirrapportaw.

Il-Pulizija kollha kif ukoll is-suldati huma obbligati li ma jużawx forza mhux ġustifikata u jekk jirriżulta li ntużat forza eċċessiva, jittieħdu passi kontra tagħhom.

Fl-aħħarnett il-Ministeru ċaħad li l-Maltin huma razzisti.

Sadanittant mhux magħruf jekk il-Knisja hix se tirrispondi għall-kritika li saret dwarha jew jekk il-Kappuċċini humiex se jieħdu xi passi fil-konfront ta’ Ahmet Bugre peress li Suret il-Bniedem, li magħha jaħdem Bugre, hija mmexxija minnhom.

pisani.journalist@gmail.com

http://johnpisani.wordpress.com


Ikkummenta dwar dan l-Artiklu Fuq

Artikli oħrajn fis-sezzjoni Aħbarijiet
·  Kuntratt mill-Gvern għal Żaren Vassallo u Alex Tranter:
MILJUN IEĦOR!
·  ‘Hold-up’: “Daħal għalija u għal ibni ta’ sitt snin b’sikkina”
·  Il-prezzijiet ta’ ċerti mediċini:
Roħs li ma jserraħx l-imħuħ
·  Jorħos il-petrol b’2ċ wara li għola l-gass b’30ċ
·  Jieħdu n-nar ‘tyres’ fil-Badger Karting
·  Ikomplu l-aċċidenti fuq il-post tax-xogħol:
Żewġ ħaddiema gravi
·  Iż-żewġ żgħażagħ li nqabdu jisirqu mill-MCAST
ta’ Kordin mill-għassies jitressqu l-Qorti
·  Mixlija b’attentat ta’ frodi ta’ flus permezz ta’ theddid
·  Waqt laqgħa tal-Kabinett ilbieraħ:
Diskussa l-ittra formali tal-UE
·  Jiftaħ l-istaġun tal-kaċċa u l-insib:
L-FKNK twissi lill-membri biex josservaw il-liġi
·  Tkompli l-ħidma fuq l-emblema ġdida tal-PL
·  Il-kumpanija GO tirreġistra profitt
·  31 twissija dwar prodotti perikolużi f’sentejn u nofs
·  Vodafone Malta Foundation:
Stazzjon tat-temp għall-Ġgantija


IT-TEMP - 2/9/2010
Rapport tat-Temp:  Il-bicca l-kbira msahhab bix-xita u bir-raghad
Temperatura: 
L-ogħla: 31°C
L-inqas: 21°C

Riħ:  Xlokk 10-20 kph
Għall-aġġornament tat-temp agħfas hawn.