www.l-orizzont.com  
Il-Ħamis 2 ta' Settembru 2010
  L-orizzont  
Opinjoni
Editorjal
Features
Artikli/Kontribuzzjoni
Ittri lill-Editur
Rati tal-Avviżi
Arkivji
Ikkuntattjana
  FITTEX  
 
 
  Sports  

It-tim Malti jibda l-kwalifikazzjoni
ta’ Euro 2012 illum f’Iżrael.....

Wara l-inċidenti tas-Sibt li għadda fil-Pixxina Nazzjonali:
San Ġiljan jitnaqqsulhom żewġ punti
– Sospensjonijiet u multi lil uffiċjali, plejers u klabbs.....

Schembri jiskorja.....

James Paris ma’ Sliema W. għal tliet snin.....

Il-UEFA tipprojbixxi l-użu tal-vuvuzela.....

 

 
 

 

Opinjoni
 

Kera dawl u data (1)
minn Lorna Vassallo

Xtaqt nagħti l-kontri-but tiegħi wkoll fid-diskussjoni dwar il-Liġijiet tal-Kera. Hemm lat tal-kera residenzjali li forsi ma tantx issemma’.

Residenzi vojta hawn bosta. Iżda hemm bosta sidien li qegħdin jirrifjutaw li jikru l-proprjetajiet tagħhom. Waħda mir-raġunijiet prinċipali għal dan huwa l-għoli tad-dawl u l-ilma. Ir-rabta hija waħda diretta ferm iktar milli wieħed jista’ jaħseb.

Filwaqt li hawn dawk li qegħdin ifittxu kera fit-tul u hawn dawk li ilhom joqogħdu fl-istess post għal ħafna snin, jeżistu wkoll tip ieħor ta’ kerrejja. Hemm persentaġġ ta’ kerrejja li qegħdin jieħdu vantaġġ ta’ ħafna ndirizzi differenti biex iħallsu dawl inqas milli suppost.

Persuna li kriet il-post tagħha tikri b’kera li tiddeċiedi hi. Il-familja jew persuni li toqgħod fil-post tkun qed tisserva mid-dawl u l-ilma għal żmien twil mingħajr ma tirċievi l-kont.

Jekk is-sid jiddeċiedi li jaqleb id-dawl fuq il-kerrej ta’ l-aħħar, min jikri jkollu jħallas somma li ħafna drabi jaqta’ qalbu minnha. Iżda min-naħa l-oħra jekk il-kerrej jiddeċiedi li jħallas il-kera fuq ismu: is-sid ikun spiċċa minn ġot-taġen għal ġon-nar. Jekk il-kerrej ikollu d-dawl fuq ismu u jitlaq mill-post u ma jħallasx id-dawl, is-sid jirriskja li jew jispiċċa bil-post bla dawl jew li jibqa’ jħallas id-dawl tal-kerrej hu bla ma jista’ jġiegħlu jaqleb id-dawl fuqu.

Jidher li hawn sistemi kif id-dawl jitħallas individwalment għal kull appartament b’metodu ta’ tfiegħ ta’ muniti li jista’ jissarraf f’infiq ieħor għas-sid li mhux determinat sal-aħħar jikri l-post.

Ħafna drabi li jiġri huwa li l-kerrej, għax ma jkollux biżżejjed biex iħallas il-kera, jaqbad u jitlaq mill-post mingħajr ma jgħid lis-sid. Dan bla ma jħallas la d-dawl u l-ilma u lanqas l-aħħar kera. Dan jista’ jfisser li żewġ persuni u tfal żgħar ikunu sservew mill-post, mid-dawl u l-ilma għal xahar u iktar b’xejn.

Jekk il-kera tkun 300 ewro, u d-dawl u l-ilma jiġi 150 ewro, ikunu diġà serqu lis-sid 450 ewro. Wieħed ma jridx jinsa li kemm-il darba kerrejja jħallu danni fil-post jew jisirqu xi oġġetti minnu.

Hija xi ħaġa ferm sfortunata li ħafna nies li fil-fatt jikru l-proprjetà tagħhom jew ikollhom dħul baxx jew saħansitra jkunu każijiet soċjali u spiss jirrikorru għal manuvri bħal dawn biex jakkwistaw aktar b’irħas.

F’kemm ilna ngħidu, allura, is-sid jispiċċa b’mill-inqas 450 ewro minn taħt, minn fuq li jkun offra ħajt ta’ kenn għal familja. U kemm-il sid jista’ jitlob depożitu ta’ iktar minn 500 ewro qabel tibda l-kirja biex jagħmel tajjeb għal dan kollu?

Il-problemi huma diversi f’dawn il-każijiet u s-soluzzjonijiet huma wkoll diversi.



Soluzzjonijiet mill-KSI

Żewġ formoli mill-Korporazzjoni ta’ l-Ilma: Għandu jkun hemm distinzjoni bejn persuna li qiegħda tħallas id-dawl fuq post li tgħix fih hi u post li hu mikri lil ħaddieħor. F’tal -aħħar għandhom jiffirmaw is-sid, il-kerrej, u s-sid ta’ qabel jekk jeżisti.

Firma tas-sid ta’ qabel? Forsi qegħdin tistaqsu: għaliex għandu jiffirma s-sid ta’ qabel? Jekk il-kerrej li telaq minn post jiġi bżonn min krielu l-aħħar post biex jikri post ieħor, allura mhux se jabbuża jisraq lil min krielu l-post ta’ qabel.

Għalhekk nemmen li f’każijiet ta’ kera, il-Korporazzjoni għandha titlob il-firma mhux biss tas-sid u tal-kerrej preżenti iżda wkoll tas-sid ta’ qabel. Huwa wkoll fl-interess tas-sid preżenti li jkun jaf li s-sid ta’ qablu jkun tħallas dak kollu dovut f’dawl u ilma.

Min-naħa l-oħra kerrej li ħallas dak kollu dovut minnu m’għandux għalxiex jibża’ minn applikazzjoni bħal din fuq postijiet mikrijin. Il-Korporazzjoni tkun tista’ wkoll isserraħ moħħha aktar li l-ammonti dovuti fil-fatt jitħallsu u mhux jinħolqu sitwazzjonijiet inġusti u anomali.

Dan jista’ jgħin biex inaqqas il-frekwenza ta’ nies nomadi li jibdlu l-post tar-residenzi tagħhom kull sitt xhur biex kull sitt xhur jiffrankaw xahrejn kera u xahrejn dawl u ilma! Dan huwa l-iktar abbuż li jaqta’ qalb lil min jikri biex jagħmel il-proprjetà vojta tiegħu aċċessibbli għal każijiet soċjali.

Għall-Korporazzjoni dan jista’ jnaqqas kontijiet mhux imħallsin u proċeduri legali, mentri għall-Awtoritajiet u d-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali dan jgħin biex ikunu jafu x’qiegħed jiġri eżatt minn persuni li jirċievu benefiċċji mingħandhom. Għad-Dipartiment tad-Djar jgħin biex inaqqas id-domanda mingħandha.

Min-naħa tagħha l-Korporazzjoni għandha tkun aktar viġilanti f’każijiet bħal dawn ħalli ma tħallix ammonti kbar ta’ kontijiet tad-dawl jitilgħu sakemm tikkuntattja l-partijiet. F’każ ieħor koppja barranija aċċettat li taqleb id-dawl fuq isimha.

Mal-ewwel kont kellha tħallas arretrati kbar ta’ min kien qabilha fil-post għax is-sid kien irnexxielu jidħak biha, biex tkun tista’ tħallas l-ammonti tagħha.

Ovvjament m’hemmx għalfejn l-inkwilin li telaq minn post u l-kerrej preċedenti u dak prospettiv jiltaqgħu biex dan iseħħ. Jekk ikun hemm problemi għandha tkun il-Korporazzjoni stess li tibgħat għall-kerrej preċedenti jew tibgħatlu formola separata x’jiffirma bil-posta.

U jekk ma jkunx hemm raġuni valida għalxiex jirrifjuta li jiffirma dan għandu jkun kostrett li jiffirma jew il-Korporazzjoni għandha tkun intitolata tipproċedi mingħajr il-firma tiegħu.

Xi ħaġa li tagħmilha jekk trid. Din it-tip ta’ applikazzjoni tista’ wkoll tiddaħħal jekk mhux fil-każijiet kollha, għal min irid. Fi kliem ieħor, nies li jikru u li m’għandhom xejn x’jaħbu u li jixtiequ jkollhom ‘prova’ li dejjem ħallsu dak kollu dovut minnhom, jistgħu jagħżlu li jkollhom din it-tip ta’ firma mingħand is-sid preċedenti u mingħand il-Korporazzjoni.

Min-naħa tagħhom is-sidien ta’ postijiet għall-kiri jistgħu jitolbuha, għalkemm jistgħu jgħażlu wkoll li jinjorawha. Bil-mod il-mod, għalhekk tista’ tiddaħħal ukoll mentalità li jkun hemm din il-qisha ‘referenza’ minn sid għall-ieħor, li s-sid preċedenti jista’ saħansitra jiffirma mal-ewwel jekk tiġi terminata kirja.

Ovvjament, kull min joħroġ minn post klandestinament jew bi vjolenza u ġlied, żgur li mhux se jikseb il-firma tas-Sid.



Kont doppju

Każ interessanti ieħor li ltqajt miegħu jien li jirrigwarda kera kien fejn l-inkwilin/kerrej ta somom ta’ flus lis-sid biex jitħallsu d-dawl u l-kera u din ma ħallsithomx. Li ġara f’dan il-każ kien li minkejja li għaddew il-flus kif suppost, il-flus ma waslux għand il-Korporazzjoni u kien hemm ir-riskju li l-koppja tispiċċa toqgħod fil-post bla dawl u ovvjament ikollha titlaq. Għalhekk tajjeb li f’każ ta’ kiri l-kont jintbagħat mhux biss lis-sid (li probabbilment ikun qiegħed iħallas il-kont) iżda wkoll lill-kerrej.



Soluzzjonijiet fiskali

S’issa huma probabbilment ftit dawk li jħallsu t-taxxa fuq postijiet mikrijin. Dan minkejja li t-taxxa suppost titħallas. Kważi qiegħed jintlaħaq tip ta’ ‘gentleman’s agreement’ bejn l-Awtoritajiet u dawk li jikru li ħadd ma jkellimhom jekk ma jħallsux taxxa fuq postijiet mikrijin.

Dan għax l-Awtoritajiet jafu li jekk jinsistu fuq it-taxxa, il-persuna ma tikrix aktar. Spiċċajna bil-liġi tgħid mod u l-prattika mod ieħor. Hemm bżonn għalhekk li ssir eżenzjoni espliċita u totali mit-taxxa lil dawk li jikru l-postijiet battala tagħhom ħalli la jkun hemm rigi differenti ma’ nies differenti u lanqas diżinċentivi.

Jekk din l-eżenzjoni ma tapplikax b’mod assolut allura tista’ tapplika biss għal dawk li jikru lil nies fuq benefiċċji soċjali u pensjoni, immigranti irregolari, nies bi bżonnijiet speċjali u ċerti kategoriji speċifiċi oħra ħalli minnha nnifisha taħdem bħala inċentiv.

www.lornavassallo.com


Ikkummenta dwar dan l-Artiklu Fuq

Artikli oħrajn fis-sezzjoni Opinjoni
·  Għaliex int?
·  L-immigranti u l-GWU
·  Il-klieb ta’ Napuljun
·  Il-ġid jinħoloq bix-xogħol u l-impjiegi
·  Il-qerq tas-sħubija fl-Unjoni Ewropea
·  L-UE għandha tikkriminalizza l-immigrazzjoni illegali


IT-TEMP - 2/9/2010
Rapport tat-Temp:  Il-bicca l-kbira msahhab bix-xita u bir-raghad
Temperatura: 
L-ogħla: 31°C
L-inqas: 21°C

Riħ:  Xlokk 10-20 kph
Għall-aġġornament tat-temp agħfas hawn.