Ir-riżenja tas-Supretendent Sandro Gatt minn Direttur tal-Ħabs u l-investigazzjoni li qiegħda ssir dwar l-allegazzjoni li l-priġunier Emmanuel Camilleri, magħruf bħala “Leli l-Bully”, “imexxi” l-ħabs, tefgħu l-attenzjoni tal-pajjiż fuq x’qiegħed jiġri bejn l-erba’ ħitan tal-ħabs. GAETANO MICALLEF tkellem ma’ Patri MARK MONTEBELLO dwar is-sitwazzjoni fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.
Taqbel li l-ħabsin ikollhom rappreżentant biex jekk ikollhom bżonn xi ħaġa jitkellem f’isimhom?
Iva. Għax id-Direttur tal-Ħabs m’għandux ċans joqgħod ikellem lit-300 priġunier wieħed wieħed u allura iktar faċli li jkellem dak il-wieħed li jkollu kuntatt mal-bqija tal-priġunieri. U qed ngħid 300 għax il-ħabsin barranin, fil-parti l-kbira tagħhom Musulmani, għandhom ir-rappreżentant tagħhom.
Imma ma taħsibx li min ikun rappreżentant jista’ jkollu ċerta saħħa fuq il-ħabsin l-oħrajn u forsi ċerti privileġġi li l-oħrajn ma jkollhomx?
M’hemmx bżonn ikun ir-rappreżentant tagħhom biex ikollu s-saħħa. Ġieli kien hemm priġunieri li kellhom is-saħħa imma ma kinux rappreżentanti. Pjuttost il-pożizzjoni tiegħu hija iktar antipatka. Kieku jien ma rridhiex. U jkun hemm diversi priġunieri li joffruhielhom u ma jaċċettawhiex. Għax il-priġunieri l-ħin kollu jagħfsu fuqek u jippretendu li dak li jridu ġġibulhom. Li mhux il-każ għax dan kulma jagħmel huwa li jwassal l-ilmenti.
Qabel ma Sandro Gatt kien id-Direttur tal-Ħabs dak ix-xogħol konna nagħmluh aħna (Mid-Dlam għad-Dawl). Ma’ Manuel Cassar (eks-Dirrettur tal-Ħabs li qed imexxi l-investigazzjoni) ma kinitx taħdem is-sistema… ma kien jisma’ lil ħadd.
F’liema sens ma kien jisma lil ħadd?
Ma kienx ‘approachable’. Speċjalment fl-aħħar biċċa tat-terminu tiegħu. Issa dan ix-xogħol li konna nagħmlu aħna tant sar b’mod effiċjenti minn Leli Camilleri u Mohsen (ir-rappreżentant tal-Musulmani) li ma bqajniex nagħmluha ta’ rappreżentanti aħna ħlief f’każijiet delikati. U qed insemmu lil Gatt… dak li ġara narah bħala att ta’ vendikazzjoni kontrih u xejn iktar.
Minn min?
Hu min hu jew huma min huma ipprovaw jinqdew b’Leli u forsi b’Mohsen bl-iskop li jtajru lil Gatt. Għalkemm ma kontx naqbel li l-pulizija jkunu fil-ħabs, aħseb u ara kemm wieħed minnhom ikun id-Direttur tal-Ħabs, Gatt kien jimxi b’umanità kbira. Mhux dejjem qbilt miegħu imma kemm dam imexxi pprova jagħmel iż-żmien tal-ħabsin sopportabbli kemm jista’ jkun.
U l-fatt li l-Ministru tal-Ġustizzja u Intern qabbad bniedem biex jagħmel l-investigazzjoni meta magħruf li m’għandux simpatija ma’ Gatt tkompli żżid il-melħ fuq il-ferita. Qatt ma stennejtha minn bniedem prudenti bħal Dr Carmelo Mifsud Bonnici. Min kien wara dak li ġara ħadimha bizzilla biex jagħmel ħsara lil Gatt għax m’għoġbuhx il-‘policies’ tiegħu. Għax Gatt ma kienx “aħdar”. U dak id-difett il-kbir tiegħu: li mhux bniedem “aħdar”.
Imma Camilleri u Mohsen għandhom privileġġi li oħrajn m’għandhomx?
Privileġġ li jduru fi kważi d-diviżjonijiet kollha. Gatt tahom din il-possibilità bħalma tawhom dawk li mexxew il-ħabs minn Rowland sal-lum. Jiġifieri fuq perjodu ta’ 13-il sena.
Privileġġi oħrajn għandhom? Per eżempju, televiżjoni jew telefon ċellulari li oħrajn m’għandhomx?
Jekk għandhom mhux għax huma rappreżentanti imma bħalma jista’ jkollu ħaddieħor. Pjuttost kien hemm każijiet li naf bihom jien fejn Leli Camilleri talab xi affarijiet għalih, bħall-‘humanitarian leave’, u ma ngħatax. Mohsen qatt ma ngħata. Jew kważi qatt. Imma ma jidhirlix li Leli u Mohsen għandhom xi privileġġi iktar minn ħaddieħor.
Teżisti diskriminazzjoni bejn il-ħabsin fis-sens li wħud jiġu trattati aħjar minn oħrajn u għandhom ċerti privileġġi li l-oħrajn m’għandhomx?
Teżisti. Mhux kull każ l-istess. Ma jfissirx li għax int ingħatajt permess biex tmur tara xi qarib allura dak il-permess għandi nieħdu jiena wkoll. Insejħilha “diskrezzjoni” iktar milli diskriminazzjoni. Ħaġa normali fil-ħabs.
U fuq liema bażi ssir?
Ikun hemm ħafna każijiet. Il-gravità tal-każ… jekk għandux kompliċi… jekk osservax id-dixxiplina kemm kien ilu fil-ħabs… jekk huwiex affidabbli. Ħafna drabi jiddependi mill-‘gut feeling‘ tad-Direttur tal-Ħabs. Per eżempju, fejn kienu jidħlu l-ħabsin li għomorhom se jqattgħuh fil-ħabs Gatt dejjem ipprova jaġevolahom ftit iktar mill-oħrajn. Fis-sens li jekk ħaddieħor tħalla jdaħħal CD huma kienu jdaħħlu tnejn. Xejn iktar. U hekk għandu jkun. Barra minn Malta huma aġevolati immensament iktar. Imma jekk kien hemm xi ħadd minnhom li jkun ħaqqu kastig xorta jieħdu. Ngħidu aħna jekk isibulu xi larinġ iffermentat.
X’isibulu?
Larinġ iffermentat biex jagħmlu speċi ta’ nbid. Jiffermentaw kollox biex jagħmlu naqra alkoħol. Dak li jkun iżomm il-qoxra ta’ xi ħaġa u jiffermentaha biex tiġi alkoħol. Imbarazz… ġieli doqtu… qisu pitrolju.
Kif tikkumpara d-drittijiet tal-ħabsin f’Malta ma’ dawk ta’ barra?
Bħala privileġġi u kundizzjonijiet hemm ħabsijiet li huma ħafna aħjar minn tagħna u ħabsijiet li huma agħar. Il-problema f’Malta hija li ħafna priġunieri huma falluti f’temini finanzjarji. U allura ma jkollhomx biex, per eżempju, jixtru ilma tal-flixkun jew ‘telephone card’. Din il-problema ta’ ħafna priġunieri… m’għandhomx flus biżżejjed biex jgħixu sew u allura l-livell ta’ għixien ikun inqas minn ta’ ħaddieħor.
Semmejt l-ilma. Il-priġunieri m’humiex neqsin mill-ikel u x-xorb.
Iva, imma jkun hemm min irid ilma tal-flixkun biex ma jixrobx ilma tal-vit. Jekk dak li jkun ikollu sentenza twila u qiegħed kontinwament jixrob ilma tal-vit mhux sew. Imma jekk ma jkollux flus ma jistax jixtrih. Mentri jien tal-fehma li l-ħabs għandu jipprovdi kollox la xeħtek hemm kontra r-rieda tiegħek.
Xeħtek kontra r-rieda tiegħek jekk l-individwu jkun wettaq reat kriminali?
Iva, imma jien qiegħed hemm kontra r-rieda tiegħi. Mela int trid tipprovdili kollox.
Kollox bħal xiex?
Kollox. Kulma huwa neċessarju. Diversi ħabsijiet barra minn Malta jipprovdu t-televiżjoni. Bħalma jtini gwardarobba għandu jtini affarjiet li jagħmlu l-ħajja tiegħi kemm jista’ jkun trankwilla.
Imma televiżjoni mhux neċessarja…
Fil-kuntest tal-ħabs, meta qiegħed imsakkar u forsi ma tistax torqod jista’ jkun neċessarju biex ma tirrikorrix għall-pilloli tal-irqad.
Kemm hi kbira l-problema tad-drogi fil-ħabs?
Ma naħsibx li hi żgħira.
Kif qed jirnexxielha tidħol hemm?
Din il-‘million dollar question’. Mhux se nkelmek fuq x’naħseb imma fuq x’instab. Ġieli sabu uffiċjali li qegħdin idaħħluha, ġieli familjari u ġieli nstabet mingħajr ħadd ma jaf kif daħlet. Għax il-ħabs bilfors għandu ħafna nies deħlin u ħerġin… min ibattal l-iskart, min jaħdem fl-istores, min isewwi l-elettriku. Tista’ ddaħħalha b’ħafna modi. Darba kien hemm min waħħal borża mal-‘mudguard’ ta’ karozza li kien jaf li tidħol il-ħabs.
Tiddaħħal għall-użu personali jew biex tiġi traffikata għall-flus?
Jekk hemm problema tad-droga xi ħadd qed imexxiha u xi ħadd qed jixtriha. Barra li jiġri huwa li int tixtriha u tbiegħha anke jekk tabbuża minnha biex issostni l-vizzju. Il-ħabs m’hemmx dik il-possibilità li taqsam id-droga, tħallatha u terġa’ tbiegħa. Imma hemm min ibiegħa u min jixtriha.
Kemm qed ikun effettiv il-ħabs fir-rijabilitazzjoni ta’ dawk bil-vizzju tad-droga?
Il-progress ta’ dawk li jsegwu l-programm huwa fenomenali. Oħrajn jidħlu bil-problema tad-droga u jipprovaw iwaqqfuha anke jekk ikun hemm min jerġa’ jipprova jeħodha jekk isibha. Ikun hemm min ma jridx iwaqqafha għax kuntent kif inhu. Dejjem jekk isib. U jkun hemm min daħal mingħajrha u jitħajjar hemm ġew minħabba d-dwejjaq li jkollu.
Klikek jeżistu fil-ħabs?
Fil-ħabs tagħna ma naħsibx li għandna din il-problema. Ġieli jkun hemm xi ‘gang’ jiftiehem li jsawwat lil xi ħadd li jkun ddaħħal fuq abbuż tat-tfal.
Veru x-xniegħa li min jidħol fil-ħabs fuq abbuż tat-tfal jissawwat mill-ħabsin?
Kemm-il darba. Prattika bla sens. Qisu hemm kodiċi ta’ etika anke fid-dinja tal-kriminalità fejn ċerti affarijiet huma aċċettabbli u oħrajn le. U ġieli ssawtu persuni li wara nstab li kienu innoċenti.
Matul is-snin kien hemm diversi ħabsin li allegaw li ssawtu mill-gwardjani. Huwa veru dan? Il-gwardjani jittrattawhom ħażin lill-ħabsin?
Lanqas xejn ma jiġu trattati ħażin mill-gwardjani. Anzi, il-gwardjani huma nies ta’ umanità kbira li kemm jista’ jkun jgħinu lill-priġunieri. B’id iebsa imma huwa importanti li jkollhom id iebsa. Xi kultant ikun hemm każijiet eċċezzjonali bħal tal-1999 meta kienu ssawtu serjament tliet Libjani u Alla jbierek il-bord tal-ħabs sab li ma ġara xejn meta kien hemm provi assolutament konvinċenti li ssawtu. Swat serju ma jidhrilix li sar iktar… ‘manhandling’ isir spiss fis-sens li jekk ikollok priġunier li qed joħloq problema f’xi diviżjoni, jidħlu l-gwardjani u jirreżistuh jekk ikun aggressiv.
Il-ħabs kemm qed jirnexxilu jirrijabilita lill-ħabsin?
Għadna kemm ħriġna riċerka li l-konklużjoni tagħha hija li le. Is-sistema kif inhi qiegħda tfalli. Għandu jsir ‘re-settlemenet plan’ immedjatament ma’ kull priġunier bl-għajnuna ta’ kull min huwa involut ħalli meta l-priġunier joħroġ minn hemm ikun jista’ jissetilja fis-soċjetà. Għax dak għandu jkun l-għan tal-ħabs.
Imma li bniedem jidħol il-ħabs, ma jagħmel xejn għal diversi snin u joħroġ ta’ fuqu senduqu mhux sistema. U dan li qed jiġri llum. Issa billi joqgħod jara t-televiżjoni u jilgħab bil-Playstation? Mhux qed nippreparawh għal meta joħroġ. U fil-ħabs tagħna dak li qed jagħmlu l-priġunieri… jgħaddu l-ħin. U meta joħorġu jispiċċaw f’sitwazzjoni agħar minn qabel. Għax jekk kellu post tilfu… jekk kellu familja tilifha… jekk kellu ftit tal-flus tilifhom… jekk kellu xogħol tilfu. U jekk kellu naqra dinjità, tilifha wkoll.
Għandek priġunieri li lanqas ikollhom fejn joqogħdu x’ħin joħorġu mill-ħabs. Kont naħseb li x-xogħol hija l-ikbar problema għall-ħabsin imma wara l-istudju li għamilna konvint li l-ikbar problema hija l-‘housing’. Għax jekk m’għandekx fejn toqgħod m’għandek xejn. Imbagħad mhux bilfors dak li jkun jerġa’ jaqa’ fil-krimina- lità? Kemm se ddum tgħum kontra l-kurrent?
|