www.l-orizzont.com  
Il-Ħamis 2 ta' Settembru 2010
  L-orizzont  
Opinjoni
Editorjal
Features
Artikli/Kontribuzzjoni
Ittri lill-Editur
Rati tal-Avviżi
Arkivji
Ikkuntattjana
  FITTEX  
 
 
  Sports  

It-tim Malti jibda l-kwalifikazzjoni
ta’ Euro 2012 illum f’Iżrael.....

Wara l-inċidenti tas-Sibt li għadda fil-Pixxina Nazzjonali:
San Ġiljan jitnaqqsulhom żewġ punti
– Sospensjonijiet u multi lil uffiċjali, plejers u klabbs.....

Schembri jiskorja.....

James Paris ma’ Sliema W. għal tliet snin.....

Il-UEFA tipprojbixxi l-użu tal-vuvuzela.....

 

 
 

 

Opinjoni
 

Tarzna 2008
minn Lorna Vassallo

Naħseb li fil-kwistjoni tat-Tarzna, bħalma drajna li jiġri dejjem fi kwistjonijiet bħal dawn fil-gżejjer Maltin, ikun hemm dawk li huma ‘twists’ biex tiċċajpar l-affari ħalli, bejn verità u mhix, għal darb’ohra, jispiċċa jeħel il-ħaddiem u mhux min jieħu d-deċiżjonijiet għalih. Wara l-meeting li sar mill-GWU f’Raħal Ġdid, tajjeb li wieħed jirrevedi l-appelli li għamlet l-unjin, billi jiżbor ukoll il-kliem żejjed li qed jintqal fuq diversi mezzi tax-xandir, li forsi l-interess tagħhom huwa aktar li jostru l-verità milli jxandruha.

Hawnhekk elenkajt waħda waħda l-proposti tal-unjin u dak li naħseb dwarhom…

L-ewwelnett il-GWU qed tinsisti li l-Gvern jiggarantixxi l-impjieg ta’ dawk il-ħaddiema li ma japplikaw għall-ebda skema offruta minnu. Il-Gvern qed jirrifjuta. Għalhekk il-mistoqsija tiġi waħedha: x’qed joffri l-Gvern? Jew l-hekk magħrufa somma, jew ix-xejn. Fi kliem ieħor: jew l-hekk magħrufa somma minflok id-drittijiet veri u proprji tal-ħaddiema, jew l-ebda drittijiet ta’ xejn… tkeċċija u daqshekk? Jekk nożbru l-kliem żejjed, dak li fil-verità qed jiġi offrut mill-Gvern: jew skema jew …?

It-tieni argument tal-GWU huwa li ma jagħmilx sens li jitkeċċew il-ħaddiema qabel ma jsir magħruf kemm ħaddiema se jkunu meħtieġa mis-sidien il-ġodda u f’liema oqsma. Il-Gvern qed jinjora dan l-argument. U x’tista’ tkun allura l-intenzjoni vera tal-Gvern li jippreferi jbiegħ it-Tarzna bla ħaddiema minflok bihom?

Jista’ jkun li x-xerrej jippreferi jibda s-salarji kollha mill-ġdid li probabbilment se jkunu ferm inqas minn dawk li diġà jeżistu? Jew inkella x-xerrej potenzjali għandu l-intenzjoni li jġib ħaddiema minn pajjiżi oħrajn, mhux neċessarjament Ewropej, u jħaddimhom b’irħas, filwaqt li l-ħaddiema Maltin jispiċċaw bla xogħol? U jekk hu hekk, huwa veru li Gvern Nazzjonalista jkun “qalbu mal-ħaddiema” jew qalbu mal-ħaddiema Maltin l-ewwel u qabel kollox?

Jekk wieħed iħares minn angolu ieħor lejn it-tkeċċija tal-ħaddiema jidher ċar li l-Gvern Malti qed jitgħabba b’xogħol li suppost isir minn ħaddieħor. Filwaqt li f’nifs wieħed il-Gvern jgħid li sidien ġodda li se juru interess fit-Tarzna Maltija m’humiex magħrufin, fl-istess ħin qed jagħmel azzjonijiet biex jiffavorixxi lil dawn is-sidien il-ġodda mill-biċċa uġiegħ ta’ ras li jkeċċu l-ħaddiema.

U ħafna drabi, il-loġika tgħidlek li l-favuri ma tagħmilhomx għal persuni mhux magħrufin, iżda għal persuni li diġà tafhom sew u li huma stess ikunu rabtuk li, biex ix-xiri fil-fatt iseħħ, l-uġiegħ ta’ ras tat-tkeċċija tal-ħaddiema jrid ikun sparixxa qabel ma jsir l-istess xiri.

B’din il-loġika meta se togħġob, se togħġob lil xi ħadd, mhux lix-xejn. Mela il-Gvern qed jogħġob lil xi ħadd – u dan ix-xi ħadd żgur li se jkun wieħed mill-partijiet interessati – għax jekk le mhux se jipprova jogħġbu. U parti interessata tista’ tkun biss parti li interessata li tixtri t-Tarzna. U għalhekk, il-fatt biss li l-Gvern qed jieħu azzjonijiet li se jaġevolaw lix-xerrej futur tat-Tarzna, jista’ jitfa’ suspett ukoll fuq il-kredibbiltà tat-tender maħruġa mill-istess Gvern. Jista’ jkun li mill-offerti mitfugħin hemm xi ħadd li diġà qed titwittielu t-triq sabiex jidħol f’Tarzna vojta? Jista’ jkun li dan ix-xi ħadd mhux talli mhux moħħu mistrieħ li se jkun hu x-xerrej, talli qiegħed diġà jikkundizzjona minn issa l-aġir tal-Gvern?

U wara kollox, kemm minn lat demokratiku li għalih inħolqu t-tenders, kif ukoll mil-lat kummerċjali, jidher li l-bejgħ tat-Tarzna la se jsir fl-aħjar interess tal-ħaddiema tagħha u lanqas ta’ Malta.

L-iskemi ta’ irtirar volontarju fihom infushom jistgħu wkoll ikunu aħjar, billi f’att ta’ każi ta’ skemi simili fis-settur privat qegħdin jiġu offruti somom ferm akbar minn dawk offruti. Hija din ukoll waħda mill-proposti tal-GWU.

It-talba mill-GWU qiegħda tipprova tittappan ukoll billi tinxtered l-aħbar daqslikieku l-unjin ma qablitx mal-proġett ta’ privatizzazzjoni jew ta’ l-għoti ta’ somom għall-irtirar tal-ħaddiema. Dan mhux minnu.

Il-GWU sa mill-bidunett għamlitha ċara li mhix kontra l-privatizzazzjoni tat-Tarzna jew l-għoti ta’ somom għall-irtirar ta’ għadd ta’ ħaddiema. Li qed toġġezzjona dwaru l-GWU hu proprju ż-żmien li fih qiegħda tiġi offruta din is-somma lill-ħaddiema.

F’ċertu sens hawnhekk naraw għal darb’oħra assi tal-poplu Malti li jiġu żarmati u mkissrin eżatt qabel jinbiegħu – fenomenu li diġà ġara fil-każ tas-Sea Malta u li sewa l-impjieg ta’ diversi nies li kienu huma nfushom parti sinjifikanti mill-valur tal-kumpanija li kienu jiffurmaw parti minnha.

L-ironija hi li wisq probabbli mill-għada li tibda topera taħt il-privat it-Tarzna tibda tagħmel il-qligħ u s-sidien il-ġodda jifdu prezzha f’qasir żmien.

Nittama għall-inqas li l-ħaddiema tat-Tarzna ma jispiċċawx bħal dawk tas-Sean Malta, li għadhom jistennew li jieħdu s-somom dovuti lilhom.

Il-GWU argumentat ukoll li jidher li l-Gvern ma jridx jinvestiga b’mod serju l-proġetti Fairmount. Fil-fehma tal-GWU t-telf li ġarrbet it-Tarzna ma kienx tort tal-ħaddiema, iżda tort tal-maniġment eżekuttiv u deċiżjonijiet oħrajn ħżiena li saru meta ġie ffirmat il-kuntratt u nġiebu esperti minn barra minn Malta apposta għal dan il-għan.

Jiddispjaċini ngħid li ma jistax ikun li għal darb’oħra jispiċċa jħallas dak li jxammar il-kmiem biex jaħdem għall-iżbalji ta’ dawk li jilbsu l-ingravajjet. Perà daqstant ieħor jiddispjaċini ngħid li f’era ta’ Gvern tal-lemin wieħed jistenna li jiġru avvenimenti bħal dawn, fejn, dak li jxammar il-kmiem biex jaħdem jispiċċa kkalpestat u dak li jilbes l-ingravata, kbir kemm hu kbir l-iżball tiegħu, jispiċċa qatt ma jiġi dixxiplinat.

Wara kollox qegħdin ngħixu eżatt il-mumenti li vvutajna għalihom bħala poplu u dawn l-avvenimenti messna wkoll bassarnihom bħala poplu. Il-lemin jemmen li l-ħaddiem jaħti għal ħafna affarijiet – u din mhix ħlief turija tal-politika tal-lemin fl-aqwa tagħha.

www.lornavassallo.com

Ikkummenta dwar dan l-Artiklu Fuq

Artikli oħrajn fis-sezzjoni Opinjoni
·  Għaliex int?
·  L-immigranti u l-GWU
·  Il-klieb ta’ Napuljun
·  Il-ġid jinħoloq bix-xogħol u l-impjiegi
·  Il-qerq tas-sħubija fl-Unjoni Ewropea
·  L-UE għandha tikkriminalizza l-immigrazzjoni illegali


IT-TEMP - 2/9/2010
Rapport tat-Temp:  Il-bicca l-kbira msahhab bix-xita u bir-raghad
Temperatura: 
L-ogħla: 31°C
L-inqas: 21°C

Riħ:  Xlokk 10-20 kph
Għall-aġġornament tat-temp agħfas hawn.