www.l-orizzont.com  
Il-Ħamis 2 ta' Settembru 2010
  L-orizzont  
Opinjoni
Editorjal
Features
Artikli/Kontribuzzjoni
Ittri lill-Editur
Rati tal-Avviżi
Arkivji
Ikkuntattjana
  FITTEX  
 
 
  Sports  

It-tim Malti jibda l-kwalifikazzjoni
ta’ Euro 2012 illum f’Iżrael.....

Wara l-inċidenti tas-Sibt li għadda fil-Pixxina Nazzjonali:
San Ġiljan jitnaqqsulhom żewġ punti
– Sospensjonijiet u multi lil uffiċjali, plejers u klabbs.....

Schembri jiskorja.....

James Paris ma’ Sliema W. għal tliet snin.....

Il-UEFA tipprojbixxi l-użu tal-vuvuzela.....

 

 
 

 

Opinjoni
 

Wara s-sogħba
minn Lorna Vassallo

Fil-ftit ġimgħat li ilni ma nikteb fuq dan il-ġurnal f’waqtiet differenti għaddew mumenti fejn xtaqt verament nikteb dwar ġrajjiet li kienu qegħdin iseħħu lokalment u li kelli ħafna x’nikkummenta dwarhom.

Huwa għalhekk li se jkun propju llum l-ewwel darba li jiena wkoll nikkummenta dwar il-ġrajja ta’ sogħba li seħħet fuq il-baħar lil żewġ familji Xlukkajri flimkien ma’ sajjied ieħor barrani.

Għal ġimgħat sħaħ inħasset id-dieqa fil-qalb ta’ kull bniedem Malti li jaf li hemm barra, ximkien mhux magħruf, kien hemm jissieltu għal ħajjithom sħabna Maltin. Hekk kif l-aħbarijiet bdew iktar ma jgħaddi ż-żmien iktar jagħtuna nformazzjoni dwar dak li seta’ kien ġara fuq il-baħar, aktar stajna jew inserrħu rasna jew jiddispjaċina aktar.

Kienet aħbar terribbli fejn l-ikbar xewqa kważi tkun li, fejn m’hemmx tama, għall-inqas lanqas ma kien hemm tbatija. Ġrajja li żgur se tibqa’ tissemma’ għal ħafna snin, għall-inqas kull meta jdur is-suġġett fuq is-sajjieda jew żaqq il-baħar.

Kienet ġrajja li ġabet mhux biss ħidma sfiqa iżda wkoll kritika lill-FAM. Ħarġet ukoll fil-pubbliku dwar kif jistgħu jkunu qegħdin jitmexxew ċerti setturi ta’ sorveljanza ta’ l-ibħra bħal fil-każ tal-VMS li ħareġ fil-beraħ li n-numru ta’ persuni li joperawha huwa ta’ sempliċement persuna waħda. Kienet ġrajja wkoll li ma kinetx nieqsa mill-kontroversji u ċertu xettiċiżmu min-naħat differenti.

Iżda mingħajr ma wieħed jidħol f’ebda kontroversji żejda, xorta hemm xi osservazzjonijiet li jien xtaqt nagħmel u li ftit li xejn smajt min jikkummenta dwarhom.

L-ewwelnett, ġrajja traġika bħal din, jekk xejn għandha sservi wkoll biex tiftaħ għajnejn il-poplu Malti għat-tbatija li jgħaddu minnha persuni li mhumiex ta’ l-istess ġens tagħna u li jiffaċċjaw il-mewt fuq il-baħar.

L-argument ta’ l-immigrazzjoni illegali ma jistax ħlief jibqa’ sejjer – issa iktar u iktar meta nafu li nistgħu nħarsu ‘l quddiem lejn rekords ġodda fid-dħul ta’ dgħajjes għal dan is-sajf. Iżda, kif dejjem jintqal, iżda wieħed ftit li xejn jammetti – bħalma tħassarna lil ħutna, bl-istess mod ma nitħassrux nies oħrajn ta’ kulur differenti minnha?

L-immigrazzjoni illegali hija pjaga għall-Maltin għax qed jerfgħuha waħedhom. Iktar kemm imur qegħdin nindunaw li problema internazzjonali jew għall-inqas Ewropa qiegħed tispiċċa biex tintrefa minn gżejjer żgħar fil-Mediterran. Dan kollu qiegħed jiġri mingħajr appoġġ effettiv mill-Unjoni Ewropea li tagħha issa aħna membri.

Skond Simon Bugeja, waqt li għadda ħelikopter Taljan minn fuq rasu waqt li kien fuq il-baħar, beda jgħajjat “Aħna Maltin !”

Kumment bħal dan donnu ftit ġibed attenzjoni. Iżda kumment bħal dan juri wkoll li donnu l-fatt li tkun Malti jagħtik preferenża fuq dak li mhux. Tgħid x’qiegħed jiġri eżatt fl-ibħra Maltin?

Tgħid saru ibħra fejn kull vapur, kull ħelikopter u kull ajruplan dara jara iġsma mejta ‘l hemm u ‘l hawn? Tgħid sar baħar fejn meta jidher ġisem mitluq jiġi preżunt mejjet?

Jew sar baħar fejn kull meta tidher persuna dgħajfa u bla saħħa titħalla tmut hemm, bħalma jiġri fit-toroq tagħna meta naraw xi qattus jew kelb jilheġ sal-mewt? Tgħid sar baħar li jekk taqa’ fih, għandek ċans, li jekk ma jindunawx minn liema pajjiż ġej, jitfixkluk u ma jsalvawkx?

Fil-fehma tiegħi dawn huma kollha mistoqsijiet naturali li joħorġu mill-kumment waħdieni li ta Simon Bugeja.

Ħafna minna jgħixu ħajjithom ferm ‘il bogħod mill-baħar. Ftit minna jafu x’qed jiġri verament u xi kultant tisma’ ħafna stejjer li jkexkxu iżda li ma tkunx tista’ tipprovahom. Tgħid saret daqshekk fraġli s-sistema ta’ salvataġġ fil-Mediterran?

U jista’ jkun li l-kwantità ta’ dgħajjes ta’ immigranti irregolari u iġsma jgħumu fil-wiċċ qegħdin itellfu operazzjonijiet ta’ salvataġġ u saħansitra jirrendu l-Mediterran baħar riskjuż għas-sajjieda Maltin, Franċiżi, Sqallin u Libjani? Tgħid tgħajjat kemm tgħajjat fil-baħar daqshekk żgħir, għalxejn, għaliex din l-għajta saret bħall-għajta tal-lupu? Jew jista’ jkun li l-FAM u dawk ta’ pajjiżi ġirien tant huma mehdijin jsalvaw lill-immigranti irregolari li nsew lill-istess nieshom?

Żgur li l-istorja tas-‘Simshar’ mhix se tieqaf hawn. Nistennew iktar rakkonti ‘l quddiem. Nistennew ukoll iktar battibekki ‘l quddiem.

Naqsam mal-familji Xlukkajri kollha s-sogħba u nagħtihom l-għomor u għal dejjem nibqgħu niftakru l-vittmi mejtin jew mitlufin tat-traġedja, għaliex il-mewt tagħhom kienet waħda kiefra.

Nisperaw li l-Awtoritajiet indunaw bil-bżonn kbir li hemm li s-sigurtà u s-sorveljanza ta’ l-ibħra tkun waħda kontinwa, 24 siegħa kuljum u li kull ċaqliqa u kull messaġġ, jista’ jfisser ħajja ta’ bniedem, tnejn jew tlieta.

Nispera wkoll li l-Awtoritajiet u flimkien magħhom l-Unjoni Ewropea irrealizzaw li l-kwistjoni ta’ sigurtà fil-Mediterran m’għadhiex tinħtieġ l-istess impenn bħal 20 sena ilu. Għalhekk hemm bżonn iktar idejn, iktar riżorsi u iktar flus. J’Alla, mill-ġrajja tax-Xlukkajri, wara kollox, joħroġ xi ġid li jsarraf f’fidwa għal nies oħra li jispiċċaw f’periklu fil-Mediterran.

HYPERLINK “http://www.lornavassallo.com” www.lornavassallo.com

Ikkummenta dwar dan l-Artiklu Fuq

Artikli oħrajn fis-sezzjoni Opinjoni
·  Għaliex int?
·  L-immigranti u l-GWU
·  Il-klieb ta’ Napuljun
·  Il-ġid jinħoloq bix-xogħol u l-impjiegi
·  Il-qerq tas-sħubija fl-Unjoni Ewropea
·  L-UE għandha tikkriminalizza l-immigrazzjoni illegali


IT-TEMP - 2/9/2010
Rapport tat-Temp:  Il-bicca l-kbira msahhab bix-xita u bir-raghad
Temperatura: 
L-ogħla: 31°C
L-inqas: 21°C

Riħ:  Xlokk 10-20 kph
Għall-aġġornament tat-temp agħfas hawn.