|
Din il-ġimgħa ħarġet statistika dwar id-disponnibilità ta’ l-informazzjoni elettronika fost il-Maltin. Jidher li 70% tal-popolazzjoni għandhom aċċess għaliha.
Ħarġet ukoll statistika oħra, xi jiem ilu, dwar il-popolazzjoni Maltija f’termini ta’ età. Iktar ma jgħaddi żmien iktar se jkun hemm persentaġġ qawwi tal-popolazzjoni li għandu ‘l fuq minn 60 sena.
Min-naħa l-oħra l-persentaġġ ta’ żgħażagħ dejjem qiegħed jonqos. Il-medja ta’ l-età tal-mewt taċ-ċittadini Maltin se titla’ wkoll u mistennija tilħaq il-85 sena. Ironikament, l-unika soluzzjoni vera biex tissolva l-problema demografika Maltija, kif ukoll Ewropea, s’issa hija li l-popolazzjoni ta’ żgħażagħ li jaħdmu tiżdied artifiċjalment bl-influss ta’ barranin ġejjin jaħdmu fil-pajjiż.
U għalhekk, mentri fl-Ewropa l-problema hija daqstant ieħor akuta, l-emigrazzjoni irregolari tista’ tkun toffri r-riljev biex tiffinanzja l-pensjonijiet tal-Maltin tal-futur.
Iżda minkejja l-istatistika, speċjalment fejn għandha x’taqsam l-informatika, wieħed għandu jżomm saqajh ferm ma’ l-art meta jqabbilha ma’ statistika oħra li turi l-illiteriżmu f’pajjiżna u kemm anzjani, adulti u saħansitra żgħażagħ għalkemm jafu jfendu għal rashom ma jafux jaqraw u jiktbu sewwa.
Wieħed għandu jammetti wkoll li ħafna drabi l-aċċessibbiltà għall-Internet hija wkoll marbuta ma’ l-aċċessibbiltà maħluqa permezz ta’ l-għarfien tal-lingwi. Min jaf jitkellem bil-Malti biss ftit li xejn jista’ jagħmel użu effettiv mill-Internet mill-kumdià ta’ daru.
Illitteriżmu
Jekk qatt mortu ċ-Ċina forsi jista’ jkollkom idea ta’ x’jiġifieri jkun illitteriżmu estrem. Tħares fejn tħares ma jkollokx il-kapacità li tagħraf simbolu minn ieħor, u dak li jitfa’ l-melħ fuq il-ferita huwa l-fatt li trid taħbi kontinwament mis-soċjetà ta’ madwarek il-fatt li ma tafx taqra.
Ġie pprovat li anke fl-Unjoni Ewropea każi ta’ illiteriżmu estrem għadu jeżisti f’persentaġġ għoli ħafna. Min-naħa l-oħra iżda, bħal kull ħaġ’oħra, l-illiteriżmu jista’ jkun fi gradi differenti – iktar gravi jew inqas gravi. Iktar kemm ikun gravi iktar jista’ joħnoq l-indipendenza tal-persuna u jġibilha ħajjitha diffiċli.
Huwa għalhekk li fil-ġurnata tal-lum, min joffri kwalunkwe tip ta’ servizz u jaħdem quddiem kompjuter, m’għandux jassumi li kull min qed jitkellem miegħu jaf jikteb u jaqra. Ir-risposta “Ibgħatilna emejl” tista’ sservi biex tbiegħed lill-klijent iktar milli biex taqdih. Fi kliem ieħor, biex toffri disservizz iktar milli servizz.
Il-Partit u l-kommunikazzjoni
Dan jiġri f’kumpaniji privati kif ukoll f’Dipartimenti tal-Gvern. Iżda ħaġa waħda tikkonċerna ħafna lili. Smajt mhux storja jew tnejn ta’ persuni li avviċinaw il-Partit Laburista, qabel jew saħansitra wara l-elezzjoni li għaddiet, li kemm-il darba qegħdin jiġu affaċċjati bl-istess risposta: “Ibgħatli emejl!” Il-fatt biss li lil min fittex l-għajnuna tiegħek għandek terġa’ titfa’ r-responsabbiltà fuq spallejh biex jipprova jagħmel it-tentat ħalli jwassal il-messaġġ tiegħu diġà jerga’ jaqta’ qalb dak li jkun. L-ebda persuna m’hi se tirrispondi li ma tafx tibgħat emejl, jew li ma tafx tikteb ittra. Tista’ biss tgħid li iva, hekk se tagħmel u titlaq ‘il barra.
Wieħed għandu jirrifletti fuq il-fatt li dawk kollha li huma midħla ta’ l-informatika u ta’ l-emejls qajla sejrin joqogħdu jaħlu nofs ta’ nhar biex imorru personalment għand il-Partit ħalli jagħmlu sempliċiment appuntament. U għalhekk ladarba persuna waslet personalment sal-Kwartieri jfisser li dak huwa probabbilment l-unika messaġġ kif tista’ tikkomunika l-problema tagħha.
Tisħiħ ta’ l-istrutturi tal-Partit
Is-segretarjat tal-Partit huwa fil-fatt, wieħed effiċjenti ħafna. Iżda mhux biżżejjed. Min hawnhekk insellem nies bħal Josephine Bartolo u Henriette Cannataci li jagħmlu iktar mill-ħila tagħhom biex jaqdu kemm jistgħu nies.
Iżda nemmen li issa verament wasal iż-żmien li, kif ġie mwiegħed, jikber it-tim tal-Partit li qiegħed hemm sempliċement biex iservi lill-pubbliku. Investiment bħal dan żgur li ma jkunx moħli minkejja li forsi jistgħu jikbru xi ftit l-ispejjeż.
Hemm bżonn imminenti li l-Partit jittrenja nies li jispeċjalizzaw fil-‘Customer Care’ tal-Partit u li jkunu disponibbli għal ħinijiet twal biex flok ma jgħidu lill-persuni li jfittxu l-għajnuna tiegħu “ibgħatli e-mail”, jitolbuh joqgħod bil-qiegħda u jiktbu dak kollu li jgħidulhom huma. U fil-każ ikunu huma stess li jibgħatu l-emejl lill-persuna konċernata fil-Partit u mhux jistennew li l-votant jagħmilha hu direttament.
Dawn il-persuni jistgħu jkunu persuni żgħażagħ li għandhom livell ta’ edukazzjoni pjuttost bażika, jew saħansitra jistgħu jkunu persuni ħafna iktar esperti li jkunu jafu jmexxu diversi każi huma personalment mingħajr l-għajnuna ta’ persuni oħrajn fil-Partit.
Persuni li jirrikorru għand il-Partit jinvolvi diversi bżonnijiet, minn telefonati u komunikazzjoni ma’ Kunsilli, sa rapporti lill-Pulizija, ilmenti li jistgħu jitressqu quddiem tribunali jew l-Ombudsman kif ukoll Qrati.
Ovvjament, dan jista’ ma jkunx ir-rwol ewlieni tal-persuni mqabbdin, u l-frixa ta’ servizzi li huma jistgħu joffru jista’ jvarja skond il-ħtiġijiet taż-żminijiet.
www.lornavassallo.com
|