|
Donnhom li ċ-ċaħdiet jew il-wegħdiet tal-Partit Nazzjonalista ta’ qabel l-elezzjoni tal-2008 qegħdin kollha jiftħu paġna ġdida. Bħalma jgħid il-Malti, il-lupu jista’ jbiddel sufu iżda le għemilu.
Sa ċertu punt nistgħu ngħidu li qegħdin fi żmien li dak kollu li bżajna minnu qiegħed isir realtà. Il-poplu, m’għandniex xi ngħidu, jinsab ukoll miblugħ bl-insensittività tal-Gvern, li kull ma jaf jagħmel hu li jiddeċiedi waħdu u jwaddab ir-responsabbiltà fuq ħaddieħor, jiġifieri kull min iħallas it-taxxa.
Il-każ tal-Mistra
Eżatt qabel l-elezzjoni li għaddiet kont indirizzajt udjenza kbira Laburista Mellieħija f’attività li din il-lokalità tellgħet. Inqisu bħala l-aħħar diskors tiegħi bħala kandidata tal-Partit u żgur li se nibqa’ niftakru. Dan għax kont tkellimt b’emozzjoni kbira dwar xi ħaġa li hija verament għal qalbi: l-ambjent.
U għalhekk kien verament ta’ sodisfazzjon li nisma’ li finalment min għandu għal qalbu biss lilu nnifsu u l-perkaċċi li jista’ jdaħħal irtira mil-logħba ta’ l-ambjent. Tidher li biċċa biċċa qiegħda tissolva l-kobba ta’ nteressi fil-każ tal-Mistra.
Bħal kwalunkwe każ ieħor ambjentali dan se jħalli mpatt kbir fuq ix-xena politika ta’ pajjiżna. Iżda r-riżultati lanqas ma huma dawk mixtieqin… għallinqas s’issa. Fil-logħba tal-poter jidher li l-protagonist għadu jokkupa siġġu fil-Parlament bil-Prim Ministru kull m’għamel tebaq fommu fis-sitwazzjoni.
Iżda l-pożittiv fl-istorja huwa l-fatt li kemm il-Partit Laburista għamel rebħa kbira u ġenwina f’dan il-każ, kif ukoll l-għaqdiet ambjentali kollha li opponew l-iżvilupp.
U għalhekk, prosit lil kull min ħadem… għax fejn hemm verament ir-rieda, il-Mistra, il-Ħondoq, ir-Ramla u nħawi oħra jibqgħu verament ta’ kulħadd.
Hija ħasra wkoll u iktar milli ħasra, inġustizzja, li l-iktar persuna li ddefendiet il-Mistra, Dr Alfred Sant, spiċċa biex tilef il-poter politiku hu flok min ħadem kontra l-ambjent. Però r-realtà taf tkun ironika ħafna iktar milli nippretenduha.
It-Tarzna
Il-każ tat-Tarzna hija ħolma oħra kerha li saret realtà. Il-każ jidher li se jkun bil-wisq simili għal dak li ġara lis-Sea Malta. Il-ftehim minn taħt il-bank tal-Gvern jidher li hu li jqaċċat il-maġġoranza tal-ħaddiema ‘l barra biex min jixtri lit-Tarzna ma jkunx marbut bl-istess kundizzjonijiet tajbin li s’issa jgawdu minnhom il-ħaddiema tal-post.
L-importanti hu li kull ħaddiem jibda mill-ġdid ħalli jekk il-paga offruta ma tkunx inqas, almenu dejjem jibqa’ ċ-ċans li fil-ftehim il-ġdid il-kundizzjonijiet ikunu aktar favorevoli għall-intraprenditur. M’iniex ċerta x’tip ta’ negozjati se jsiru f’dan il-qasam. Iżda min se jixtri t-Tarzna jew partijiet minnha se jkun marbut jerġa’ jħaddem ħaddiema Maltin?
Anke l-fatt biss li milli jidher it-Tarzna kollha hija għall-bejgħ, dan juri li minn taħt il-bank hemm ftehim ieħor li l-qligħ fil-ġejjieni jkun kollu għal min se jixtri. Bħalma ġara f’kumpaniji oħra fejn il-Gvern biegħ l-ishma kollha, il-ġejjieni mhux xi wieħed imprevedibbli.
Il-Gvern ibiegħ l-ishma kollha, biex b’hekk qatt ma jista’ jkollu niskata profitt fil-ġejjieni, u fi żmien ftit snin naraw li l-intraprenditur mhux talli feda l-prezz, iżda talli beda jagħmel il-qligħ.
Wara kollox il-poplu li vvota fl-aħħar elezzjoni għażel minn jeddu li jerġa’ jtella’ Gvern Nazzjonalista u kieku llum kien hemm Gvern Laburista dan il-bejgħ ma kienx iseħħ. Donnu li l-poplu Malti qiegħed jerġa’ jissogra jsib qiegħ ieħor wara dal-qiegħ ekonomiku li diġà sibna.
Is-soprataxxa tad-dawl u l-ilma
F’dan il-kaz il-Gvern, kif għamel fl-imgħoddi, eżonera lilu nnifsu minn kwalunkwe responsabbiltà tad-deċiżjonijiet tiegħu u tefa’ l-piż kollu fuq il-poplu.
Jidher li l-Gvern huwa bla skrupli. Jidher li mhux qiegħed jagħmel ebda konnessjoni man-nefqa eċċessiva tad-Dipartimenti tiegħu, mat-telfien ta’ għadd ta’ ażjendi li kienu jirrendu, man-nuqqas ta’ fondi ta’ kontingenza li l-Gvern suppost ikollu ħalli jagħmel tajjeb għal kalamitajiet li jinqalgħu fil-pajjiż. Jiddispjaċini nassisti għall-insensittività tal-Gvern u għadd ta’ nies li jissimpatizzaw miegħu, meta naf li hemm għadd ta’ familji li qegħdin ibatu fis-skiet.
Hemm familji li mhux qegħdin ilaħħqu mal-ħajja biex jagħtu l-kwalità ta’ ħajja li jixtiequ lit-tfal tagħhom, u hemm oħrajn li addirittura qegħdin jispiċċaw biex jitkissru frott il-piżijiet finanzjarji li ma jistgħux ilaħħqu magħhom.
Iktar kemm jogħlew affarijiet essenzjali bħad-dawl u l-ilma, il-petrol u d-dijżil u l-ikel iktar qed tikber il-klassi ta’ dawk li ma jistgħux ilaħħqu mal-ħajja. Int fejn int fis-soċjetà u hi x’inhi l-paga tiegħek se tibda kuljum tnaqqas dejjem aktar il-possibiltajiet tiegħek.
L-effett huwa pjuttost simili għal dak li bl-Ingliż jissejjaħ ‘ripple effect’, jiġifieri li jixtered fuq ċrieki differenti bħal dawk ikkawżati mill-waqgħa ta’ ċagħqa fl-ilma.
Illum hawn kumpaniji kbar li għandhom idaħħlu flejjes kbar mingħand il-kredituri tagħhom.
Hawn ukoll kuntratturi li qegħdin jitħallsu bil-ġebla flok bil-flus jew b’servizzi jew materjali oħrajn li qajla jixtiquhom. Ftit żmien ilu tkellimt ma’ negozjant li qalli kemm għandu jieħu eluf mingħand kumpaniji kbar u li dawn minkejja l-eluf li għandhom jagħtu saru jħallsu bil-mijiet.
Digà qegħdin ngħixu f’soċjetà fejn il-flus huma verament xi ħaġa virtwali flok reali. L-impatt taż-żieda fis-soprataxxa tad-dawl u l-ilma kif ukoll tal-petrol u d-dijżil għad irid iħalli l-effett tiegħu mhux biss fix-xhur, iżda wkoll fis-snin li ġejjin.
U l-Gvern jibqa’ jippunta subgħajh lejna ħalli nħallsu l-piżijiet finanzjarji tal-mument.
lornav@onvol.net
|