www.l-orizzont.com  
Il-Ħamis 2 ta' Settembru 2010
  L-orizzont  
Opinjoni
Editorjal
Features
Artikli/Kontribuzzjoni
Ittri lill-Editur
Rati tal-Avviżi
Arkivji
Ikkuntattjana
  FITTEX  
 
 
  Sports  

It-tim Malti jibda l-kwalifikazzjoni
ta’ Euro 2012 illum f’Iżrael.....

Wara l-inċidenti tas-Sibt li għadda fil-Pixxina Nazzjonali:
San Ġiljan jitnaqqsulhom żewġ punti
– Sospensjonijiet u multi lil uffiċjali, plejers u klabbs.....

Schembri jiskorja.....

James Paris ma’ Sliema W. għal tliet snin.....

Il-UEFA tipprojbixxi l-użu tal-vuvuzela.....

 

 
 

 

Opinjoni
 

Tieġ, żwieġ u noli
minn Lorna Vassallo

Jidher li t-tieġ tal-Mexxej il-ġdid tal-Partit Laburista beda. Jidher ukoll li se jdum mat-tliet xhur. Issa nħarsu ‘l quddiem lejn iż-żwieġ.

Il-ferħ tat-tieġ mhux xi riċetta għall-ferħ fiż-żwieġ. Huwa b’dan il-mod li qed inħares lejn dak li qed jesperjenza kull ċittadin fil-pajjiż. Għal darb’oħra qegħdin nesperjenzaw ġrajjiet interni mqanqlin tal-Partit Laburista .

Il-Laburisti qegħdin jifirħu jew jinkeddu bi ġrajjiet interni tal-partit. Jista’ jkun ukoll li b’hekk biss qegħdin jerġgħu jingħalqu f’dinja għalihom. Jibbottiljaw lilhom infushom u jħarsu biss internament.

Naħseb li għall-ewwel darba fl-istorja nħolqot dikotomija fil-partit jew tmexxija doppja. Żewġ mexxejja dak fil-Partit u dak fil-Parlament. Dan jista’ jkun li sar mhux biss għall-esiġenza politika iżda wkoll għall-konvenjenza politika.

Konvenjenza politika li spiċċat, apparti milli tinvolvi liż-żewġ mexxejja, tinvolvi wkoll lil terzi persuni. Spiċċajna b’mirijadi ta’ rwoli: min imexxi partit, min imexxi Opożizzjoni, min iċedi kariga bħala Kap ta’ l-Oppożizzjoni u min jistenna sakemm iċedi siġġu parlamentari. L-istennija għat-twaħħid ta’ dawn ir-rwoli nemmen li ser ittul iżżejjed.

U dan jista’ jagħti skop għal aktar spekulazzjoni negattiva. Jagħti wkoll iktar ħin għal ħajk politiku lill-Partit Nazzjonalista li huwa ferm magħruf kif minn partit mifni b’irregolaritajiet tal-membri tiegħu jistenna sakemm jaħmi strateġiji biex jaħbi taħt it-tapit l-akbar dnubiet politiċi li qatt seħħew f’pajjiżna. Kap Laburista ġdid tela’ b’missjoni waħda u unika: dik li jwassal għal rebħa elettorali fl-elezzjoni ġenerali li jmiss. Din minnha nnifisha mhix se tkun ħaġa faċli.

Tinvolvi sfidi kbar. Tinvolvi taqlib intern li għalkemm il-Kap il-ġdid qiegħed jagħti x’jifhem li se jseħħ xi terremot, it-terremot s’issa għad lanqas ma jinħass ħjiel tiegħu.



Kontinwazzjoni

Kap Laburista ġdid irid joqgħod attent li ma jimitax lill-għalliem u benefattur tiegħu. Irid jitbiegħed minn l-istil tal-predeċessur tiegħu kemm jista’ jkun billi l-predeċessur tiegħu (għalkemm kellu ħafna tajjeb) ma ntlaqax sewwa mill-pubbliku. Dan irid jagħmlu konxjentement. Iżda dan mhux biżżejjed. Apparti milli jimxi b’atteġġjament differenti u ma jesaġerax, irid ukoll jibdel is-suldati li jifformawlu l-armata tiegħu.

It-talba ta’ Joseph li jibqa’ jissejjaħ b’ismu huwa attentat kbir fid-direzzjoni ta’ iktar intimità bejn il-Malti u l-politiku.

It-tagħnnieq u t-teħid b’idejn emozzjonali huma xi ħaġa li kienet (għal raġuni jew oħra) nieqsa mill-mexxej preċedenti u li xi ftit jew wisq ħalliet l-impatt tagħha. Iżda l-bidla ma tridx isseħħ biss f’hekk. Trid isseħħ ukoll fil-prattika.

Nemmen li iktar ma Joseph jidher ma’ elementi li ġibdu l-istmerrija mhux biss ta’ nies minn barra l-partit iżda minn ġewwa, iktar qiegħed jimmina l-pożizzjoni tiegħu.

L-ikbar biċċa wġiegħ ta’ ras għal Joseph trid tkun kif se joħroġ lil dawn in-nies miċ-ċirku mingħajr ma jweġġagħhom, kif se jwarrabhom mingħajr ma jwarrabhom. Ma rridux ninsew li Partit Nazzjonalista bidel ħafna mis-suldati tiegħu u għalkemm sofra ħafna telf ta’ voti fl-elezzjoni li għaddiet (iktar u iktar meta mqabbel mar-rebħ ta’ voti tal-Partit Laburista) qed jidher ukoll bħala partit pjuttost ġdid.



L-ikbar dnub

Joseph ma jrid lanqas jinsa li l-ikbar dnub tal-Mexxej, amministrazzjoni u parlament ta’ qablu huwa l-fatt li għax ġie elett demokratikament ħaseb li jista’ jirbaħ l-elezzjoni waħdu.

Iktar u iktar ma jridx jinsa li l-ikbar telf ta’ voti li sofra l-Partit Laburista fl-aħħar elezzjoni kien min-nies tal-partit tiegħu stess u mhux minn dawk li f’elezzjonijiet oħrajn ma ssimpatizzawx miegħu.

Irid jiftakar li bħalma hu fl-età ta’ 34 sena ġie appoġġjat mill-partit apertament u repetutament fl-intrapriżi kollha tiegħu fi ħdanu, hemm min għal raġuni jew oħra ġie mwarrab.

U hemm min mhux talli biss mwarrab dawn is-snin kollha li pprova jaħdem mal-partit fi rwoli differenti, iżda li issa bl-aħħar logħba ċess ta’ wara l-elezzjoni 2003 ġie eliminat totalment. Hemm min sa l-elezzjoni 2003 kellu lejn xhiex iħares ‘il quddiem, mentri issa spiċċa bla ebda mira jew ambizzjoni fi ħdan il-partit.

Bħalma ġara dejjem, speċjalment fis-settur tal-kandidati, il-partit qiegħed jerġa’ jitlef ir-riżorsi. Jidher li Joseph għadu mhux biżżejjed konxju minn dan. Veru li l-biċċa xogħol tiegħu hija kbira, iżda bil-ftit il-ftit irid joħloq niċċa għal kulħadd u jgħaddi mill-kliem għall-fatti.

Huwa għalhekk li jiena, l-ewwel waħda, qiegħda niddissassoċja ruħi mill-partit u nosserva mill-bogħod. Bħal ma diġà stqarrejt f’artikli oħrajn, għal nies bħali, għalkemm offrew ħafna lill-partit jidher li l-bibien bilkemm tbexxqu.

Kif qal Joseph stess, fejn in-nies ma jiġux huma, irridu mmorru aħna. U fejn għal ċertu nies il-bibien tal-partit s’issa qatt ma nfetħu minkejja l-isforzi ġenwini tan-nies, irid ikun hu li jiftaħomlhom. U jrid jiftaħhom verament. Il-bidliet ma jridux ikunu biss kosmetiċi. Kważi kważi aħjar naħdmu minn wara l-kwinti (kif wara kollox jidher li għamel ħafna l-Partit Nazzjonalista fl-aħħar elezzjoni) u naħdmu ta’ veru milli naħdmu ħafna għar-ritratti u l-verità tkun differenti.

Iż-żmien jagħtina parir. Fl-ewwel ġranet ta’ Joseph qed nara ħafna rieda tajba u enerġija ta’ min irid jipprova lilu nnifsu. Iżda qed nara wkoll li l-Partit qajla se jitbiddel għal ċertu nies. Bħal fin-noli jista’ jkun li l-mexxej se jitgħammed u jagħlaq għajnejh u jgħajjat “min hu barra barra u min hu ġewwa ġewwa”. Fis-skiet nistennew it-terremot.

Ikkummenta dwar dan l-Artiklu Fuq

Artikli oħrajn fis-sezzjoni Opinjoni
·  Għaliex int?
·  L-immigranti u l-GWU
·  Il-klieb ta’ Napuljun
·  Il-ġid jinħoloq bix-xogħol u l-impjiegi
·  Il-qerq tas-sħubija fl-Unjoni Ewropea
·  L-UE għandha tikkriminalizza l-immigrazzjoni illegali


IT-TEMP - 2/9/2010
Rapport tat-Temp:  Il-bicca l-kbira msahhab bix-xita u bir-raghad
Temperatura: 
L-ogħla: 31°C
L-inqas: 21°C

Riħ:  Xlokk 10-20 kph
Għall-aġġornament tat-temp agħfas hawn.