|
Wara kull persuna ta’ suċċess għandek issib mill-inqas persuna oħra li jkollha mertu daqsha jew kważi f’dak is-suċċess. Il-Mexxej il-ġdid Laburista, li minn hawn nieħu l-okkażjoni biex nifraħlu u nawguralu, m’huwiex eċċezzjoni. Fost ħafna nies li hemm wara s-suċċess ta’ Joseph, mingħajr ma jieħu għalih ħadd, bla dubju l-aktar persuna influwenti kienet martu Michelle.
Lil Michelle, minħabba relazzjoni familjari, ili nafha madwar 30 sena. Kienet għadha tifla bil-kemm rifset l-għatba ta’ l-iskola. Konna nqattgħu s-sajf ngħumu fil-bajja tal-Fekruna, b’missierha Michael iħassrilna l-gost tal-vaganzi għax il-ħin kollu jfakkarna li l-qari u l-istudju m’għandhomx vaganzi. Jien, l-aktar tifel imfarfar mit-tfal kollha li konna nkunu fil-kamra tas-sajf tiegħu, kont l-aktar wieħed li nobdi. Imma għax kont drajtu li jekk nobdi kien hemm premju lest għalina… dawra bil-luzzu tiegħu sal-Gżejjer ta’ San Pawl.
Imbagħad għadda ż-żmien u lil Michelle rajtha taħdem fil-Partit, fejn saret taf lil Joseph. Dak iż-żmien kont is-Segretarju tas-Sezzjoni Kandidati tal-Partit. Kienet tagħti daqqa t’id kull fejn meħtieġ. U kull ma tagħmel, tagħmlu sew. Għax taf xi trid tagħmel u taf kif għandha tagħmlu sew. Hija persuna enerġetika, determinata u attenta. U bil-personalità tagħha tiddomina uffiċċju u tistimola lil kull min ikun magħha u viċin tagħha.
Michelle m’hijiex biss, u mhux se tkun biss, il-mara li tappoġġja lil żewġha. Li tagħmillu kuraġġ. U li takkumpanjah soċjalment fejn hemm bżonn. Imma hija spalla politika soda. Għaliex apparti li hija akkademikament dotata, hija wkoll persuna li l-politika tafha sew.
F’dan il-mument hekk sabiħ f’ħajjitha, imma fuq kollox mument sabiħ ukoll għall-Partit tagħna, nixtieqha tippermettili pubblikament nitlobha tibqa’ dejjem attenta fuq żewġha. Ma titilqu qatt minn taht għajnejha. Biex ma jkunx hemm min ikun ta’ xkiel għalih u għal dak kollu li jirrappreżenta. Toqgħod attenta li ma jkun hemm ħadd, anki jekk l-intenzjoni tiegħu jew tagħha ma tkunx dik, li b’għemilu jew bil-preżenza tiegħu ixekkel lil Joseph mill-għan ewlieni tiegħu li jwassal lill-Partit u lill-pajjiż għal staġun politiku tassew ġdid.
Persważ li dan se tagħmlu, u se tagħmlu b’suċċess.
Pawlu u l-Ħondoq
Għal ħafna żmien Paul Buttigieg, il-Kunsillier Laburista tal-Qala, seta’ ħassu mħolli waħdu jimbotta ‘l quddiem il-kampanja kontra l-qerda ta’ l-isbaħ bajja f’Għawdex, Ħondoq ir-Rummien. Però ħaġa ta’ l-iskantament, aktar ma beda jsib xkiel ma’ wiċċu Pawlu kien beda aktar iżid fid-determinazzjoni tiegħu, anki meta dan l-ixkiel beda ġej minn nies li tant kien qed jistenna appoġġ minnhom. U fejn ħaddieħor seta’ faċli jaqta’ qalbu, Pawlu beda aktar iżid fil-kuraġġ li jippersisti sa l-aħħar.
Niftakar konna flimkien Brussels għal żjara politika qasira u fil-ftit jiem li għamilna hemm irranġa, bl-għajnuna ta’ dak li llum hu l-Mexxej ġdid Laburista, laqgħa ma’ l-istaff ewlieni tal-Kummissarju Ewropew għall-Ambjent u ppreżentalhom ruxxmata dokumenti dwar il-każ. Niftakar li tant kien sodisfatt bih innifsu dak in-nhar li stajt nara f’għajnejh li ftit kienu dawk l-okkażjonijiet oħrajn f’ħajtu, apparti episodji ta’ natura personali u familjari, li tawh sodisfazzjon daqshekk.
Erġajt ftakart f’Pawlu din il-ġimgħa meta waqt il-programm “Dissett” Joseph Muscat esprima ruħu totalment kontra l-iżvilupp ta’ Ħondoq ir-Rummien. U stajt, nilmaħ mingħajr ma kien quddiemi, wiċċ Pawlu sodisfatt hekk kif dlonk intebaħ li m’għadux aktar leħen solitarju fid-deżert.
Is-Sinjura Daphne
Is-Sinjura Daphne, li jien u għaddej nikteb għaddej f’konflitt intern jekk għandix noqgħod naħli ħin u spazju fuqha, nhar il-Ħamis għoġobha tikteb artiklu mill-aktar baxx u dispreġjattiv fuq il-Mexxej il-ġdid Laburista meta dan lanqas kien ilu ġimgħa f’postu. Immaġinaw naqra f’ġimgħa dan x’seta’ għamel biex inkurlaha daqshekk.
Għandha kull dritt tikteb li trid, biex niftehmu. Imma l-qarrejja tagħha għandhom dritt daqsha li jkollhom l-intelliġenza tagħhom rispettata wkoll. L-inqas li wieħed kien jistenna minna hu li tkun prudenti, tistenna ftit taż-żmien u l-analiżi tagħha fuq il-persuna tal-Mexxej il-ġdid u l-operat tiegħu tagħmilha meta dan ikun sab saqajh u telaq bil-ħidma tiegħu. Li jfisser allura li la kienet daqshekk imprudenti, il-mara kitbietha hija iddettata biss minn mibegħda għal dak kollu li hu Laburista. U li kieku minflok Joseph Muscat fit-tmun tal-Partit tela’ Papa Benedittu, għalih kien ikun hemm riservat l-istess referenzi baxxi u odjużi li kellha maħżunin għal Muscat.
Li jwassalni allura għal dak li rrid nasal għalih. Appell lill-Editur ta’ The Malta Independent. Sur Editur, tajjeb li lili l-ewwel wieħed, u lil ħafna oħrajn bħali, tilluminani ftit jekk tali kitbiet immaturi u prematuri għandhomx il-barka tiegħek. Tajjeb tilluminani ftit ukoll jekk huwiex il-gost u l-pjaċir tiegħek li tħallas artikolista l-belli liri biex toqgħod toħroġ il-velenu fil-konfront tan-nies u tweġġa’ s-sentimenti ta’ dak li jkun b’artikli barra minn lokhom. La darba nkun illuminat, inkun f’pożizzjoni nasal għad-deċiżjoni jekk għandix nibqa’ nonfoq 37 ċenteżmu kuljum biex bihom jitħallas xi ħadd li quddiem l-istedina sinċiera ta’ Muscat biex il-politika nagħmlu minnha konfront nadif ta’ ideat u ħsibijiet, jirreaġixxi b’dak l-aktar mod pastaż u vulgari.
|