www.l-orizzont.com  
It-Tnejn 8 ta' Frar 2010
  L-orizzont  
Opinjoni
Editorjal
Features
Artikli/Kontribuzzjoni
Ittri lill-Editur
Rati tal-Avviżi
Arkivji
Ikkuntattjana
  FITTEX  
 
 
  Sports  

BOV Premier League:
Sliema W...3 Floriana...0
- Sliema W. jikkundannaw lil Floriana fir-Rel. Pool.....

BOV Premier League:
Msida SJ ...1 Birkirkara...2
- Birkirkara jdawru r-riżultat b’żewġ gowls f’żewġ minuti.....

UEFA Euro 2012:
Żewġ avversarji ġodda għal Malta.....

Schembri ma’ Ferencvaros.....

Il-15-il sena anniversarju mill-ftuħ tal-klabb fil-Mosta:
Alan Kennedy il-mistieden speċjali ta’ Liverpool SC - Malta.....

Tigrijiet taz-zwiemel:
Il-favorit Think Yatzee ma jfallix fl-aqwa finali.....

 

 
 

 

Opinjoni
 

Il-qassis xellugi
minn Patri Gwann Xerri jitkellem ma Gaetano Micallef

Il-ħatra ta’ l-Isqof Fernando Lugo bħala l-President il-ġdid tal-Paragwaj kienet waħda storika mhux biss għax qassis irnexxielu jieħu t-tmexxija ta’ pajjiżu imma għax huwa wieħed minn sensiela ta’ mexxejja li telgħu bl-għajta tal-ġustizzja soċjali.

Patri ĠWANN XERRI, Dumnikan li ilu s-snin jgħix fl-Amerika Latina, jitkellem ma’ GAETANO MICALLEF dwar il-qawmien tal-movimenti xellugin f’dan il-kontinent.



Għaliex taħseb li l-moviment xellugi għadu b’saħħtu fl-Amerika t’Isfel mentri f’kontinenti oħrajn m’huwiex?

Għax il-lemin falla. In-nuqqas ta’ forma alternattiva għall-kapitaliżmu wassal biex dan sar l-eġemonija globali. L-Amerika Latina hija prova li dan il-kapitaliżmu eġemoniku falla. U falla għax il-faqar fl-Amerika Latina kiber. Meta kont tifel kellna l-idea li l-faqar kien endemiku jiġifieri li qisu xi marda ġejja min-natura … li m’hawnx ikel biżżejjed għal kulħadd. Dawk kienu s-snin 50. Allura l-unika soluzzjoni biex ma jkunx hawn faqar kienet li nnaqqsu n-numru ta’ dawk li jixtiequ jieklu billi jiġu kontrollati l-popolazzjonijiet.

Fis-snin 60 u 70 din it-teorija spiċċat. Illum m’hawn l-ebda ekonomista li jgħid li d-dinja m’għandhiex riżorsi biżżejjed biex titma’ l-ħluq li għandha. Tant hu hekk li fis-snin 70 u 80 il-ġid fid-dinja kiber b’mod immaġinabbli. Min għandu 60 sena bħali jaf li f’Malta ma kienx hawn is-sinjuri li hawn illum. Minn fejn saru dawn is-sinjuri?

Anke l-Amerika Latina kienu jgħidu li hija fqira għax m’għandhiex ġid biżżejjed. Taħt is-sistema kapitalista l-Amerika Latina kabbritu l-ġid. B’mod enormi. Imma ma tqassamx. Mela mhux għax m’hemmx ikel għal kulħadd imma għax dan qiegħed f’idejn il-ftit. U din hija l-ekonomija mondjali … ekonomija li ma taħsibx f’kulħadd.

U hawnhekk jidħol ix-xellug. Huwa l-għajta ta’ min qed jgħid “din is-sistema tkabbru l-ġid imma ma tqassmux”. Kif kien qal il-Papa Ġwanni Pawlu II fil-Messiku, spiċċajna “b‘sinjur dejjem iktar sinjur à spejjeż tal-fqir dejjem iktar fqir”. Tant li waqt li f’Malta titkellmu fuq in-nies li baqgħu lura għalina, għal dawk li jgħixu fl-Amerika Latina din hija ereżija. Aħna nitkellmu fuq nies li twaqqgħu lura. Mhux li baqgħu lura qisu tort tagħhom. Din is-sistema ma tikkontemplax lil kulħadd. M’hawn l-ebda ekonomista modern li jikkontempla lil kulħadd. Hija ekonomija li tagħmel is-sinjur iktar sinjur.

U llum daħlet domma oħra: li qisu l-ekonomija kapitalista qisha kollox. Hawn min jaċċetta li jkun hawn dubju dwar l-eżistenza t’Alla imma ma jaċċettax li jitqajjem dubju dwar il-kapitaliżmu. Mhux biss il-kapitaliżmu sar intokkabbli imma anke l-Unjoni Ewropea. Qisu għa-milhom Alla mhux il-bnedmin.

Il-kapitaliżmu sar responsabbli mill-ekonomija dinjija imma meta x’imkien tmur xi ħaġa ħażin ma jħallasx il-prezz hu. Jekk fi żmien il-kolonjaliżmu xi ħaġa kienet tmur ħażin u man-nies tal-pajjiż kienu jbatu wkoll il-ħakkiema, illum ibatu biss in-nies tal-pajjiż

Ħu l-Arġentina fl-2001. Kull sitt xhur il-Fond Monetarju Internazzjonali (IMF) kien jgħid li l-pajjiż kien xempju ta’ kif kellhom isiru l-affarijiet mill-aspett ekonomiku. Falla l-pajjiż u min ħallas għalih? L-Arġentini biss. L-IMF ma ħallas xejn. Mela għandek kapitaliżmu iktar ħieles minn żmien il-kolonjaliżmu. Jgħidlek x’għandek tagħmel, jobbligak biex tagħmlu, imur ħażin u tħallas għalih inti.



Imma kif tispjega l-fatt li għalkemm ma taħsibx f’kulħadd is-sistema kapitalista għadha b’saħħitha?



Il-fatt li xi ħadd huwa b’saħħtu ma jfissirx li huwa tajjeb. Dik xi ħaġa li tridu tikkritikawha Malta. Dik waħda mid-dommi tal-kapitaliżmu: li jekk nirbaħ għandi raġun u tajjeb … li jekk int tlift mela int ħażin. Ma jfissirx li jekk jien nirbaħ mela bilfors għandi raġun. Illum jekk xi ħaġa tħalli l-qliegħ titqies minn ħafna bħala tajba mentri jekk xi ħaġa ma tagħmilx il-qliegħ qisha ħażina fiha nnifisha.



X’taħseb fuq mexxejja bħal Lula tal-Brażil, Morales tal-Bolivja u Chavez tal-Venezwela li għall-inqas fid-deher jidhru li qegħdin iqajmu l-prinċipji xellugin?

L-ewwelnett mhux kollha ġew mill-istess oriġini. Chavez ġej minn fuq għal isfel fis-sens li kien hu li waqqaf il-partit tiegħu. Anke jekk fl-Ewropa jipprovaw iwaqqgħuh għaċ-ċajt huwa bniedem importanti għax għandu l-flus u ħafna żejt u qed joħloq spazju għal ċaqliq fin-negozjati dwar bejgħ taż-żejt.

Lula ġej minn taħt għal fuq fis-sens li huwa ħaddiem u wild il-unjins li ġġieldu kontra d-dittatura militari fil-Brażil. Iktar popolari minnu huwa Morales fejn fil-każ tiegħu għandna għall-ewwel darba fl-istorja ta’ l-Amerika Latina indiġenu li tela’ fil-poter.

Dejjem ivvotajt Lula imma għandi ammirazzjoni kbira għal Morales. Għax jekk Lula kien bidla kbira għall-Brażil, Morales huwa ħafna iktar.



Kemm huma xellugin? Kemm jiġġieldu favur id-drittijiet tal-foqra?

Lula għażel l-istrateġija li lili ma tantx togħġobni imma li trid tħares lejha minn lenti ta’ persuna fil-gvern. Għażel il-prinċipju tal-governabilità. Jiġifieri ried jiggverna l-perjodu kollu u ried joħloq l-immaġini li ħaddiem jista’ jiggverna. Għax kif tela’ kien hemm min qal li ma kienx se jsaddad.

Allura biex ma jispiċċax bħall-Italja, fejn inħolqot l-idea li x-xellug mhux kapaċi jiggverna, Lula għażel li biex jiggverna għal erba’ snin joħloq alleanzi. Issa biex tagħmel dan trid iċċedi d-drittijiet. U resaq lejn iċ-ċentru. Imma daħħal proġetti għat-tqassim tal-ġid u fil-fatt dawk li tellgħuh għat-tieni darba kienu l-fqar. Il-faqar naqqsu imma l-ġid tal-kbar le.

Min-naħa tagħhom Chavez u Morales attakkaw il-ġid tas-sinjuri u għalhekk daħlu f’battalji nazzjonali u internazzjonali …



Sinjuri li saru hekk à skapitu tal-fqir?

Bil-fors. M’hemmx mod ieħor. Ma nistennix li l-ġid jitqassam ugwalment bejn kulħadd imma mhux min lanqas jaf x’għandu u min m’għandu xejn. Kif jista’ jkun ma jkunx hemm riforma ta’ l-art fil-Bolivja? Kif jista’ jkun ma jinbidlux il-ftehim li saru b’qerq ma’ ċertu kumpaniji taż-żejt fejn il-prezzijiet huma favorevoli għall-kumpaniji multinazzjonali?

Ħu l-President il-ġdid tal-Paragwaj li kien isqof… bilfors irid ikollu xi jgħid ma’ ċertu multinazzjonali taż-żejt jekk irid itejjeb il-qagħda tal-fqar. Għax hemm ftehim li d-dawl li jiġġenera l-pajjiż ma’ pajjiżi ta’ madwar jinbigħ “at cost price”. Tajba, mela l-fqir irid jgħin lis-sinjur imma s-sinjur le!

Ara r-rapport fuq l-għajnuna Ewropea lill-Afrika ħalli tara min qala’ l-iktar! L-Ewropa stess! Taf x’inhija l-iktar ħaġa li tiġi esportata mill-Amerika Latina għall-Istati Uniti u l-Ewropa? Flus. Qligħ li kumpaniji internazzjonali jagħmlu. U fil-każ ta’ Morales ma waqax diġà għax il-gvernijiet ta’ madwaru ma jaċċettawx kolp ta’ stat f’dan il-mument. Għax is-sinjuri ma jriduhx li jagħti l-artijiet lill-foqra u jqassam il-ġid mal-foqra.



Għaliex fl-Amerika Latina ħarġu ħafna qassisin li tkellmu fil-miftuħ favur il-foqra?

L-ewwelnett anke fl-Afrika kien hemm ħafna qassisin li għamlu hekk. Speċjalment fi żmien l-Apartheid. Ma tantx nisimgħu bihom għax id-dinja ta’ l-Amerika Latina hija iktar Kattolika u għalhekk iktar nisimgħu biha.

Tinsix li fis-snin 50 fl-Ewropa ħafna mill-qassisin li mbagħad marru l-Amerika Latina kienu qegħdin jistudjaw fl-Ewropa. Il-ġlieda tal-Knisja Kattolika kontra l-faqar teoretikament twieldet fl-Ewropa. Kienet fl-Ewropa li twieldet it-tradizzjoni tas-Soċjaliżmu Nisrani jew l-Insara Soċjalisti.

Għalhekk fis-snin 60 ħafna saċerdoti reliġjużi mill-Ewropa u l-Amerika ta’ Fuq marru lejn l-Amerika Latina b’dawn l-ideat. Kien żmien meta nqlajna mill-idea li l-faqar ma jistax jinbidel. Dak iż-żmien konna nemmnu li l-faqar seta’ jispiċċa. Kien żmien ta’ ottimiżmu kbir. Kif kien jgħid il-Papa Ġwanni XXIII, “kollox huwa possibbli”.

Jien mort fl-1974 bl-ideat tiegħi. Għall-ewwel taħseb li n-nies huma fqar għax għadhom lura. Imma tirrealizza li dawn jaħdmu u jirsistu. U tibda tistaqsi għaliex. Għall-ewwel kont ngħid “ħa nieħu paċenzja quddiem din is-sitwazzjoni”. Imma kemm se ddum hekk? U dak li ġara fl-Amerika Latina … inqatgħet l-idea tal-paċenzja.

Ebda isqof ma jgħid lin-nies “ejja nieħdu paċenzja nbatu issa bħal Ġesù biex ’il quddiem inqumu bħalu”. Dak id-diskors sparixxa. Għal ħafna snin ma smajtux dan id-diskors. Sfortunatament reġa’ beda dieħel minn ċertu movimenti Kattoliċi li anke jeżistu f’Malta. Għadu ma wasalx għal ras il-Knisja. U nispera li le għax fl-aħħar mill-aħħar din hija t-teoloġija tal-kapitalżmu … li min għandu l-ġid, is-saħħa, it-tfal u l-età huwa mbierek minn Alla.

Kienet l-esperjenza reliġjuża li ġiegħlitna nfittxu mod ieħor kif nifhmu r-realtà. Jekk nemmen li Alla huwa mħabba u nara n-nies ibatu l-ġuħ mela hemm xi ħaġa ħażina. Liema se nbiddel? L-esperjenza reliġjuża li Alla huwa mħabba? Jew kif naqra, ir-realtà? Kien hawn li ħafna reliġjużi qalbu l-ħsieb għax-xellug kif janalizzaw is-soċjetà.



Tara x-xellug bħala l-leħen tal-fqir?

Ma kienx il-leħen tal-fqir imma l-ħabib tal-fqir. L-ewwel sar dak li rrid ngħin u mbagħad il-ħabib tiegħi. U ħabib tiegħek ma tridux jibqa’ jbati. Qatt ma qist lili nnifsi l-kelliem tal-fqir. Imbagħad fl-Amerika Latina l-fqar tkellmu għalihom infushom.



X’futur għandu x-xellug f’dinja fejn qiegħda tirrenja s-sistema kapitalista?

It-tħassib tiegħi m’huwiex x’futur għandu x-xellug imma x’futur għandu l-fqir. Kieku ma jibqgħux jeżistu foqra u ma jibqax jeżisti x-xellug ma jimpurtax. Il-mistoqsija tiegħi hija x’futur għandhom dawk li din l-ekonomija ma tinkludihomx.

Jekk jispiċċa l-faqar mhux biss tkun rebħa għax-xellug imma rebħa għall-fqir innifsu. Din mhux xi logħba futbol … jekk jirbaħ xi ħadd ikun tilef xi ħaddieħor. Jekk jirbaħ il-fqir tkun rebħet l-umanità kollha.


Ikkummenta dwar dan l-Artiklu Fuq

Artikli oħrajn fis-sezzjoni Opinjoni
·  Faqar
·  Wara l-prosit l-ajma
·  Dun Mikiel Azzopardi
1910 – 10 ta’ Frar – 2010


IT-TEMP - 8/2/2010
Rapport tat-Temp:  Ftit imsahhab b'waqtiet sbieh jew xemxin
Viżibilit:  Tajba
Temperatura: 
L-ogħla: 15°C
L-inqas: 09°C

Indiċi UV:  2
Riħ:  Ftit qawwi ghal qawwi mill-Majjistral li jsir moderat mill-Punent sa filghaxija
Baħar:  Qawwi li jsir moderat ghal ftit qawwi
Temperatura tal-baħar:  16°C
Għall-aġġornament tat-temp agħfas hawn.