|
Bħalissa, il-Partit La- burista jinsab fiż-żmiental-pultruna. Ngħidlu żmien tal-pultruna għax huwa żgur żmien ta’ riflessjoni. Iżda mhux biss. Huwa wkoll żmien tal-pultruna għax kulħadd jitkellem fuq l-affarijiet mingħajr ma jaġixxi jew jieħu azzjoni dwarhom (kemm jekk għaddew kemm jekk ġejjin) u barra l-kuntest tagħhom. Ħafna teoriji fl-arja u ftit li xejn azzjoni. Kulħadd irid jgħid tiegħu mentri mill-ikbar wieħed sa l-iżgħar wieħed, ħadd ma għandu l-poter li jaġixxi għax maqbud f’vacuum ta’ qabel għażla importanti.
Il-Kummissjoni tar-Rapport tat-Telfa dehret li għamlet lista sħiħa tal-persuni kollha li ħadmu fuq quddiem għall-partit dawn l-aħħar ħames snin. U attakkathom kollha. Bir-riżultat ukoll li kull min ħadem għall-partit s’issa jista’ jħossu urtat fi gradi differenti. Kif jgħid il-Malti: “Ikbar m’int ikbar ħtijitek”. U hekk hu. Iżda naħseb li jekk wieħed ifittex sewwa, kull min għamel xi ħaġa ġie kkritikat dwarha. Min ma għamel xejn biss ma ġiex ikkritikat.
Tqajjem saħansitra dubju dwar il-kredibilità tar-rapport u jekk hux immirat biex jattakka ċerti nies iktar minn oħrajn. U dan seta’ jħawwad l-imħuħ. Għalkemm is-suspetti mqajmin jidhru ‘prima facie’ suspetti raġonevoli għall-aħħar u nemmen li min ġie maqrus għandu jgħid ajma.
Il-fatt huwa però li min fassal ir-rapport ma kien qatt protagonista fil-mumenti reali u qed jitkellem komdu minn fuq il-pultruna.
Iżda mir-rapport joħorġu ħafna spunti validissimi ta’ kif wieħed għandu jmexxi partit għar-rebħa. Huwa għalhekk ukoll li ta’ min wieħed ifaħħru.
L-ikbar sfortuna f’dan kollu hu l-fatt li l-aħħar amminis-trazzjoni u tmexxija kienet ftaħret ferm fuq il-bżonn li nieħdu ħsieb l-għeruq tal-partit. Spiċċajna biex kabbarna l-friegħi (għax ksibna voti li tradizzjonalment ma kinux Laburisti) u nixfulna l-għeruq. Jiddispjaċini ngħid li l-istess għajta ta’ l-2003 hi dik ta’ l-2008. Minnu nnifsu dan juri li dik ta’ l-2003 ma twettqitx.
Hu għalhekk li issa qegħdin nerġgħu nisimgħu l-istess diska jew naraw l-istess film. U dan sforz il-fatt li minkejja l-ħafna kliem tal-pultruna ta’ dak iż-żmien u ambizzjonijiet li setgħu kienu ferm ġenwini, l-inklussività ma twettqitx.
Huwa għalhekk li iktar milli x’jgħidu l-kontestanti kollha għall-karigi tat-tmexxija u amministrazzjoni, ewlieni fosthom ovvjament il-Mexxej, l-importanti hu xi jwettqu. Jekk inħarsu lejn l-istorja ta’ kull kandidat ma rridux inħarsu biss lejn l-attività bħala attività waqt il-kampanja elettorali tagħhom, iżda kemm irrikonoxxew l-għeruq fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum. U mhux kemm jafu jippridkaw bi kliem sabiħ dwar l-inklussività, id-deċiżjonijiet minn isfel għal fuq u l-għeruq, u l-għaqda iżda kemm fil-fatt bl-aġir tagħhom qegħdin jilħqu ‘l isfel u kemm jistgħu qatt iġibu għaqda vera. Fil-konferenzi straordinarji ta’ dawn iż-żminijiet inħossni qisni qed nara film li diġà rajt. Film li ftit li xejn għoġobni fil-passat. Wara kollox, kif għedt, ħadd mhu daqshekk ħażin u ħadd ma jistħoqqlu daqshekk kritika. Kien film li ma għoġob-nix fil-passat u ħallieli togħma ħażina. Iżda film li se jkolli ner-ġa’ nara bla ma rrid. L-inqas ħaġa li nixtieq hi li jkolli nerġa’ narah ħames snin oħra.
L-inklussività trid verament titwettaq u r-riżorsi jridu verament jiġu ottimizzati. Partit Laburista ġdid għandu verament iħalli lil kull min jixtieq jaħdem fi ħdanu jaħdem. U l-għeruq għandhom huma wkoll jitħallew jaħdmu għax jekk ma jaħdmux huma żgur li jmut iz-zokk. Tmexxija ġdida għandha verament tappella għall-għeruq tal-partit, speċjalment dawk li qegħdin imutu bil-ftit il-ftit, ħalli l-partit jerġa’ jwarrad u jagħmel il-frott tant bżonjuż.
|