|
Id-delegati Laburisti jin-sabu fil-proċess li jagħżlu l-Mexxej il-ġdid tagħhom. L-għażla ta’ Mexxej ġdid qatt m’hija faċli. Bħalissa ħafna delegati u anke membri u votanti Maltin forsi qegħdin iħarsu lejn l-attributi differenti li kull mexxej prospettiv għandu/ha.
Iżda nemmen li l-għażla tista’ tkun waħda ferm iktar sana jekk f’dan il-kuntest id-delegati jieħdu l-perspettiva negattiva aktar milli dik pożittiva. Billi telimina dak li jista’ jkun negattiv, tispiċċa biss bil-pożittiv. Jista’ jkun li kif jgħidilna l-qawl Malti: “Għandna naħsbu fil-ħażin, ħalli t-tajjeb ma jonqosx.”
Id-delegat għandu jżomm f’moħħu li għall-votant dak li jidher, huwa ferm iktar importanti minn dak li hu. Dan urietu biċ-ċar l-aħħar elezzjoni ġenerali. Il-maskra hija ferm aktar importanti mir-realtà. Għall-Maltin, speċjalment kif mitmugħin bil-makna tal-kritika Nazzjonalista, huwa iktar importanti li tidher anġlu milli li tkun anġlu. Għalhekk, kandidat li għandu intenzjonijiet ħżiena jew li jmexxi ħażin, iżda li jipproġetta lilu nnifsu bħala mexxej tajjeb, huwa aktar validu minn kandidat li għandu d-doni kollha iżda li jagħti lok għall-kritika.
Għalhekk jista’ jkun li, aktar milli nħarsu lejn x’għandu l-kandidat, imissna nħarsu lejn x’m’għandux. Biex inkun iktar preċiża, iktar milli x’attributi għandu, x’difetti m’għandux. Iktar milli x’imgħoddi għandu, x’imgħoddi m’għandux. Iktar milli lejn x’għamel, lejn dak li m’għamilx. Iktar milli lil min appoġġja, lil min m’appoġġjax. X’pass m’għamilx, iktar milli x’pass għamel. Fejn ma kienx preżenti, iktar milli fejn kien preżenti. Fejn ma qabilx, iktar milli fejn qabel. Fejn ma qagħadx lura, iktar milli fejn qagħad lura.
Il-makna tal-propaganda jew kritika Nazzjonalista bħalissa diġà qiegħda taħmi l-punti ta’ kritika dwar kull kandidat li jista’ possibbilment isir Mexxej. Għalhekk, huwa importanti li min fil-fatt isir Mexxej, ikun dak li l-inqas jista’ jiġi kkritikat.
Jekk imbagħad inħallu lill-istorja tagħtina parir, insibu li fil-persuna ta’ Dr Alfred Sant kien hemm ukoll iż-żejjed. Kien bniedem kolt u barra milli mexxej, kien ukoll artikolista u kittieb. Il-makna tal-kritika tal-Partit Nazzjonalista dawret dan bħala vantaġġ tagħha u sostniet kemm fil-widnejn ta’ l-elettorat kif ukoll fil-gazzetti li l-Mexxej Laburista tajjeb għall-kittieb iżda mhux għal politiku. Fil-kultura u abbiltà tajjeb li l-Mexxej il-ġdid, għalkemm ikollu ħafna kapaċità politika, din tkun l-unika kapaċità tiegħu. U għalhekk f’dan ir-rigward in-nieqes huwa aħjar miż-żejjed.
Jista’ jkun li kwalità oħra ġdida li għandu jkollu Mexxej ġdid hija dik li joqgħod lura milli jgħid ċertu kliem jew milli fil-fatt joħroġ f’forma ta’ kitba ċertu proposti. Jista’ jkun li l-makna tal-kritika Nazzjonalista taħdem aktar kontrik, iktar kemm int tagħtiha x’tikkwota u x’tistudja.
Jidher ukoll li fattur ieħor li għen lill-Partit Nazzjonalista jibqa’ fil-Gvern kien dak li n-nies ma kinux jafu, iktar milli dak li jafu. Jew aħjar x’m’emmnux milli x’emmnu. Każ ċar kien dak tal-Membru Parlamentari Pullicino Orlando fejn ħafna partitarji Nazzjonalisti għadhom sal-lum ma jafux il-verità jew mhux kollha jew jekk jafuha ma jammettuhiex. U dan japplika anke inġenerali. Jekk għandek nofs il-popolazzjoni ma laqathiex il-qgħad u dawn mhux iħossu din il-problema u ma jafux biha, għalihom qisha ma teżistix.
L-aħħar elezzjoni wriet ukoll li ħafna mill-Maltin jaħsbu aktar fihom infushom milli fil-pajjiż. Dan jixhduh il-pjaċiri kollha personali ta’ qabel l-elezzjoni li kienu dawk il-ftit voti li għenu biex reġa’ għandna fil-Gvern il-Partit Nazzjonalista, zopp kemm hu zopp.
Huwa għalhekk li l-Mexxej ġdid Laburista li lest li jmexxi l-partit fi żmien ta’ konsumeriżmu sfrenat, jaħseb iktar fl-individwu milli fid-dejn tal-pajjiż. Għalih għandu jkun iktar importanti li Ġolu u Peppi sabilhom xogħol, milli li jkun hawn qgħad baxx f’Malta. Min-naħa l-oħra jidher ċar ukoll li għall-Maltin l-interessi personali huma ferm iktar importanti minn xi prinċipji politiċi.
Fl-opinjoni umli tiegħi jidher ċar ukoll, mill-aħħar elezzjoni, li l-poplu vvota favur in-nuqqas ta’ trasparenza politika u n-nuqqas ta’ konsultazzjoni. Dan minħabba l-fatt li l-Partit Laburista ddiskuta fit-tul u apertament mas-sħab soċjali u għaqdiet kollha konċernati. Il-Partit Nazzjonalista sfida l-isħab soċjali u qanqal protesti u rabja kbira f’bosta setturi. Iżda jidher ukoll biċ-ċar li nnegozja kif kellu jinnegozja minn taħt il-mejda.
L-ikbar prova ta xejn ħlief ir-riżultat ta’ l-elezzjoni nnifisha. Huwa għalhekk li nemmen li l-Malti jħossu aktar onorat jekk għidtlu l-affarijiet b’mod sigriet (u għalhekk ittrattajtu aħjar minn ħaddieħor u forsi anke parti miċ-ċirku ta’ ġewwa) milli li ttrattajtu bħal kulħadd u tajtu l-istess attenzjoni.
Forsi wieħed għandu anke jieħu inkonsiderazzjoni jekk il-Mexxej il-ġdid jappellax jew idejjaqx mhux biss lil min hu Laburist jew fil-kuntest tal-petizzjoni li tressqet dan l-aħħar quddiem il-konferenza ġenerali straordinarja, lid-delegat, iżda wkoll lil dak li mhux Laburist. Dan mhux neċessarjament ikun Nazzjonalist iżda jista’ jkun ukoll ‘floater’.
Iktar milli jrid jappella, forsi lil min ivvota fl-aħħar elezzjoni, iktar irid jappella lil min ma vvotax fl-aħħar elezzjoni. Dawn setgħu kienu eks-Laburisti jew eks-Nazzjonalisti, iżda huma x’inhuma, din id-darba kienu parti sostanzjali tal-vot tal-poplu.
Iżda, għal darb’oħra b’referenza għal dik li qiegħda nsejjaħ bħala makna ta’ kritika tal-Partit Nazzjonalista, għalhekk finalment irridu wkoll nistaqsu iktar fejn mhux se jattakkawh għax ma jistgħux jattakkawh, iktar milli fejn jistgħu jattakkawh.
Wara kollox, iż-żewġ partiti l-kbar, bħall-elementi tal-ying u l-yang, għandhom destin li huwa wkoll intrinsikament marbut wieħed ma’ l-ieħor. Il-wieħed ma jistax jgħix mingħajr l-ieħor u għalhekk sa mit-twelid, Mexxej ġdid jekk irid jintagħżel b’għaqal, irid ikun ukoll ikun imwieled biex minnu nnifsu jiżloq minn kundanna ta’ kritika li żgur li hemm diġà lesta għalih.
Forsi meta nikteb hekk nista’ nidher jien in-negattiva jew li m’għandix raġun. U jista’ jkun li jien stess inkun qiegħda mmur kontra dak li nemmen fih – għax wara kollox – kif għedt hawn fuq, huwa proprju l-Partit Nazzjonalista l-ikbar prova li dawn l-affarijiet aħjar ma tgħidhomx milli tgħidhom. Però dan ma jfissirx li ma jeżistux.
www.lornavassallo.com
|