Huwa kompla jgħidilna li jekk dawn il-Pulizija kellhom xi struzzjonijiet biex iweġġgħuh xi ftit biex jintimidawh u jammetti l-allegazzjonijiet, l-interrogazzjoni spiċċat bi ġlieda għall-mewt. Nicky, qalilna Joseph, ipprova jiddefendi lilu nnifsu iżda ma setax ilaħħaq maż-żewġ Pulizija li wieħed minnhom, skond Nicholas, kien imħarreġ sew fl-arti marzjali tant li beda jtih bis-sieq fuq sidru u jdejh.
Joseph qal li dan kien it-Tlieta, 8 ta’ April f’xi ħin filgħaxija. Sa dakinhar il-ġenituri ma kienu għadhom jafu xejn. Kien l-għada li saru jafu u marru d-Depot biex jaraw għaliex kien qiegħed jinżamm iżda dawn qalulhom li binhom kien tajjeb u ma kien jonqsu xejn. Wara li damu jistennew erba’ sigħat u ħadd ma qalilhom xejn, marru lura d-dar.
Għal ħabta tas-6.00 p.m. ċemplet l-Ispettur Louise Calleja mill-istess skwadra ta’ Kontra l-Vizzji u kellmet lil ħuh Reno. Hija qaltlu biex imur urġenti d-Depot u dan staqsiha jekk kinux se jżommuh ukoll hemm bħal Nicholas. Skond Joseph, l-Ispettur Calleja qaltlu li jekk ma jmurx kienu se jmorru għalih huma. Għaldaqstant Joseph u Reno marru d-Depot u kif waslu daħħlu lil Reno ġewwa filwaqt li Joseph baqa’ fir-‘reception’ jistenna lil uliedu joħorġu flimkien.
Kif Reno kien waħdu qalulu li ħuh kien gravi għax kien qabeż għal isfel. Reno baqa’ kalm għax ħass li kien hemm xi ħaġa nhux f’postha u talabhom il-partikolaritijiet tal-Pulizija preżenti fejn skond Azzopardi l-Ispettur Calleja kienet sorpriża iżda xorta waħda tawh dak li xtaq. Biex ma jinkwetax lil missieru, Reno mar waħdu l-Isptar Mater Dei fejn it-tobba qalulu li ħuh kien f’qagħda kritika.
Għal 13-il ġurnata sħaħ Nicholas ma setax jitkellem minħabba l-qagħda li kien fiha. Huwa baqa’ jinżamm fuq il-makni, l-aktar minħabba l-pulmun, li l-professur iddeskrivih bħala għanqud għeneb li tgħaffeġ kollu.
Jumejn wara neħħewlu l-pajpijiet li kellu mwaħħlin miegħu u tpoġġa fis-sala ta’ l-Ortopedija. Meta marru jarawh, l-ewwel kliem li Nicholas qal lil missieru kien “Pa tħallinix waħdi għax jiġu għalija issa li nista’ nitkellem u ngħid x’ġara”. Joseph qal li ibnu kien jaf eżatt x’ġara u mhux kif intqal lilhom li kien qiegħed iħawwad.
Azzopardi qal li minkejja li talab il-protezzjoni tal-Qorti għal ibnu, din il-protezzjoni qatt ma ngħatat.
Meta reġgħu marru jarawh sabu lill-Maġistrat Anthony Vella u l-assistent tiegħu ikellmu lil Nicholas imma Joseph raha ftit stramba l-fatt li ma kienx qiegħed ikun irrekordjat dak li Nicholas kien qiegħed jixhed. Barra l-kamra kien hemm l-Assistent Kummissarju Michael Cassar u l-Ispettur Graziella Muscat.
Wara li ħareġ il-Maġistrat u daħlu ħdejn Nicholas, dan kien jidher tajjeb tant li xtrawlu ‘card’ biex ikun jista’ jara t-televiżjoni u jċempel. Aktar tard beda l-programm “Gizelle” u flimkien ma’ l-infermieri qagħdu jarawh fis-sala.
Tliet sigħat wara, għal ħabta tal-11.00 p.m. meta Joseph u martu Mary kienu d-dar, ċemplulhom u qalulhom li Nicholas kien gravi. Joseph u Reno marru sparati lejn l-isptar fejn sabu lil Nicholas mejjet.
“Il-protezzjoni li tlabna kemm il-darba qatt ma ngħatat. Dan huwa ‘frame-up’ mill-kbar nett. Lil ibni qatluh” saħaq Joseph li ma felaħx iżjed u nfaqa’ jibki.
Tkellimna wkoll ma’ Jason Deguara, is-Segretarju tat-Taqsima Kimika, Enerġija u Stampar tal-GWU. Huwa qalilna li meta flimkien mal-President tat-Taqsima, Ethelbert Schembri, marru l-ITU biex jaraw lil Nicholas, kien irrakkontalhom li kien ġie msawwat minn żewġ irġiel fid-Depot u anke wriehom daqqiet li kellu fuq sidru li dehru qishom daqqiet ta’ ponn.
Sors ieħor li tkellem magħna huwa Saviour Galea, kollega ta’ Nicholas u ħabib tiegħu. Galea qalilna li kien ilu jaf lil Nicholas erba’ snin fejn jafu bħala bniedem onest u li dejjem qal il-verità.
Kien imur kuljum l-ITU u kien nhar it-Tnejn, 21 ta’ April meta mar jarah kien hemm ukoll missieru. F’ħin minnhom ħareġ Joseph u qal lil Saviour li xtaq ikellmu. Nicholas qallu li meta ħaduh id-Depot ġie msawwat minn żewġ Pulizija u wara “Tefgħuni minn fuq ċint għal isfel”. Galea qalilna li dan id-diskors qalu quddiem persuna oħra li x’aktarx hija ġar tal-ġenituri ta’ Nicholas.
Ħaġa stramba kienet li filwaqt li l-Pulizija dejjem ħarġu stqarrija li jkun miet vittma ta’ xi aċċident, ikun xi jkun il-każ, fil-każ ta’ Nicholas Azzopardi l-mewt tiegħu nżammet mistura mill-Pulizija u ġiet żvelata biss nhar il-Ħadd fil-gazzetta Maltatoday.
jpisani@unionprint.com.mt
http://johnpisani.wordpress.com
|