|
Filwaqt li jidher li l-Partit Nazzjonalista sar dak li bl-Ingliż jgħidulu ‘bad loser’, daqshekk ieħor jidher li l-Partit Laburista sar ‘bad winner’.
L-espressjoni ‘bad loser’ tiddeskrivi bniedem li ma jafx jaċċetta telfa. F’din l-elezzjoni jista’ jkun li dan wassal lill-Partit Nazzjonalista jagħmel sforz ultra ħalli żgur ma jitlifx: u ovvjament dan ħadem favurih.
L-espressjoni ‘bad winner’, ‘as such’, ma teżistix. Iżda jista’ jkun li ħoloqha l-istess Partit Laburista f’din l-elezzjoni. B’’bad winner’ irrid infisser l-attitudni tal-Partit Laburista li tant ma jafx jirbaħ, jew tant huwa lest li jaċċetta t-telfa, li qiegħed jintrikeb minn rassenjazzjoni żejda fejn tidħol l-aħħar telfa elettorali.
Dan m’huwiex daqshekk sorpriża meta wieħed jikkonsidra li, minkejja dak kollu li jintqal, Alfred Sant huwa bniedem li jiena nqis bħala paċifista. Dejjem ikkonsidrajt waħda mid-dgħjufijiet tiegħu l-fatt li ma jirreaġixxix għall-kritika ta’ ħaddieħor u jaċċetta telfiet b’dinjità.
Dan m’huwiex ħażin. Iżda l-fatt li għal darba darbtejn ma rreaġixxix għall-kritika personali ħalliet lill-kamp Nazzjonalista dejjem jesaġera dejjem aktar u jażżarda dejjem aktar.
L-istess fl-aċċettazzjoni ta’ telfiet elettorali – spiċċajna nħarsu ħafna aktar lejn li naċċettawha b’dinjità milli li niġġieldu biex toħroġ il-verita’ dwarha sa l-aħħar.
U huwa għalhekk illi naħseb li l-Partit Laburista donnu nħakem minn rassenjazzjoni żejda. Dan meta r-rebħa Nazzjonalista kienet biss ta’ 1580 vot.
Dan ifisser li jekk 790+ minn dan in-numru ta’ voti jiġu pprovati b’xi mod ivvizzjati u kontra l-liġijiet elettorali – il-Partit Laburista jkun jista’ jiddikjara li l-kampanja sfiqa li jkun għamel qabel l-elezzjoni tkun rebbħitu u mhux tellfitu l-elezzjoni.
Nemmen li leġittimament għandna għalxiex nieħdu proposti bħal dawn bis-serjetà għal diversi raġunijiet:
L-ewwel nett, dawn huma sitwazzjonijiet kollha kontemplati bl-iswed fuq l-abjad mill-Kostituzzjoni jew mid-diversi liġijiet li għandhom x’jaqsmu mas-sistema elettorali;
It-tieni nett, huwa fatt dokumentat fejn jidħlu ċerti awtoritajiet, djar tax-xjuħ, postijiet tax-xogħol eċċ. li saru ħafna maniġġi ġimgħat jekk mhux jiem qabel l-elezzjoni;
It-tielet nett, huwa fatt daqstant ieħor magħruf mal-pubbliku li saru diversi offerti ta’ flus ħalli nies vulnerabbli ma jivvotawx jew jivvotaw Nazzjonalisti;
Ir-raba’, l-istorja ferm reċenti tal-Gvern Nazzjonalista kienet tindika bis-sħiħ li diversi atti ta’ korruzzjoni minn nies tal-qalba saru f’diversi dipartiment u awtoritajiet u ġew kollha pprovati fil-Qorti fejn kienu mmultati mijiet ta’ nies u mhux għexieren
Il-ħames, ir-rebħa/telfa elettorali kienet tant waħda minima li kieku f’elezzjonijiet oħra ma kontx se tikkontesta ċerti allegazzjonijiet kellek tikkontesta l-eluf tal-voti hawnhekk qegħdin nitkellmu biss fuq il-mijiet
Partit Laburista magħqud jista’ jagħmel ħafna xkiel lill-Gvern Nazzjonalista permezz ta’:
•rapporti tal-midja lokali;
•investigazzjonijiet kriminali;
•azzjonijiet legali kriminali, kostituzzjonali u amministrattivi;
•kawżi u azzjonijiet diplomatiċi barra minn Malta speċjalment fl-Ewropa u l-Unjoni;
•rapporti fil-midja barra minn Malta;
•ħidma sħiħa biex jinstabu aktar nies li permezz tagħhom il-PN ottjena voti b’qerq, pjaċiri jew rigali finanzjarji.
F’din ta’ l-aħħar wieħed jista’ jiddubita x’interess jista’ jkollu votant li jikxef li tħallas biex jivvota lill-Partit Nazzjonalista jew ma jivvotax.
Nemmen li kien hemm għadd minn dawn in-nies ta’ tendenzi, tradizzjoni jew li emmnu fil-politika tal-Partit Laburista li dehrilhom li l-fatt li huma ma jivvotawx lill-Partit Laburista u jdaħħlu xi ħaġa fil-but ma kinx se jtellef maġġoranza lill-MLP.
Meta dawn raw li fil-fatt il-maġġoranza li huma wkoll xtaqu li jġib il-Partit Laburista, iddispjaċihom.
Huma dawn li jkunu lesti li jersqu personalment ‘il quddiem biex b’ċertu dispjaċir personali u rimors jgħinu lill-Partit li vera xtaqu fil-Gvern.
Bi sforz min-naħa tal-Partit Laburista jista’ jerġa’ jiġi dikjarat kif il-‘Whistleblower Act’ jista’ jeżentahom minn kwalunkwe multi kontemplati mil-liġi tal-lum fil-konfront tagħhom.
Jiddispjaċini ħafna, iżda, li sforzi f’dan ir-rigward mhumiex qegħdin isiru mill-Partit Laburista jiem qabel l-elezzjoni.
Il-Partit qiegħed iħares wisq lejh innifsu biex isib ir-raġuni tat-telfa, bla ma jintebaħ li r-riżultat ta’ l-elezzjoni tant huwa wieħed fraġli li jekk l-istess Partit Laburista joħloq dubju dwar il-veraċità tiegħu u jaħdem biex jipprovaha, jista’ jiġri dak li verament s’issa qatt ma ġara fl-istorja.
Ta’ ‘bad loser’ li hu, Partit Nazzjonalista żgur li mhux se jkun xi rival faċli… iżda m’hemmx bżonn inkunu aħna li niffaċilitawlu ħajtu!
Ix-xewqa mhux biss tal-Laburist iżda wkoll ta’ kull Malti ġenwin hija li jkun hemm Oppożizzjoni tajba… mill-ewwel u viġilanti speċjalment fuq nies ta’ poter.
|