www.l-orizzont.com  
Il-Ħamis 2 ta' Settembru 2010
  L-orizzont  
Opinjoni
Editorjal
Features
Artikli/Kontribuzzjoni
Ittri lill-Editur
Rati tal-Avviżi
Arkivji
Ikkuntattjana
  FITTEX  
 
 
  Sports  

It-tim Malti jibda l-kwalifikazzjoni
ta’ Euro 2012 illum f’Iżrael.....

Wara l-inċidenti tas-Sibt li għadda fil-Pixxina Nazzjonali:
San Ġiljan jitnaqqsulhom żewġ punti
– Sospensjonijiet u multi lil uffiċjali, plejers u klabbs.....

Schembri jiskorja.....

James Paris ma’ Sliema W. għal tliet snin.....

Il-UEFA tipprojbixxi l-użu tal-vuvuzela.....

 

 
 

 

Opinjoni
 

Prosit lin-nisa (2)
minn Lorna Vassallo

Il-ġimgħa li għaddiet iddiskutejt l-erba’ Membri Parlamentari Laburisti nisa li ġew eletti għal-Leġislatura 2008. Il-kamp Laburista se jipprovdi numru rekord ta’ nisa u l-ġimgħa li għaddiet sellimt lin-nisa li temmew il-kampanja elettorali tagħhom b’suċċess u kisbu siġġu fil-Parlament.

Illum xtaqt nuri, però kif nisa oħrajn li ma rnexxielhomx jiksbu siġġu, setgħu jwasslu lill-Partit Laburista għall-kisba tal-ħames u saħansitra s-sitt siġġu. Wara kollox, iżda, jidher li nisa li qegħdin jikkontestaw mal-Partit Laburista qegħdin jikkontestaw b’mod matur u b’impenn sħiħ tant li jiksbu riżultati li jħabbtuha ferm ma’ dak ta’ kollegi oħrajn irġiel.



Prosit Rita



Il-kandidata Rita Law għal darb’oħra wriet kompetenza kbira. Kemm ilni naf lil Rita dejjem nafha bħala persuna li taħdem ħafna fost l-elettorat. Naf li qatt ma telqitu għal ħames snin wara ħames snin minkejja d-disfatti elettorali li ġarrbet għal Elezzjoni wara oħra. L-isfortuna ta’ Rita tinsab fil-ftit voti li dejjem ikun jonqosha biex tiġi eletta.

Bħall-kandidati l-oħrajn, għandha nuqqas ta’ mezzi kif tesponi l-ideat tagħha fuq mezzi tax-xandir u minkejja li diġà kellha l-opportunità li tkun Membru Parlamentari diversi diffikultajiet li jista’ jkollha, ewlenija fosthom il-fatt li kunjomha jibda bl-ittra “L” u li jitfagħha fin-nofs tal-vot, jista’ jkun qed itellifha ripetutament siġġu Parlamentari.

Ta’ min jgħid li Rita ġabet numru sabiħ ħafna ta’ unijiet u kien hemm “taqtigħa” kontinwa proprju bejn żewġ nisa f’dan id-distrett: Rita Law u l-istess Helena Dalli. Mentri fil-bidu dehret li kienet Helena Dalli minn fuq, f’‘counts’ oħra kienet Rita Law minn fuq. Iżda ġara li l-istess Rita Law reġgħet inqabżet fl-aħħar minn Helena Dalli u ovvjament telgħet din ta’ l-aħħar.

Għalhekk dan ifisser ukoll li Rita nqabżet biss f’‘counts’ fejn jibdew jgħoddu l-4, l-5, is-6 eċċ. Hija vittma tas-sistema elettorali li fiha l-ħruxijiet tagħha li l-elettorat ftit jista’ jifhem.



Prosit Lorna



Aħfruli jekk se nitkellem aktar fit-tul dwar il-każ partikolari tiegħi. Dan jirriżulta mill-fatt li huwa naturali li naf aktar fuqu, billi għextu mument b’mument u naf kemm sagrifiċċji kbar għamilt biex inwettaq il-kampanja li kelli f’moħħi sa l-aħħar dettal. Mil-lat personali rnexxieli nagħmel dak kollu li kelli f’moħħi nagħmel.

Fil-fatt ir-riżultat elettorali li ksibt fuq it-12-il Distrett, li jikkonsisti minn fortizza Nazzjonalista kbira, ma jixhed xejn ix-xogħol li kien hemm warajh. Wettaqt kampanja bieb bieb li damet ’il fuq minn sentejn u nofs fejn l-impenn tiegħi ma qata’ xejn. Sirt naf familji Melliħin, Naxxarin u minn San Pawl il-Baħar qieshom il-familji tiegħi u l-‘home visits’ tiegħi kont nagħmilhom anke l-Ħdud f’postijiet imwarrbin bħall-Aħrax, l-Għadira, Burmarrad u l-Magħtab.

Sinċerament nemmen li tajt il-150% tiegħi. Bħal kandidati oħrajn, ma kellix aċċess għall-mezzi tax-xandir tar-radju u t-televiżjoni u l-ammont ta’ voti kien biżżejjed biex jintitolani nkun il-favorita għall-‘by-election’. Iżda sfortunatament l-Eżekuttiv Laburista deherlu li d-distrett ċedut ma kellux ikun it-12-il Distrett.

Hija ħaġa ferm diffiċli li wieħed jaċċetta li, li kieku ntagħżel dan id-distrett, l-akbar ċans li niġi eletta kien ikun tiegħi.

Għalhekk li filwaqt li nirringrazzja bis-sħiħ lil dawk in-nies kollha tad-distrett li wrew fiduċja kbira fija u li jekk ma vvotawlix bl-ewwel preferenza, urew l-appoġġ tagħhom bit-tieni, it-tielet jew ir-raba’ preferenza, jiena se nieqaf milli nkun kandidata attiva fil-partit.

Min-naħa l-oħra ma nistax ma nirrimarkax li n-nuqqas ta’ kunsiderazzjoni għal elezzjonijiet każwali qiegħda twassal ukoll biex kważi l-kandidati kollha li jikkontestaw fuq it-12-il Distrett jikkontestaw għal darba, darbtejn biss u imbagħad jabbandunaw il-politika.

Fuq dan id-distrett ukoll, sfortunatament, qed jiġri li għalkemm il-bżonn ta’ influwenza Laburista hija kbira, ir-raġuni għax kandidat verament jaħdem fuqu mhix hemm. Personalment, kont ħsibt li bit-tibdil elettorali li seħħ, se jkun hemm xi differenza, iżda din ma seħħitx.

Għalhekk inħoss li jkun aħjar għalija li nagħti sehmi lill-politika Maltija b’modi oħrajn milli bħala kandidata, jekk mhux minn ġewwa l-partit jew minn barra.



Prosit Monica



Monica Vella kienet kandidata oħra li kkontestat għall-ewwel darba fuq id-distrett iebes ta’ Għawdex. L-isfond li minnu ġejja Monica, bħala Sindku tax-Xewkija, diġà wera l-validità tagħha fil-kamp politiku. Però fuq id-distrett Għawdxi r-riżultati tal-preferenzi ta’ l-elettorat ma rriżultaw f’ebda sorpriżi. Għal kandidati bħal Monica żgur li kien ikun hemm lok f’kuntest li l-Partit Laburista rebaħ il-Gvern, iżda għalissa riżorsi bħal dawn se jkollhom jistennew mill-inqas ħames snin oħra sakemm jiġu sfruttati.



Miriam



Mill-ewwel innotajt ukoll f’din l-Elezzjoni n-nuqqas mil-lista tal-kandidati ta’ isem in-Nutara Miriam Spiteri Debono, eks-Speaker tal-Parlament. Minn hawnhekk insellem lil din il-mara l-oħra li għal żmien twil tat kontibut kbir lill-Partit Laburista u li għadha tagħtih sal-ġurnata tal-lum ukoll bħala Presidenta ta’ l-Għaqda Nisa Laburisti. Huwa b’dispjaċir li wieħed jinnota t-tmiem tal-karriera tagħha bħala kandidata, għax żgur li l-partit fiha tilef kompetenza u validità kbira.

Semmejt dawn in-nisa għax naħseb li huma nisa li wrew impenn politiku qawwi għal tul ta’ żmien. M’humiex l-uniċi għax kif nafu hemm diversi nisa oħrajn li wrew ħila fil-kamp politiku. Iżda nemmen li n-nisa msemmijin hawn fuq m’humiex biss għasafar tal-passa, iżda wrew dedikazzjoni qawwija kbira biex jippenetraw f’dinja li hija ddominata mill-irġiel u mhux talli pperseveraw fiha, talli rnexxew.

Hija sfortuna għalhekk, kif għedt hawn fuq, li ċerti nisa fil-politika jinqabdu f’morsa li tnaqqsilhom mis-suċċess tagħhom u ma twassalhomx sal-Parlament.

Mentri fil-Parlament il-ġdid ksibna żewġ nisa biss fuq in-naħa tal-Gvern li saru t-tnejn Ministri, in-naħa ta’ l-Oppożizzjoni għandna rekord ta’ erba’ nisa fil-Parlament.

Fl-istess ħin nawgura leġislatura effiċjenti lil dawk kollha eletti – nisa u rġiel – speċjalment lil dawk li huma ta’ l-istess ġenerazzjoni tiegħi u li fl-imgħoddi kelli x-xorti naħdem magħhom fil-qrib.



www.lornavassallo.com

http://www.lornavassallo. com

Ikkummenta dwar dan l-Artiklu Fuq

Artikli oħrajn fis-sezzjoni Opinjoni
·  Għaliex int?
·  L-immigranti u l-GWU
·  Il-klieb ta’ Napuljun
·  Il-ġid jinħoloq bix-xogħol u l-impjiegi
·  Il-qerq tas-sħubija fl-Unjoni Ewropea
·  L-UE għandha tikkriminalizza l-immigrazzjoni illegali


IT-TEMP - 2/9/2010
Rapport tat-Temp:  Il-bicca l-kbira msahhab bix-xita u bir-raghad
Temperatura: 
L-ogħla: 31°C
L-inqas: 21°C

Riħ:  Xlokk 10-20 kph
Għall-aġġornament tat-temp agħfas hawn.