www.l-orizzont.com  
Il-Ħamis 2 ta' Settembru 2010
  L-orizzont  
Opinjoni
Editorjal
Features
Artikli/Kontribuzzjoni
Ittri lill-Editur
Rati tal-Avviżi
Arkivji
Ikkuntattjana
  FITTEX  
 
 
  Sports  

It-tim Malti jibda l-kwalifikazzjoni
ta’ Euro 2012 illum f’Iżrael.....

Wara l-inċidenti tas-Sibt li għadda fil-Pixxina Nazzjonali:
San Ġiljan jitnaqqsulhom żewġ punti
– Sospensjonijiet u multi lil uffiċjali, plejers u klabbs.....

Schembri jiskorja.....

James Paris ma’ Sliema W. għal tliet snin.....

Il-UEFA tipprojbixxi l-użu tal-vuvuzela.....

 

 
 

 

Opinjoni
 

Gvern ġdid?
minn Lorna Vassallo

Waħda mill-mistoqsijiet li kemm-il darba tiġi mistoqsija fil-kotba tal-politika hija l-politika għandhiex taħseb fl-individwu jew fis-soċjetà. F’oqsma oħrajn speċjalment tas-soċjoloġija nistaqsu jekk il-bniedem huwiex prinċipalment egoist iżda jitgħallem jgħix ma’ l-oħrajn għall-interessi tiegħu jew inkella jekk hux prinċipalment annimal altruistiku. L-istess fl-oqsma ta’ l-antropoloġija, soċjoloġija u kriminoloġija l-paragun bejn l-interessi personali u dawk tas-soċjetà jsir ta’ spiss.

L-interessi tas-soċjetà u dawk personali fil-bniedem ċivilizzat u mnebbaħ minn prinċipji altruistici (hekk kif wara kollox jgħallmu wkoll ir-reliġjonijiet speċjalment dik Nisranija), għandhom kemm jista’ jkun ikunu l-istess. Bl-istess mod meta l-interessi personali ta’ wħud jispiċċaw mhux talli ma jkunux l-interessi tas-soċjetà, iżda jimminawhom, hemmhekk għandna l-inġustizzja.



Taqtigħa bejn interessi personali u dawk tas-soċjetà

Is-Sibt li għadda, qistu mill-bidu nett bħala taqtigħa bejn l-interessi personali ta’ wħud u l-interessi tal-massa kbira tas-soċjetà.

Bassart mill-ewwel li l-ewwel elezzjoni wara sħubija sħiħa fl-Unjoni Ewropea se tkun waħda li jkollha sorpriżi kbar. U fil-fatt hekk kellu jirriżulta. Li verament, iżda, issorprendieni huwa l-fatt li l-interessi personali ta’ xi wħud spiċċaw irrenjaw fuq l-interessi li jolqtu l-iktar mis-soċjetà.

Għalija l-interessi personali huma sempliċiment interessi, l-interessi tas-soċjetà huma principji. Fuq naħa kellek il-Partit Nazzjonalista li baqa’ sa l-aħħar mumenti jipprova jissodisfa l-interessi personali ta’ xi wħud, lil hemm minn kwalunkwe manifesti u wegħdiet elettorali u min-naħa l-oħra kellek il-Partit Laburista li kellu pjan nazzjonali mniżżel bl-iswed fuq l-abjad. Min-naħa waħda kellek il-Partit Nazzjonalista joħroġ permess għall-bankina ta’ quddiem id-dar ta’ Ċikku jew iwitti t-triq ta’ Peppu (anke jekk hija f’nofs għalqa) u min-naħa l-oħra kellek Partit Laburista li kellu pjanijiet (dettaljati u maħsubin bir-reqqa u professjonalment) għall-belt kapitali u reġjuni sħaħ tal-gżira. Il-PN mexa b’mod analitiku, vot vot, mentri l-Partit Laburista raxxax il-benefiċċju fuq is-soċjetà globalment biex kull min jista’ jibbenifika, jibbenifika.



Bejn formali u informali

Differenza oħra li setgħet ikkaratterizzat il-kampanji elettorali u li joħorġu aktar ċari wara milli qabel l-istess elezzjoni huma l-metodi kif ħadmu bihom iż-żewġ partiti.

Mentri l-Partit Laburista għamel il-laqgħat tiegħu kollha mas-Sħab Soċjali u ma’ setturi differenti formalment, il-probabbiltà hi li l-Partit Nazzjonalista għamel l-istess informalment. Il-Partit Laburista għamel il-wegħdiet tiegħu quddiem kulħadd, mentri l-Partit Nazzjonalista għamel laqgħat moħbijin u wegħdiet moħbijin.

Mentri partit minnhom għażel it-trasparenza, l-ieħor għażel li jagħmel kollox fil-moħbi. Il-ħeba waħedha tissuġġerixxi rregolarità, iżda għall-Partit Nazzjonalista, dan kollu reġa’ ħadem.



Appell lid-dizinteressat

Dak li jidher li għen ħafna u mhux ftit huwa d-diżinteress totali ta’ xi wħud fil-politika u mhux politika. Konxju mill-fatt li għal ħafna nies il-politika mhix parti mill-ħajja ta’ kuljum daqs kemm wieħed jixtieq, flok ma qagħad jispjega l-pjanijiet, il-Prim Ministru qagħad jindirizza l-bżonnijet individwali.

Hemm xamma kbira ta’ egoiżmu u Santa Klawsiżmu fl-istorja kollha, filwaqt li hemm ukoll rikba fuq in-nuqqas ta’ għarfien u applikazzjoni ħażina tal-politika – iżda b’tattiċi moqżież u korrotti iktar milli bi prinċipji nobbli – il-Partit Nazzjonalista reġa’ rnexxielu jaħtaf il-poter.



In-non-votanti

Jidher li l-Partit Nazzjonalista tal-leġislatura li għaddiet ħalla fil-fatt ħafna votanti nsodisfatti. Ewlenin fosthom il-kaċċaturi u n-nassaba li ma ddejqux juru fil-pubbliku d-diżapprovazzjoni tagħhom lejn il-Gvern.

Magħhom nemmen li hemm għadd ta’ ambjentalisti u nies oħrajn ta’ prinċipju li għamlu ferm inqas ħoss.

Li ġara iżda, anke b’nuqqas ta’ esperjenza fis-sistema elettorali Maltija, ħafna votanti għażlu l-ambigwità tal-vot mhux mitfugħ.

Għadd ta’ eks-Nazzjonalisti, anke minħabba d-dubju li jista’ jitqanqal fiċ-ċrieki tal-partit li jaħdmu qishom il-‘Big Brother’ fuq l-individwu, għażlu li ma jmorrux jivvotaw.

Diversi drabi l-intenzjoni kienet tajba. Biex juru li ma vvotawx lill-Partit Nazzjonalista. Iżda, dawn ma setgħux jagħmlu hekk mingħajr ma jkollhom ukoll riskju li jitla’ xorta waħda l-Partit Nazzjonalista. U ninsab ċerta li dawn in-nies huma mgħaddbin illum ħafna iktar minn qabel li għażlu din it-triq.

Ħafna min-non-votanti u anke dawk li ħassru l-vot ramew id-dritt li jkunu parteċipi u fejn huma għamlu dan bi sfiduċja lejn il-Partit Nazzjonalista, spiċċaw iktar għenuh. Forsi jista’ jkun ukoll din isservi ta’ tagħlima għalina lkoll għal futur għalkemm jidher li għalissa qed nirrealizzaw tard wisq.



Gvern bla maġġoranza

Il-Partit Nazzjonalista huwa Gvern mingħajr maġġoranza tal-poplu warajh, iżda bil-maġġoranza tas-siġġijiet.

Forsi dan jista’ jagħmel ftit differenza, iżda ma rridux ninsew ukoll li issa ħaddiema ta’ diversi setturi, ambjentalisti, kaċċaturi u nassaba donnhom tilfu l-uniku mezz legali biex jirribellaw kontra affarijiet li ma jaqblux magħhom.

Jibqgħalhom biss armi oħrajn bħalma huma l-protesti u kawżi ’l hemm u ’l hawn. Li Gvern Nazzjonalista hu iktar Gvern tal-bażużli milli ta’ l-ambjent u tal-ħaddiema naħseb li m’għandhom l-ebda dubju.

F’ħafna affarijiet Gvern Nazzjonalista m’għandu bżonn ta’ l-ebda introduzzjoni. Il-Prim Ministru iktar bravu biex itella’ lilu nnifsu fil-Gvern milli biex jissodisfa x-xewqat tal-poplu.

Tela’ għal din id-darba għax għaqqad flimkien il-voti tal-bażużli ma’ dawk li huma dipendenti fuqhom u bil-biża’ li qajjem minn Gvern Laburista prospettiv spiċċa ġab maġġoranza relattiva.



Konklużjoni

Wieħed jispera li la reġa’ ħataf is-siġġu tal-poter il-ħames snin jeħodhom biex jitgħallem ukoll x’inhuma l-interessi tal-poplu flok ta’ xi erba’ min-nies ta’ madwaru u matul il-ħames snin kollha, mhux lejliet l-elezzjoni biss.

www.lornavassallo.com


Ikkummenta dwar dan l-Artiklu Fuq

Artikli oħrajn fis-sezzjoni Opinjoni
·  Għaliex int?
·  L-immigranti u l-GWU
·  Il-klieb ta’ Napuljun
·  Il-ġid jinħoloq bix-xogħol u l-impjiegi
·  Il-qerq tas-sħubija fl-Unjoni Ewropea
·  L-UE għandha tikkriminalizza l-immigrazzjoni illegali


IT-TEMP - 2/9/2010
Rapport tat-Temp:  Il-bicca l-kbira msahhab bix-xita u bir-raghad
Temperatura: 
L-ogħla: 31°C
L-inqas: 21°C

Riħ:  Xlokk 10-20 kph
Għall-aġġornament tat-temp agħfas hawn.