|
Fi żminijiet meta l-gżira ta’ Malta (dak iż-żmien b’isem li ma nafux aħna) kienet mimlija b’għadd ferm akbar ta’ siġar mix-xaqliba tat-Tramuntana, salpaw fi xtutha nies li ġew minn gżira ikbar li wara kellha ssir magħrufa bħala Sqallija. Biċċiet minnhom setgħu kienu wkoll minn Lipari u kienu jgħixu ġo għerejjex u jbaħħru ġo dgħajjes u ċatri dejjem sa l-eqreb art. Malta kienet l-aħħar biċċa art li tidher bl-għajnejn mill-Gżira ta’ Sqallija u hemmhekk kienet tispiċċa d-dinja.
Kultivazzjoni u fuħħar
Malli salpaw fuq il-gżira bdew jibnu l-għerejjex tagħhom ħalli jokkupaw territorji differenti fejn wara jkunu jistgħu huma wkoll jikkoltivaw l-art. Ma setgħux joqogħdu sempliċement jikkaċċjaw għall-annimali li jkunu għaddejjin jew ipassu, jew jiġbru dak biss li tipprovdilhom in-natura. Iżda ried ikollhom bilfors l-arti tal-koltivazzjoni ta’ l-uċuħ tar-raba’ u l-arti tat-trobbija tal-bhejjem għax Malta kienet żgħira wisq.
Kienu nies li diġà kellhom ukoll l-arti li jħalltu erba’ elementi flimkien: il-ħamrija (art), l-ilma, in-nar u l-arja. Kienu jħalltu flimkien u skond id-doża differenti ta’ kull wieħed minn dawn l-elementi kienu jipproduċu fuħħar differenti. Bħalna kienu jemmnu mhux biss fil-ħolqien ta’ affarijiet utli fejn jistgħu jsajru l-laħmijiet u jaħżnu l-frott iżda wkoll fl-arti u d-disinn.
Għar Dalam
L-ewwel nies li għad baqgħalna sal-lum oġġetti minn tagħhom, proprju maħdumin mill-idejn abbli tagħhom, huma dawk li kienu jgħixu f’għar kbir. Imkien ħlief l-għar kbir naturali imsejjaħ “Għar Dalam”. Mur għid lil dawn in-nies li dak l-għar fejn kienu qegħdin jgħixu mhux biss kien se jkun mogħni bil-fdalijiet tagħhom iżda kien ukoll benniena ta’ storja fl-arkeo-loġija tal-Mediterran!
U n-nies ta’ Għar Dalam, bil-mod il-mod bdew jimirħu f’postijiet ġodda fil-gżira. U bdew iqimu l-allat. Din kienet rivoluzzjoni kbira fil-ħsieb bla ebda preċedent. Waħda mill-elementi li jwassluni sabiex insejjaħ lil dan il-poplu “l-Ewwel Ċiviltà”. Ġewwa l-Iskorba dawn in-nies iżda ma qimux biss allat, u moħħhom beda jaħseb ukoll fl-astratt u jipprova jsolvi l-misteri ta’ madwaru. Beda wkoll jibni l-ewwel pedamenti sabiex fuqhom iserraħ l-għerejjex tiegħu. Beda jħallat taħlita ta’ demel ma’ ilma u tajn biex jissodda ċint ċkejken li jaqsam l-ispazji ta’ l-għarix. Il-fuħħar li kien juża dan il-poplu l-ewwel kien griż, imbagħad iktar tard, aħmar. Kien hawnhekk ukoll li nsibu l-eqdem riproduzzjoni tax-xbiha umana fid-dinja mmudellata fit-terrakotta.
L-ewwel oqbra
Għadda ż-żmien u f’daqqa waħda dan il-poplu ma rrikonoxxiex biss il-preżenza ta’ entità sopra-naturali iżda beda wkoll jidfen il-mejtin tiegħu b’qima. L-ewwel oqbra li nafu bihom illum instabu ġewwa Ħaż-Żebbuġ. Hawnhekk il-bniedem għall-ewwel darba ra li hemm ħajja oħra wara l-mewt u beda jidfen il-kadavri tiegħu b’dinjità. Kien jissepara l-ħajja mill-mewt, il-ħajjin mill-mejtin u lill-mejtin ħolqilhom id-dinja ta’ taħt l-art.
Opri ta’ l-arkitettura – id-dinja ta’ taħt u ta’ fuq
Għaddew għexieren ta’ snin oħra u f’daqqa waħda l-istess nisel beda minn ċint ċkejken jibni opri kbar, l-ewwel b’ġebel imdaqqas (bħal Ta’ Ħaġrat) imbagħad b’ġebel enormi (bħall-Ġgantija). L-arti tal-bini ffjorixxiet u daqstant ieħor dik ta’ l-iskultura fit-tafal. L-ikbar tempji ma kinux użati sabiex tgħix fihom il-komunità iżda żgur għall-okkażjonijiet speċjali, sagri jew amministrattivi, fejn kienu jitkellmu l-mexxejja tal-komunità u fejn wieħed seta’ jkellem lill-oraklu. Iffjorixxa wkoll il-kult ta’ l-alla tal-fertilità. Statwi u statwetti żgħar irrappreżentaw kemm lill-alla mara (jew raġel?) b’saqajn goffi, xi minn daqqiet bil-qiegħda u xi minn daqqiet bil-wieqfa. Kienu kollha bla rjus, għax ir-ras kienet tinħadem apparti. Dawn l-iskulturi fantastiċi, bħalma nstabu f’Ħaġar Qim kif ukoll fit-Tempji ta’ Ħal-Tarxien, kienu mnaqqxin fil-ġebel mill-ġebel. Għonew il-kmamar tondi ta’ l-isbaħ tempji ta’ dan il-poplu, tempji mibnijin kollha minn ġebel tqil u maq-tugħ kbir li nżamm flimkien għal mijiet u eluf ta’ snin min-għajr ebda sostenn u li wasal għandna sal-ġurnata tal-lum. Iżda dan ma kienx biżżejjed.
Dan il-poplu naqqax ukoll tempji taħt l-art, bil-bokka tagħhom dejjem tkun fid-direzzjoni ta’ fejn tinżel ix-xemx. Dawn it-tempji, kif diġà għedt, ma kinux mibnijin iżda mnaqqxin u mħaffrin. Mogħnijin minn xbihat ta’ spiralli u b’ħitan lixxi sal-perfezzoni għalkemm ovvjament, l-istrumenti tal-lum ma kinux għadhom inħasbu. F’Għawdex, instabet ukoll l-alla doppja, fejn donnu jidher ċar li dawk kollha li kienu lebsin id-dublett ma kinux biss nisa imma wkoll irġiel.
L-ewwel ċiviltà
Dan kien dak li jien nippreferi nsejjaħ l-ewwel ċiviltà – l-unika waħda fid-dinja li sawret tempji kolossali, l-ewwel waħda li skopriet it-teknika tal-bini u tal-qtugħ u tal-ġarr tal-blat (li għadna ma nafux kif sar sal-lum), li skopriet kif mill-materjali ta’ madwarha bħall-ħamrija, setgħet taddatta l-ambjent għaliha flok ma taddatta lilha nnifisha hi għalih. Kienet l-ewwel ċiviltà li għarfet tifred il-ħajja mill-mewt, ir-rispett lejn il-mejtin u l-qima lejn l-allat. Kienet l-unika ċiviltà fid-dinja ta’ dawk iż-żminijiet li kellha dan kollu. Ma ħallitilna xejn bil-miktub iżda ħallitilna l-minqux. U dik iċ-ċiviltà eżistiet ġewwa artna... Malta.
www.lornavassallo.com
|