www.l-orizzont.com  
It-Tnejn 8 ta' Frar 2010
  L-orizzont  
Opinjoni
Editorjal
Features
Artikli/Kontribuzzjoni
Ittri lill-Editur
Rati tal-Avviżi
Arkivji
Ikkuntattjana
  FITTEX  
 
 
  Sports  

BOV Premier League:
Sliema W...3 Floriana...0
- Sliema W. jikkundannaw lil Floriana fir-Rel. Pool.....

BOV Premier League:
Msida SJ ...1 Birkirkara...2
- Birkirkara jdawru r-riżultat b’żewġ gowls f’żewġ minuti.....

UEFA Euro 2012:
Żewġ avversarji ġodda għal Malta.....

Schembri ma’ Ferencvaros.....

Il-15-il sena anniversarju mill-ftuħ tal-klabb fil-Mosta:
Alan Kennedy il-mistieden speċjali ta’ Liverpool SC - Malta.....

Tigrijiet taz-zwiemel:
Il-favorit Think Yatzee ma jfallix fl-aqwa finali.....

 

 
 

 

Aħbarijiet
 

Kollox lest għar-“rovina” ta’
Ħondoq ir-Rummien fil-Qala
minn Brandon Pisani

Kollox jinsab imħejji li jekk jerġa’ jiġi elett Gvern Nazzjonalista, il-bajja pittoreska ta’ Ħondoq ir-Rummien se tiġi rrovinata darba għal dejjem. Sorsi ta’ min jorbot fuqhom qrib l-Awtorità Maltija għall-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) żvelaw ma’ l-orizzont li l-proġett ta’ Ħondoq ir-Rummien se jkun wieħed mill-ewwel proġetti ewlenin li se jiġi approvat mill-MEPA. Dan il-proġett kontroversjali u ta’ qerda ambjentali ilu fuq l-ixkafef tal-MEPA għal dawn l-aħħar sitt snin. Wara li l-ewwel proposta sabet il-“LE” tal-poplu tal-Qala, erba’ snin wara l-iżviluppaturi ppreżentaw lill-awtorità l-istess applikazzjoni, iżda fuq “skala iżgħar”.

L-istess sorsi saħqu ma’ l-orizzont li l-iżviluppaturi tal-proġett bl-isem ta’ “Qala Creek” riedu li dan jiġi approvat sa mill-2006 biex il-proġett ikun komplut sa l-2010. Madankollu, fuq parir tal-Gvern, il-MEPA żammet lura din l-applikazzjoni bil-għan li l-permess ma jiġix quddiem il-Bord tal-MEPA qabel l-Elezzjoni Ġenerali biex il-Partit Nazzjonalista ma jidhirx ikrah ma’ l-elettorat Għawdxi.

Iżda wara pressjoni, li allegatament għamlu l-iżviluppaturi biex dan il-proġett jiġi mbottat ’il quddiem u ma jintilifx aktar żmien, dan se jiġi approvat wara l-Elezzjoni Ġenerali. Is-sorsi saħqu ma’ l-orizzont li kulħadd jaf li dan il-proġett għandu l-appoġġ sħiħ ta’ Lawrence Gonzi.

Issa li Gonzi ddikjara li jekk jekk jitla’ fil-Gvern fil-leġislatura li jmiss jieħu f’idejh ir-riforma tal-MEPA minflok il-Ministru responsabbli bħalissa George Pullicino, xejn mhu se jxekkel milli dan il-proġett jingħata l-permessi neċessarji mill-ewwel biex isir.

Wieħed jista’ jfakkar kif waqt mass meeting fuq il-Fosos lura fl-2006, Gonzi kien ħeġġeġ lin-Nazzjonalisti biex jarmaw id-dentatura u fost affarijiet oħrajn ddikjara li hu favur dan il-proġett u li se jappoġġjah. Dan wera li l-Gvern Nazzjonalista injora għal kollox ir-riżultat tar-referendum fost ir-residenti Qalin.

Minn informazzjoni li għandu dan il-ġurnal, jirriżulta li saħansitra s-sena l-oħra Lawrence Gonzi u Joe Saliba kienu bagħtu għal ambjentalist Għawdxi u stiednuh għal ikla fil-Lukanda Calypso bil-għan li jikkonvinċuh jaċċetta li l-proġett ta’ Ħondoq ir-Rummien huwa tajjeb.



L-art bejn Hondoq u l-Imgarr

Fil-proposta ta’ l-Avukat Victor Bajada – il-moħħ wara l-proġett “Qala Creek” u l-kumpanija Gozo Prestige Holidays Ltd – kien propost li minħabba li dan il-proġett, meta jkun komplut, se jiġġenera aktar traffiku lejn il-bajja u għalhekk kif inhi s-sitwazzjoni bħalissa, mill-qalba tar-raħal tal-Qala, għandha tinbena triq ġdida mal-kosta bejn Ħondoq ir-Rummien u l-Port ta’ l-Imġarr. Skond l-iżviluppaturi, it-traffiku se jkun l-akbar problemi għax qegħdin jaħsbu li jgħaddu mill-Qala medja ta’ 1,000 vettura fil-ġimgħa. Madankollu, jekk issir din it-triq, l-aktar li se jgawdu huma għadd ta’ żviluppaturi oħrajn li għandhom l-art – li hija art agrikola mill-aqwa – tul il-kosta ta’ bejn Ħondoq u l-Imġarr.


l-orizzont huwa informat li dwar din il-medda ta’ art saret riċerka dwar min huma l-proprjetarji tagħha. Dan il-ġurnal għandu f’idejh pjanta li turi li din l-art hija ta’ diversi żviluppaturi, kemm Għawdxin kif ukoll Maltin. Fost dawk li għandhom il-proprjetà hemm Emidio Azzopardi, magħruf bħala “Miedju tal-Bies”, li huwa l-istess żviluppatur li applika biex jiżviluppa l-Ulysses Lodge fir-Ramla l-Ħamra li wara li ġiet approvata, dan il-permess ġie rtirat. Dan għandu wkoll kamra żgħira f’Ħondoq ir-Rummien li hija fornuta wkoll bl-elettriku (fiċ-ċirku lemin). Żviluppaturi oħrajn li għandhom art fuq din il-medda tal-kosta hemm Joseph Cassar, Joe Vella, Tal-Barunijiet, Ta’ Frenċ, Ta’ Karkanja u Tal-Maltin.

Sorsi f’Għawdex saħqu ma’ l-orizzont li jekk issir din it-triq fuq l-art tagħhom, dawn l-iżviluppaturi se jkun qegħdin jitolbu bħala kumpens li jibnu huma wkoll fuq din l-art biex b’hekk ikunu jistgħu jiżviluppaw dan il-post f’żona turistika.

L-istess sorsi rrimarkaw li “jidher ċar, li jekk il-permess ta’ Ħondoq ir-Rummien jiġi approvat, dawn l-ispekulaturi kollha huma lesti biex japplikaw għal proġetti simili tal-‘Qala Creek’ huma wkoll madwar l-kosta. Ma noqogħdux nemmnu l-iskużi tagħhom li se jħaddmu ħafna nies. L-iżviluppaturi wegħdu li se jħaddmu ma’ l-400 persuna u l-ewwel preferenza tingħata lil dawk li jgħixu fil-Qala. Infakkar biss li n-nies ta’ Għajnsielem ukoll kienu mwiegħdin li se jaħdmu mat-3,000 persuna meta ġie propost il-proġett ta’ Chambray. L-iskop ta’ l-ispekulaturi huwa biss li jibnu kemm jifilħu appartamenti fl-inqas spazju possibbli ħalli jagħmlu aktar profitt”, qalulna s-sorsi minn Għawdex.



Progetti kontroversjali

Il-proġett “Qala Creek” twieled l-ewwel darba sitt snin ilu u kien qajjem kontroversja sħiħa f’Lulju ta’ dik is-sena meta l-Gozo Prestige Holidays Ltd tefgħet l-applikazzjoni PA03798/02 biex tiżviluppa l-Bajja ta’ Ħondoq ir-Rummien b’investiment ta’ bejn Lm35 miljun u Lm40 miljun.


Madankollu r-reazzjoni kienet waħda negattiva. Il-Kunsill Lokali tal-Qala, bejn il-15 u s-17 ta’ Novembru ta’ l-2002, organizza referendum konsultattiv għall-Qalin biex jivvotaw jekk humiex favur jew kontra. Dak in-nhar 84.5% ivvotaw kontra li jsir il-proġett, waqt li 15.5% ivvotaw favur.

Iżda erba’ snin wara dan ir-referendum, il-Gozo Prestige Holidays Ltd għamlet proposti “ġodda” għall-izvilupp ta’ din il-bajja pittoreska fil-Qala u ppreżentathom lill-MEPA fi ‘Project Development Statement’ ta’ 136 paġna. Il-Gozo Prestige Holidays Ltd qalet li dan il-progett mistenni jiswa €75 miljun.

Dan il-proġett, fuq “skala iżgħar” iżda bl-istess applikazzjoni (PA03798/02), fih xi “modifiki”, fosthom lukanda b’170 sodda (minflok 400 sodda kif propost fl-2002); 200 residenza bejn djar u appartamenti (minflok it-300 kif propost fl-2002); u ‘yacht marina’ b’irmiġġ għal bejn 100 u 150 dgħajsa (flok għal 200 dgħajsa kif propost fl-2002).



L-MLP kontra dan l-isfregju

Matul dan iż-żmien kollu ta’ kontroversji, il-Partit Laburista tkellem dwar dan il-proġett u ddikjara b’mod ċar li hu kontra dan l-iżvilupp. Il-Partit Laburista jisħaq li bl-approvazzjoni ta’ dan il-proġett dan ikun ifisser li l-Bajja ta’ Ħondoq ir-Rummien se titpoġġa f’riskju serju, kemm fil-rigward ta’ l-eżistenza fiżika tagħha stess, kif ukoll fir-rigward tad-dritt tal-pubbliku li jkollu kull aċċess għall-bajja u l-inħawi ta’ madwarha. Il-proposta għall-iżvilupp kif imressqa quddiem il-MEPA, tmur kontra l-prinċipji ta’ żvilupp sostenibbli.



Il-bdil fil-Pjan Lokali

Fil-waqt li f’Awissu ta’ l-2006 il-MEPA nsistiet mal-Kunsill Lokali tal-Qala li se timxi mal-Pjan Lokali għal Għawdex, li ġie approvat mill-Gvern, f’Ottubru ta’ l-istess sena, l-orizzont kien żvela li dan il-Pjan Lokali nbidel, x’aktarx biex jiġi aġevolat l-iżviluppatur u b’hekk ikun jista’ bla xkiel ta’ xejn jiżviluppa Ħondoq ir-Rummien f’post turistiku. Dan ir-rapport sal-lum – sentejn wara – għadu ma ġiex miċħud.

Fatti li huma miktubin bl-iswed fuq l-abjad juru wkoll li l-art fejn hemm propost li jsir il-proġett kienet ilha tal-poplu tal-Qala mill-25 ta’ April, 1970, iżda tilfu d-dritt ta’ din l-art permezz ta’ dikjarazzjoni li ffirma l-President ta’ Malta ta’ dak iż-żmien, il-Professur Guido de Marco, fl-20 ta’ Gunju, 2002.

De Marco kien iddikjara li l-Gvern m’għadx għandu bżonn l-art ta’ Ħondoq ir-Rummien u ddikjara li “għall-finijiet u l-effetti kollha tal-liġi, l-art imsemmija m’għadhiex aktar meħtieġa mill-awtorità kompetenti għal skop pubbliku”.

bpisani@unionprint.com.mt

Ikkummenta dwar dan l-Artiklu Fuq

Artikli oħrajn fis-sezzjoni Aħbarijiet
·  Tasal fi tmiemha l-Konferenza
Ġenerali Annwali “speċjali” tal-Partit Laburista:
TWELID TA’ MOVIMENT
·  Kura f’Malta bi prezz li jħassarlek demmek!
·  100 sena ilu kien twieled “miġnun”!
·  Gonzi jistqarr li r-riformi messhom kienu aktar ippjanati
·  Il-ħatra ta’ Louis Galea fil-Qorti tal-Awdituri:
Fenech Adami kien offra din il-pożizzjoni lili fl-2004
– l-eks-Ministru Laburista Lino Spiteri
·  Żewġ tubi f’garaxx spiċċaw jiswewh €325.95 f’konsum
·  In-nuqqas ta’ spazju fl-Isptar Mater Dei:
Parti tal-Emerġenza kienet se ssir sala
·  Iweġġa’ gravi wara li ħareġ mit-triq bil-karozza tiegħu
·  Safar Ministerjali li huwa “ġustifikat”
·  Ġuri b’konnessjoni mal-qtil ta’ mara f’Ta’ Qali:
Akkużat b’attentat li falla ftit qabel inqatlet
·  Jibda r-renju tal-bluha


IT-TEMP - 8/2/2010
Rapport tat-Temp:  Ftit imsahhab b'waqtiet sbieh jew xemxin
Viżibilit:  Tajba
Temperatura: 
L-ogħla: 15°C
L-inqas: 09°C

Indiċi UV:  2
Riħ:  Ftit qawwi ghal qawwi mill-Majjistral li jsir moderat mill-Punent sa filghaxija
Baħar:  Qawwi li jsir moderat ghal ftit qawwi
Temperatura tal-baħar:  16°C
Għall-aġġornament tat-temp agħfas hawn.