|
Li l-Partit Laburista se jkun għamel l-aqwa kampanja tiegħu, iffokata fuq ix-xewqat u t-talbiet ta’ għadd ta’ sħab soċjali u rappreżentanti tal-poplu u bi strateġija perfetta, kulħadd jafha. Li l-korruzzjoni laħqet livelli inkredibbli permissibbli mid-demokrazija hija wkoll realtà tanġibbli ħafna. Iżda li fl-aħħar ta’ kampanja elettorali, proprju meta tintlaħaq il-quċċata tal-propaganda, il-Prim Ministru flok ma jispiċċa jipprova jirkupra ftit mill-appoġġ, jispiċċa jispara għal saqajh, ħadtha ftit jew wisq bħala sorpriża.
L-immaġni tal-Prim Ministru waħdu f’sistema elettorali bħal tagħna hija immaġni spustjata.
Hi x’inhi r-raguni għaliex il-Prim Ministru qiegħed jidher waħdu, qatt ma tista’ tkun xi strateġija tajba f’kuntest elettorali Malti. Jekk huwiex l-egoċentrizmu li qiegħed jisforza lill-Prim Ministru jidher waħdu jew inkella s-solitudni, hija l-vera mistoqsija – iżda li nistgħu nkunu żguri minnha hija li hija strateġija żbaljata.
GonziPN
Il-kampanja individwali ta’ Gonzi reġgħet spikkat fil-’Mass Rally’ li għamel fil-Kwartieri Generali tal-PN. Dawn intqal li huma lesti mill-Prim Ministru u kien għalhekk li l-’Mass Rally’ sar hemmhekk. Mhux ta’ b’xejn meta għaddejt l-għada stagħġibt meta rajthom għadhom fil-parti tagħhom ġebel u saqaf. Iżda kont insejt li għall-Prim Ministru Gonzi “lest” tfisser “lest nofs leħja”.
Però dak li kont se nikkummenta fuqu kienu l-flokkijiet li kienu lebsin it-tfal li akkumpanjaw lill-Prim Ministru. L-agħar slogan li seta’ għażel il-PN, fil-fehma tiegħi, kien GonziPN. Bi slogan bħal dan il-Prim Ministru reġa’ verament spara għal saqajh darb’oħra. Dan is-slogan ma jagħmel xejn ħlief jeskludi lil dawk in-Nazzjonalisti kollha li jissimpatizzaw ma’ nies bħal John Dalli u l-għadd ta’ membri oħrajn li appoġġjaw nies li Gonzi stess ftit li xejn wera simpatija lejhom. Barra minn hekk, dan juri wkoll li Gonzi qiegħed jitwaħħad mal-partit u li “jien hu l-partit” u “l-partit hu jien”. Ifakkarna bla ma rridu fir-Re (dittatur) Lwiġi XIV ta’ Franza – “ir-Re Xemx” – li fi żmienu ġrat ir-Rivoluzzjoni Franċiża.
Forsi Malta m’għandniex għaliex ikollna rivoluzzjoni mdemmija, iżda Gonzi nnifsu bi slogans simili jista’ jkun qiegħed jikkawża rivoluzzjoni elettorali qawwija, u jekk mhux jikkawżaha u jibdiha, iżidilha fis-saħħa tagħha.
Kull min hu fil-politika u jappartjeni lil xi partit politiku, l-akbar konsolazzjoni tiegħu għandha tkun pjuttost il-kontra – li l-partit “m’hu ta’ ħadd”. Dan għax nies ma’ nies jistgħu ma jaqblux flimkien – u partit ma jistax jibbaża fuq il-persuni.
Dak li jżomm nies differenti magħqudin ma’ partit m’hijiex il-ħbiberija lejn il-Prim Ministru jew kap tal-partit jew l-interessi personali (li kemm-il darba nasal naħseb li fil-PN huma predominanti) iżda l-fatt li daqskemm il-partit mhux tiegħi, daqshekk ieħor mhux tal-mexxej. Kieku l-lealtà tiddependi mill-mexxej politiku l-bidla fil-membri tkun waħda ħafna aktar drastika meta jinbidel il-mexxej. Li Gonzi jilgħab bi slogan bħal dan, għalhekk, huwa ferm riskjuż.
Posters politiċi
Il-posters tal-PN kienu wkoll falliment f’din l-elezzjoni. Kieku kont xi attivista Nazzjonalista kont verament ninkwieta li l-ewwel posters li nħarġu kienu kkuppjati minn fuq dawk ta’ kampanja presidenzjali f’demokrazija presidenzjali (forsi għalhekk ukoll li l-Prim Ministru qiegħed jidher waħdu għax qed jikkopja lil Sarkozy sa l-aħħar) u t-tieni poster kien aktar reklam lill-Partit Laburista.
L-akkuża fuq il-poster hija wkoll ikkuppjata minn dik tal-Partit Laburista – għax dak li l-Partit Laburista qed jakkuża lill-Partit Nazzjonalista bih hu li “ma hemmx uċuh ġodda”.
Però ħadd ma jrid jinsa li jekk il-Partit Laburista għandu l-element veteran fih (li m’ilux aktar minn 20 sena) daqshekk ieħor hemm fil-PN (li ħafna minnhom ilhom ma l-20 sena u aktar). Argument li jista’ jiġi ribattut b’argument l-istess bħalu ma naħsibx li hu argument effettiv.
Nisa jaqbżu
Wieħed ma jistax ma jikkummentax dwar il-‘fans’ femminili li dehru fuq One TV jgħajtu u jsegwu lill-Prim Ministru. Bħala mara ma nistax ngħid li ma jiddispjaċinix li dawn in-nisa huma ta’ l-istess sess tiegħi iżda sfortunatament jidhru li għalkemm iċapċpu, m’huma kapaċi jevalwaw b’mod analitiku l-ebda messaġġ politiku.
Jekk dawn in-nisa kienu kampjun jew xiehda tat-tessut li se jkunu magħmulin minnu l-votanti tal-Partit Nazzjonalista – jew GonziPN – il-Prim Ministru reġa’ għamel żball ieħor tattiku u fatali f’dan il-mument l-aktar kritiku tal-kampanja elettorali. Min jaf, forsi sakemm dan l-artiklu jmur għall-istampa, il-Prim Ministru jkun reġa’ spara għal saqajh, min jaf?
|