|
Wara l-aħbar tad-data ta’ l-elezzjoni l-kampanja elettorali tieħu xejra oħra. Tidħol f’fażi ġdida… fażi li minbarra li tirrikjedi ħidma ħafna aktar intensiva u organizzata tkun ukoll ħidma ta’ l-aħħar mumenti stimulata mill-ansjetà u fl-istess ħin l-entużjażmu ta’ dawk kollha li huma direttament involuti fiha.
Mill-kawtela tax-xhur jew snin li jiġu qabel l-Elezzjoni Ġenerali, ikun proprju wara li titħabbar id-data li l-enerġija neċessarja għall-ispinta ta’ l-aħħar titkebbes għall-aħħar darba u joħorġu l-aħjar dibattiti u forsi anke dawk li l-aktar jaħarqu. Joħorġu wkoll fil-beraħ is-sorpriżi kollha li jkunu ilhom misturin mill-partiti politiċi li jistgħu jissejħu l-aħħar karti.
U l-elettorat f’dan kollu? L-elettorat jinqasam, l-ewwelnett f’diversi sezzjonijiet. Hemm dawk il-ftit li f’ħajjithom huma verament maqtugħin mill-politika (għalkemm mhux mill-konsegwenzi tagħha) u għalkemm bħal ħaddieħor iħallsu t-taxxa u jbatu jew igawdu minn kull deċiżjoni politika, fiskali u ekonomika li tittieħed, jagħżlu li dejjem jibqgħu barra milli jagħtu d-deċiżjoni tagħhom. Jirexxielhom elezzjoni wara l-oħra ma jiġux miknusin mill-ewforija elettorali iżda fl-istess ħin repetutament jitilfu l-opportunità li jiddeterminaw min se jmexxihom. Mill-banda l-oħra, minkejja n-nuqqas ta’ interess tagħhom, il-gvern xorta waħda se jitla’ u jintagħżel.
Imbagħad hemm dawk li “jivvotaw b’saqajhom” fis-sens li ma jivvotawx biex juru l-għadab tagħhom – bħala protesta. Dawn dejjem ikun hemm ammont konsiderevoli tagħhom u r-raġunijiet għaliex wieħed ma jmurx jivvota jistgħu jkunu wkoll diversi. Ħafna drabi dawn in-nies ikunu jridu juru fattwalment u mingħajr ebda dubju li ma vvotawx il-partit tas-soltu tagħhom. Uħud minnhom isibuha aktar faċli li ma jmorrux milli jmorru u jivvotaw lil partit ieħor. Oħrajn ma jridux imorru għax jafu li ħadd ma jemminhom li vvotaw kontra. U għandhom raġun. L-aktar ħaġa li toħroġ ċara wara l-elezzjoni huwa min ma vvotax. Kull min ivvota, kulħadd jista’ jgħid li ma vvotax kif qal. Iżda min ma vvotax ħadd ma jista’ jgħid li vvota. Dawn in-nies iltqajt ma’ ħafna minnhom u jkun hemm għadd ieħor li jiddeċiedu li jagħmlu hekk ferm aktar qrib ta’ l-elezzjoni nnifisha u li għadna ma nafux bihom.
Xogħol il-partiti politiċi bħalissa huwa li jaraw min huma dawk in-nies li jidhru li se jabbandunaw il-partit tagħhom. Nista’ ngħid li fuq id-distrett tiegħi, mingħajr ma nesaġera, ma ltqajtx ma’ simpatizzanti tal-Partit Laburista li jidhru li m’għadhomx sodi fi twemminhom, li tilfu l-fiduċja fil-partit tagħhom. Dan ngħidu b’responsabbiltà wara kampanja bieb bieb intensiva.
Imbagħad hemm dawk li se jivvotaw b’mod esperimentattiv. Din il-kategorija ta’ votanti huma wkoll votanti mdejqin bl-amministrazzjoni kif tmexxiet s’issa. Flok ma jivvotawx, jew jivvotaw għal partit li telgħu minn mindu kienu żgħar ma jirrikonoxxux it-tajjeb tiegħu, jiddeċiedu li jivvotaw lill-partiti ġodda u żgħar. Dawn jafu li l-vot tagħhom probabbilment mhux se jsarraf wisq. Jafu wkoll li lil min se jivvotaw qajla se jkollu biżżejjed poter f’idu wara l-Elezzjoni Ġenerali li jista’ jgħinhom fil-ħajja ta’ kuljum u inqas u inqas jista’ jiddeċiedi politikament għalihom. Jafu wkoll li l-vot tagħhom huwa wkoll vot ta’ protesta, wara kollox, aktar milli vot li jissarraf f’xi poter politiku tanġibbli. Iżda jibqa’ wkoll vot għalkemm esperimentattiv.
Ma’ dawn jistgħu jiżdiedu dawk li qabel ma jmorru fil-post tal-votazzjoni se jxejru lill-membri tal-partit tradizzjonali tagħhom u malli jidħlu ġewwa, fil-mument tad-deċiżjoni, jagħmlu li jidhrilhom.
Imbagħad hemm dawk li bħal dejjem se jibqgħu leali lejn il-partit tagħhom. Ħafna drabi din il-lealtà qajla tkun sostanzjata minn xi għajnuna vera li jkunu ngħataw mill-partit rispettiv. Hawnhekk aktar taħdem it-tradizzjoni, il-kultura, it-trobbija u, sfortunatament, il-fanatiċiżmu. Iżda biż-żewġ partiti ewlenin ikunu partiti ta’ storja li jirrappreżentaw valuri li jolqtu lill-massa tas-soċjetà, bniedem imwieled aħmar jew blu dejjem isib x’jiġġustifika fil-partit tiegħu u minn elezzjoni għall-oħra jġedded il-lealtà tiegħu lejh. Dawn huma n-nies li għandhom ċertezza li lil min jivvotaw jew saħansitra jaħdmu għalih għandhom aktar ċertezza jew għall-inqas probabbilment li se jkollu sehem sħiħ fid-deċiżjonijiet importanti tal-pajjiż, li se jkun verament fit-tmun u li wara kollox, jista’ jroddilhom xi ħaġa lura minn dak li jkunu tawh f’“termini reali”.
Imbagħad hemm dawk li se jkunu l-aktar avventurużi, li se jgħumu verament kontra l-kurrent u se jibdlu minn partit ewlieni għal partit ewlieni ieħor. Dawn huma dawk li verament se jitbiegħdu mill-emozzjoni u l-fanatiċiżmu u jagħtu lok aktar għal ħsieb b’moħħhom aktar milli b’qalbhom. Dawn jistgħu joħolqu l-aktar bidla drammatika – dik imsejħa ‘swing’ fejn voti li kienu jappartjenu għal partit politiku kbir imorru għand l-ieħor. Se jkunu verament dawk li se joħolqu aktar spettaklu u ħafna minnhom, speċjalment dawk li ġejjin mill-kamp Nazzjonalista u li qegħdin juru fid-deher li se jivvotaw lill-kamp Laburista, jistgħu jgawdu aktar minn kulħadd. Dan għax minn tant snin bil-partit tagħhom fil-gvern jistgħu jispiċċaw b’partit “ieħor” tagħhom fil-gvern. Ħafna drabi dawn jispiċċaw ukoll l-għira ta’ dawk li jkunu dejjem żammew leali lejn partit wieħed, iżda sfortunatament, in-natura umana tibqa’ dak li hi u f’dan is-sens, kif inhi l-attitudni popolari f’dan ir-rigward, il-vot tagħhom “jiswa doppju”.
Kollox ma’ kollox, però, nemmen li din l-elezzjoni, anke meta mqabbla ma’ l-elezzjoni ta’ qabilha se toffri spettaklu sħiħ ta’ spostament tal-voti. Jekk nibbaża l-konklużjoni tiegħi fuq, kemm l-esperjenza personali kif ukoll reazzjonijiet minn persuni li esperjenzaw ħafna aktar elezzjonijiet, fuq it-tgergir jew l-aċċettazzjoni tan-nies fir-rigwad tal-politika mħaddma mill-PN, kif ukoll fuq osservazzjoni li kontinwament nagħmel tar-riżultati elettorali, nasal biex nikkonkludi ħaġa waħda – il-Partit Laburista se jżid il-voti mentri l-Partit Nazzjonalista se jnaqqashom. Iżda l-Partit Nazzjonalista se jnaqqas aktar voti milli se jżid il-Partit Laburista.
www.lornavassallo.com
|