www.l-orizzont.com  
Il-Ħamis 2 ta' Settembru 2010
  L-orizzont  
Opinjoni
Editorjal
Features
Artikli/Kontribuzzjoni
Ittri lill-Editur
Rati tal-Avviżi
Arkivji
Ikkuntattjana
  FITTEX  
 
 
  Sports  

It-tim Malti jibda l-kwalifikazzjoni
ta’ Euro 2012 illum f’Iżrael.....

Wara l-inċidenti tas-Sibt li għadda fil-Pixxina Nazzjonali:
San Ġiljan jitnaqqsulhom żewġ punti
– Sospensjonijiet u multi lil uffiċjali, plejers u klabbs.....

Schembri jiskorja.....

James Paris ma’ Sliema W. għal tliet snin.....

Il-UEFA tipprojbixxi l-użu tal-vuvuzela.....

 

 
 

 

Opinjoni
 

Ħaġar Qim u l-Imdina
minn Lorna Vassallo

Il-progett ta’ Ħaġar Qim huwa wieħed minn dawk li suppost jingħata spinta kbira din is-sena. Iżda bħal fil-każ ta’ proġetti oħrajn, il-Gvern jidher li se jżomm dik li tista’ tissejjaħ tradizzjoni ta’ ttardjar ta’ snin, minkejja l-għajnuniet kollha finanzjarji li jkun ingħata anke minn barra minn Malta.

Iżda b’differenza minn proġetti oħrajn, fil-każ ta’ Ħaġar Qim, jista’ jkun li l-proġett aħjar ma jsirx. Bħala persuna fil-politika kif ukoll bħala interessata bis-sħiħ fil-wirt kulturali u l-arkeoloġija, nieħu pjaċir nitkellem ma’ ħafna nies.

Dan l-aħħar tkellimt ma’ espert tal-ġebla. Din il-persuna qaltli li s-soluzzjoni li nstabet għall-protezzjoni tat-Tempji ta’ Ħaġar Qim u Mnajdra mhix l-aħjar waħda. Pjuttost hija waħda li tista’ twassal għal aktar problemi. Huwa spjegali kif il-ftuħ jagħmel proprju aktar ġid lit-tempji milli l-għeluq.

Ħafna mill-ħsara ma ssirx mix-xita, iżda mill-umdità fil-ġebla u l-melħ. It-tinda se żżid l-umdità u ma tħallix lix-xita ssaffi l-ġebla mill-melħ. Kif kulħadd jaf, tinda ta’ ċertu materjal tista’ twassal għal aktar sħana u aktar umdità li tiċċirkola fit-tinda li tista’ twassal biex aktar tmermer lit-tempji ta’ ġewwa.

It-tmermir se jkun, kif jingħad aktar ’il fuq, prinċipalment f’forma ta’ umdità u mluħa, li hija l-akbar għadu tal-ġebla Maltija. Kif jaf kulħadd ukoll, l-umdità hija xi ħaġa irreparabbli.

Għalhekk, persuni kompetenti għadhom sal-lum jistaqsu jekk is-soluzzjoni tat-tinda hix verament l-aħjar waħda għal dawn it-tempji. Il-persuna, li tkellimt magħha, qaltli wkoll li s-soluzzjoni tat-tinda setgħet kienet “tajba” mhux biss għall-wirt ta’ Malta, imma wkoll għall-interessi ta’ ċerti persuni nvoluti.



L-Imdina

Problema oħra li kellmitni dwarha l-istess persuna kienet dik dwar l-istat ta’ manteniment tal-belt-ġawhra l-Imdina. M’huwiex b’kumbinazzjoni li jiena nsejjaħ lil din il-belt bħala l-“vera belt eterna” billi l-istorja tagħha hija verament l-itwal storja tad-dinja.

Iżda l-fatt li l-eks-kapitali ta’ Malta hija mibnija, fil-verità, fuq il-fdalijiet ta’ mill-inqas sebat ibliet ta’ seba’ żminijiet differenti, fosthom dawk taż-żminijiet Rumani, Spanjoli, Għarab, Normanni, dawk ta’ wara l-miġja tal-Kavallieri f’Malta u aktar tard ta’ l-epoka ta’ wara t-terremot ta’ l-1693, il-pedamenti tal-belt u speċjalment is-swar li jdawruha jrenduha verament fraġli.

Studju li sar minn Gvern Laburista ta’ l-1996 juri li ċerti saffi ta’ tafal taħt il-qawwi huma mifqugħin bl-ilma. Dawn ma jifilħux għat-toqol tas-swar u għalhekk dawn qegħdin iċedu. Is-soluzzjonijiet li qed joħroġ bihom Gvern Nazzjonalista ma jindirizzawx il-problema ġeoloġika, iżda jwasslu biss għat-tisħiħ tal-bini, waqt li l-blat ta’ taħtu xorta waħda se jibqa’ jċedi.

Din il-ħsara twassal għall-kollass ta’ parti sħiħa mill-Imdina u b’hekk twassal biex nitilfu darba għal dejjem ġawhra storika sforz l-inkompetenza ta’ Gvern li ma indirizzax il-problemi kif suppost.

Iċ-ċiklu naturali li jdgħajjef lis-swar mal-medda tas-snin għaddej jgħaġġel bħal arloġġ. Huwa għahekk ukoll li din il-problema għandha tiġi indirizzata qabel ma jkun tard wisq.



Santa Cecilja

Kienet verament ta’ rimors l-aħbar tat-tiġrif tal-kappella medjevali ta’ Santa Ċeċilja f’Għawdex. Milli jidher f’dan il-każ għadd ta’ għaqdiet volontarji u nies interessati kienu xebgħu jiġbdu l-attenzjoni ta’ l-awtoritajiet għall-istat li kienet tinsab fih, iżda dan kien kollu għalxejn.

Wieħed ma jistax ma jfaħħarx bla qies il-ħidma kbira volontarja, jew semi-volontarja, li ċerti għaqdiet kulturali qegħdin jagħmlu, ewlenin fosthom il-Heritage Malta u Wirt Artna.

Iżda jekk l-awtoritajiet ma jagħtux widen, fiż-żmien opportun jistgħu jintilfu ġojjelli storiċi minn pajjiżna, darba għal dejjem. U dan prezz ferm ogħla minn kwalunkwe flus li kwalunkwe awtorità tista’ tiddedika lill-wirt storiku ta’ pajjiżna.



Ghajn Znuber

Ftit lil hemm mit-telgħa ta’ Għajn Żnuber, fit-triq li mill-Manikata twassal għall-Mellieħa, jinsab wieħed mit-torrijiet tant tipiċi ta’ żmien il-Kavallieri ta’ San Gwann tul il-kosta ta’ Malta. Sfortunatament, dan l-aħħar, ħadt xokk kbir meta rajt li s-saqaf ta’ dan it-torri pittoresk kien ċeda.

Safejn naf jien, dan it-tiġrif ma rajtu rrapportat imkien. U għalhekk, jekk la aħna ċ-ċittadini Maltin u lanqas l-awtoritajiet, ma jqisu t-tiġrif ta’ torri storiku bħala xi ħaġa li timmerita “luttu”, is-sogħba nazzjonali hija tassew doppja.

Luttu għall-bini storiku li qegħdin inħallu jgħib quddiem għajnejna bla ma nagħmlu xejn biex dan nevitawh. U luttu ieħor għall-għarfien nieqes tal-Maltin (speċjalment u fuq kollox l-awtoritajiet) li ma jafux japprezzaw pajjiżhom.

Wieħed jittama li dawn l-aħbarijiet ħżiena dwar il-wirt kulturali, arkitettoniku u arkeoloġiku ta’ pajjiżna ma jibqgħux jinstemgħu… mhux għax ma jiġux irrapportati. Wieħed jittama li fejn sar xi tiġrif, l-awtoritajiet jagħmlu l-aħjar biex ikun hemm rikostruzzjoni (għalkemm l-aħjar li nilqgħu minn qabel) u fejn hemm il-possibbiltà ta’ tiġrif (bħal dak ta’ l-Imdina) jiġi evitat. Wieħed jittama wkoll li l-awtoritajiet ma jsibux kważi-soluzzjonijiet għall-konservazzjoni tal-wirt arkeoloġiku li aħna mgħonijin bih, iżda soluzzjonijiet verament dejjiema, li jwasslu biex ma joħolqux problemi oħrajn u jsewwu verament il-problemi li diġà jeżistu.

www.lornavassallocom

Ikkummenta dwar dan l-Artiklu Fuq

Artikli oħrajn fis-sezzjoni Opinjoni
·  Għaliex int?
·  L-immigranti u l-GWU
·  Il-klieb ta’ Napuljun
·  Il-ġid jinħoloq bix-xogħol u l-impjiegi
·  Il-qerq tas-sħubija fl-Unjoni Ewropea
·  L-UE għandha tikkriminalizza l-immigrazzjoni illegali


IT-TEMP - 2/9/2010
Rapport tat-Temp:  Il-bicca l-kbira msahhab bix-xita u bir-raghad
Temperatura: 
L-ogħla: 31°C
L-inqas: 21°C

Riħ:  Xlokk 10-20 kph
Għall-aġġornament tat-temp agħfas hawn.